Intervista | ‘Hawn il-ġid iżda l-faqar kiber ... ħafna jiġu għall-ikel, bil-kontijiet jew għax bla dar’
Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ ma’ Fr Hilary Tagliaferro, is-saċerdot iffissat fil-futbol li anke jekk għandu 87 sena, ma jieqaf qatt jaħdem mal-batut permezz tal-Millennium Chapel, li welled hu stess 21 sena ilu. Jirrakkonta kemm dan il-proġett għen u salva ħajjiet tul is-snin
minn Yendrick Cioffi
Qalb il-mekka tad-divertiment f’Malta, l-istorbju tal-barijiet, il-ħsejjes tal-karozzi u forsi anke tal-kostruzzjoni, issib dik deskritta bħala l-oażi ta’ paċi, jiġifieri l-Millennium Chapel, li welled 21 sena ilu Patri Hilary Tagliaferro, jew sempliċiment Fr Hilary, kif inhu magħruf mal-Maltin. Anke jekk din is-sena se jagħlaq 87 sena, Fr Hilary għadek issibu jaħdem bl-istess imħabba u impenn u fi kliemu stess, jibqa’ għaddej “sakemm jagħtih in-nifs.”
Din il-ġimgħa, ħa nħallu ftit il-politika fil-ġenb u se niltaqgħu ma’ Fr Hilary, dan ir-reliġjuż Agostinjan, iffissat fil-futbol. Tħares fejn tħares, inkluż fl-uffiċċju, tara ritratti tiegħu ma’ plejers Maltin u plejers internazzjonali u famużi u anke rikonoxximenti u premji li ngħata, inkluż mill-UEFA.
Fr Hilary jibda jirrakkonta li ilu mill-1989 jagħmel parti mill-komunità Agostinjana fl-inħawi fejn illum insibu l-Millennium Chapel.
“Ġejt sena wara l-World Cup ta’ Franza għax jiena bil-World Cups nikkalkula,” qalilna bi tbissima. “Dik kienet l-aħħar darba li għamiltha ta’ ġurnalist sportiv.”
Qabel, Fr Hilary, għamel 26 sena fl-inħawi ta’ Bay Street. Dan ifisser, ikompli jispjegalna, li ilu f’din iż-żona ta’ San Ġiljan mis-snin sebgħin.
“Jiena rajt din iż-żona tinbidel. Niftakru post ta’ villeġatura għal ftit familji Maltin u kien hawn ukoll ftit residenti. Rajtu, ftit ftit, isir il-post tat-turiżmu, tal-lukandi, tad-divertiment u tal-istorbju,” kompla jirrakkonta. “Inbidel totalment.”
Il-bidla f’din iż-żona, ġabet magħha wkoll bidla fil-ħidma tal-Patrijiet Agostinjani. Spjega kif fiż-żona fejn illum hemm il-Millennium Chapel, qabel kien hemm sempliċiment ċentru żgħir tal-komunità, li kien jintuża għad-duttrina u anke għal xi teatrin jew xi film li kien jintwera.
“Għal xi ftit żmien ukoll kienet parroċċa żgħira,” kompla jirrakkonta anke jekk dan ma kie niżel xejn tajjeb mal-Kappillan ta’ San Ġiljan.
‘Kien il-futbol li ressaqni lejn in-nies anke fi żmien il-kwistjoni bejn il-PL u l-Knisja’
Morna ftit lura fiż-żmien u tkellimna dwar iż-żmien li Fr Hilary kien ġurnalist. Fil-fatt kien ġurnalist mal-ġurnali ‘Il-Ħaddiem,’ ‘Il-Ħajja’ u nke ma’ gazzetta oħra li, kumbinazzjoni, kien ukoll jisimha “L-ILLUM.”
Fit-tliet gazzetta, apparti li kien parti mill-bord editorjali, xogħlu kien speċjalizzat fuq l-isports.
Iżda l-ILLUM tistaqsih kif irnexxielu jżewweġ flimkien il-ħajja reliġjuża u dik ta’ ġurnalist sportiv. Kellu jibqa’ daqshekk iffissat fl-isport, ġaladarba kien sar saċerdot? Ma setax għamel affarijiet oħra?
“Allavolja mort nistudja Ruma għal saċerdot, qalbi dejjem kienet fl-isport. Meta ġejt lura Malta, kont l-Oratorju ta’ Ħal Tarxien fejn kien ikun hemm ħafna tfal u kont erġajt bdejt nilgħab il-futbol. Indunajt bħala saċerdot li l-isports u l-futbol kien qed iwassalni lejn in-nies,” spjega Fr Hilary.
Kompla jfakkar li dan kien żmien il-kwistjoni bejn il-Partit Laburista u l-Knisja. Fi kliemu, il-famuż “dnub il-mejjet” ħoloq sentiment ta’ antiklerikaliżmu fost bosta.
“Kien żmien diffiċli imma nirringrazzja ‘l Alla li dak iż-żmien, permezz tal-futbol, ersaqt lejn il-każini tal-partiti politiċi, il-każini tal-banda, il-każini tal-futbol u bqajt nitħallat u nsir naf in-nies. Indunajt li Alla lili żejjini b’dan it-talent tal-isports biex inkun nista’ nużah anke bħala saċerdot sabiex nersaq iżjed viċin in-nies,” insista.
Saħaq ukoll li ħafna mill-valuri tal-isports jixbħu ħafna l-valuri tal-Evanġelju. Fost dawn semma l-ispirtu tas-sagrifiċċju, tal-maħfra, tal-umiltà u oħrajn.
‘Gwaj għalih dak is-saċerdot li jaqbad it-triq tat-trijonfaliżmu’
Fr Hilary ma tantx idur mal-lewża u hawn tefa’ ħarstu fuq il-Knisja llum il-ġurnata, partikolarment lejn uħud mis-saċerdoti. Fr Hilary, minkejja l-età tiegħu, għadu jiġbed lejh iż-żgħażagħ, iżda hawn saċerdoti, li anke jekk għadhom żgħar, ma jmorrux tajjeb maż-żgħażagħ u jidhru li huma maqtugħa min-nies.
“Dak huwa nuqqas ta’ formazzjoni li qed tingħata. Jiddispjaċini ngħid li ħafna saċerdoti żgħar huma ffissati fuq l-ilbies, fuq il-berettini u fuq it-titlu ta’ kanonku, milli fuq il-kuntatt man-nies. Nifhem lil dawk is-saċerdoti anzjani, li ma għexux il-ħajja li għext jien u li huma maqtugħa min-nies. Lil dawn naħfrilhom. Imma ma nistax naċċetta li dawk li huma żgħar jinqatgħu min-nies,” insista Fr Hilary. “Il-Papa Franġisku jgħidilna li jrid ikollna r-riħa tal-mogħoż, tal-merħla. Dak ifisser li tkun f’kuntatt man-nies. Gwaj għalih dak is-saċerdot li jaqbad it-triq tat-trijonfaliżmu li tbiegħdu mill-poplu.”
‘Il-Millennium Chapel infeħet 15-il sena tard’
Qlibna d-diskors biex nitkellmu fuq il-Millennium Chapel. L-ILLUM tistaqsih jekk infetħitx apposta f’din iż-żona jew inkella nfetħitx f’Paceville għax l-Agostinjani diġà kellhom preżenza.
Insista li l-Millennium Chapel f’post ieħor ma kienx ikollha s-suċċess u lanqas is-sinifikat li għandha f’Paceville.
“L-akbar problema li kelli biex niftaħ il-Millennium Chapel kienet mill-patrijiet sħabi li kienu jgħixu hawnhekk stess. Għall-bidu ma setgħux jifhmu l-bżonn tagħha, anke għax l-Agostinjani diġà kellna knisja li kienet qed taqdi l-bżonnijiet tal-komunità,” insista.
Madanakollu, Fr Hilary baqa’ jinsisti li Paceville inbidel u l-bżonnijiet inbidlu u kien hemm bżonn mod differenti kif jersqu lejn in-nies.
Iżda ftit ftit, il-Millennium Chapel infetħet, fl-istess post fejn qabel kien hemm iċ-ċentru tal-komunità li kien ilu xi għaxar snin magħluq, għax il-ftit residenti li kien hemm f’din iż-żona, telqu jgħixu bnadi oħra minħabba l-iżvilupp.
“Jiena ħassejt li f’Paceville kien hawn kollox ħlief il-preżenza ta’ Alla. Mhux għax Alla ma kienx preżenti, imma, biex ngħidu hekk, m kienx preżenti fiżikament, fl-Ewkaristija, l-istess kif inhuma preżenti l-bars u l-istabbilimenti tad-divertiment,” saħaq.
Fi kliemu, kien ilu joħlom bil-Millennium Chapel, minn ħafna żmien qabel.
“Kien hawn bżonnha fi żmien tmenin. Wasalna kważi 15-il sena tard. Kienu nfetħet imqar 15-il sena qabel, kinet tagħmel aktar ġid,” kompla jirrakkonta.
Kollox beda minn grupp żgħażagħ bilqiegħda fuq taraġ
Jirrakkonta kif darba minnhom, meta kien qed jirritorna l-kunvent, għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu kien iltaqa’ ma’ grupp ta’ żgħażagħ li kienu bilqiegħda fuq it-taraġ tal-knisja tal-Agostinjani.
“Staqsejthom għaliex kienu hemm u għaliex ma kinux id-disco. Qaluli li xtaqu jitkellmu. Mela allura anke ż-żgħażagħ iridu jitkellmu, iridu l-kwiet. Dik xegħlet bozza fija u ftaħna l-Millennium Chapel,” kompla jirrakkonta.
‘Il-Millenium Chapel salvat ħafna ħajjiet’
Saħaq li l-Ewkaristija, li tibqa’ l-qofol ta’ dan iċ-ċentru, fiha l-forza u l-qawwa tagħha li tista’ tbiddel lil dak li jkun.
“Il-Millenium Chapel salvat ħafna ħajjiet. Nies jiġu jibku u jiġu jifirħu wkoll,” insista Fr Hilary.
Fil-fatt, ħafna jaħsbu li l-Millennium Chapel hija sempliċiment kappella tal-adorazzjoni li bħalhom insibu kważi f’kull lokalità. Altru minn hekk. Il-Millennium Chapel toffri għadd ta’ servizzi.
Fr Hilary spjega kif kuljum jiltaqgħu ħafna żgħażagħ fi gruppi ta’ appoġġ kontra diversi vizzji, inkluż id-droga, il-logħob u anke l-alkoħol.
Barra minn hekk, il-Millennium Chapel, bl-għajnuna ta’ diversi professjonisti, toffri counselling b’xejn għal dawk il-persuni, Maltin u barranin, li jkunu għaddejin minn żminijiet diffiċli.
“Għandna grupp ta’ esperti u professjonisti li joffrulna s-servizz tagħhom b’xejn. Ikollna wkoll anke studenti universitarji li jiġu hawn biex jagħmlu l-esperjenza tagħhom,” insista Fr Hilary.
Minn boroż kbar ta’ ikel, sa għajnuna fil-ħlas ta’ kontijiet
F’garaxx, biswit il-Millennium Chapel, wieħed isib diversi affarijiet għall-bejgħ, bi prezzijiet baxxi ħafna. Minn hawn ukoll, il-Millennium Chapel toffri boroż kbar tal-ikel, kull ħmistax, lil 250 familja minn madwar Malta kollha.
“Bdejna b’għaxar familji. Illum telgħu 250. Jiġu anke nies li jitolbuna ngħinhom għax ma jkunx jistgħu jlaħħqu mal-kontijiet,” insista Fr Hilary.
Kompla jisħaq li tul l-21 sena li l-Millenium Chapel ilha miftuħa, l-affarijiet marru għall-għar mhux għall-aħjar, fis-sens li l-problemi kibru u forsi saru aktar profondi.
‘Vera hawn il-ġid u hawn ix-xogħol, imma l-faqar kiber ... hawn nies bla dar’
“Il-problema tad-droga kibbret. Anke minħabba l-pandemija. Hawn iżjed adorazzjoni tal-flus. Id-dinja saret iżjed materjalista. Dik tinħass. Għalkemm hawn iżjed ġid il-faqar kiber. Jiġu ħafna bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma jew b’xi kont tal-kera. Il-ġuħ kiber. Il-faqar kiber. Kull ġimgħa tiġi familja ġdida li għandha bżonn l-għajnuna. Vera hawn il-ġid u hawn ix-xogħol, imma l-faqar kiber,” insista Fr Hilary. Fil-fatt, sakemm l-ILLUM kienet qed titkellem ma’ Fr Hilary, ukoll ġew nies jitolbuh l-għajnuna.
Tkellem ukoll dwar il-problema tal-kirjiet u l-għadd ta’ persuni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom Insista li anke dawn żdiedu.
“Jiġu ħafna li huma bla dar. Mur fuq il-bajjiet u ara nies reqdin fuq il-bajja. Anke fil-kuritur li jagħti għall-kunvent, insibu nies reqdin. Ikun hemm priġunieri li joħorġu mill-ħabs u ma jkollhomx fejn immorru. Għaliex lill-priġunieri jitilquhom mill-ħabs fis-sebgħa ta’ filgħaxija. Min ma għandux fejn imur, fejn se jsib dak il-ħin?”, kompla jisħaq.
Kien hawn li saħaq li dan jikkonferma kemm hawn bżonn il-Millennium Chapel. Propju għalhekk, spjega Fr Hilary, ma jiqfux jaħsbu fuq inizjattivi u ideat ġodda għar-realtajiet ġodda li jqumu minn żmien għal żmien.
‘Il-ġenerożità tal-Maltin hija kbira’
L-ILLUM staqsiet jekk il-pandemija żiditx ix-xogħol tagħhom u jekk kienx hemm aktar persuni li fittxew l-għajnuna tal-Millenium Chapel.
Fr Hilary insista li l-problemi fil-pandemija żdiedu u fl-istess waqt għall-Millenium Chapel kienet ukoll daqqa ta’ ħarta għax kellhom iwaqqfu l-attivitajiet li permezz tagħhom kienu jiġbru l-flus biex jgħinu lil dawk li jitolbuhom l-għajnuna.
“Minkejja dan, il-ġenerożità tal-Maltin hija kbira. Hemm ħafna kumpaniji u ditti kbar li jgħinuna,” insista.
‘Screen b’messaġġ pożittiv waqqaf raġel milli jmur jaqbeż’
Aktar qabel, Fr Hilary qal li l-Millenium Chapel salvat ħafna ħajjiet. L-ILLUM tistaqsih kemm huma komuni l-każi ta’ żgħażagħ u nies oħra li jkunu qed jikkunsidraw is-suwiċidju.
Irrakkontalna l-aħħar każ li kellu. Fuq barra, fuq il-bankina, hemm screen elettroniku li l-ħin kollu jtella’ messaġġi pożittivi.
“Xi xahrejn ilu, ċempilli wieħed u qalli li weħel fit-traffiku quddiem il-Millennium Chapel. Qalli li kien iddisprat għax telqitu l-mara u kien determinat li sejjer jaqbeż. Qalli ħarist lejn dan l-iscreen u ra miktub biss: “Don’t give up.” Messaġġ sempliċi, iżda li għenu jirrifletti x’se jagħmel bit-tfal,” insista.
Qal li bħal dawn ikollhom diversi każi ta’ nies li jmorru jibku, qalbhom maqtugħa anke bil-lejl. Semma omm li saret taf li t-tifla tagħha ta’ 15-il sena kienet inqabdet tqila. L-omm kienet ġejja minn familja tajba ħafna u ma setgħetx taċċetta li bintha tqila u kienet lesta li tagħmel suwiċidju.
“Ġiet hawn tibki. Żammejniha hawn. Tkellimna magħha u llum tgħannaq it-tarbija li kellha bintha,” insista Fr Hilary. “F’mumenti bħal dawn, tirrealizza kemm hawn bżonn il-Millennium Chapel.”
Mhux żgħażagħ Insara biss ifittu l-Millenium Chapel
Anke jekk il-qalba tal-Millenium Chapel tibqa’ l-Ewkaristija, mhumiex biss żgħażagħ jew persuni Insara li jmorru jitolbu l-għajnuna imma jmorru nies ta’ kull età u reliġjon.
Fr Hilary ħadna fi ġnien ta’ meditazzjoni, li nfetaħ tliet snin ilu, anke biex jattira aktar persuni li mhumiex Insara, partikolarment Musulmani li ma jħossuhomx komdi li jidħlu fil-kappella. Minkejja l-istorbju li jdawwar il-Millennium Chapel, f’dan il-ġnien, il-ħoss donnu jiskot.
“Il-kelma ta’ Alla xorta waħda tibqa’ fiċ-ċentru ta’ dan il-ġnien, imma hija miftuħa għal kulħadd,” insista Fr Hilary. Fil-fatt, mal-ħitan, hemm miktuba kwotazzjonijiet mill-Iskrittura li ma jgħoddux biss għall-Insara, imma huma indirizzati għal kulħadd.
Iżda l-ILLUM tistaqsi lil Fr Hilary jekk il-kappella, li tinsab fil-qalba ta’ dan iċ-ċentru, hijiex frekwantata. Il-bars dejjem mifqugħa bin-nies, imma l-kappella l-istess? Iż-żgħażagħ jiġu?
Fr Hilary huwa sodisfatt u saħaq li fil-kappella, matul il-ġurnata, bil-lejl u anke fil-ħinijiet tal-brejks, ikun hemm ħafna żgħażagħ li jmorru jitolbu fil-kwiet.
‘L-ewwel itolbu għalina u min jista’ jagħtina donazzjoni’
Mistoqsi x’jistgħu jagħmlu l-qarrejja tal-ILLUM biex jgħinu lill-Millennium Chapel, Fr Hilary ma marx mill-ewwel għall-flus. Anzi, insista li l-ewwel u qabel kollox għandhom jitolbu għalihom.
“Aħna nemmnu ħafna fit-talb u allura nixtiqukom titolbu għalina biex dan il-post jibqa’ jilħaq l-għanijiet tiegħu,” insista Fr Hilary waqt li spjega li l-Millennium Chapel għandha fondazzjoni ta’ lajċi li jaħdmu biex jaraw li din tibqa’ tilħaq l-għan tagħha.
“Min jaffordja li jagħti donazzjoni, nitolbuh jagħmel dan. Żgħira kemm hi żgħira l-kontribuzzjoni, se tkun qed tgħin lil xi familja fil-bżonn jew xi persuna msallba,” insista Fr Hilary.
Irrakkonta mal-ILLUM li kull nhar ta’ Ħadd, waqt il-quddiesa, jistieden lil dawk preżenti biex jieħdu magħhom imqar landa tond taż-żejt biex joffruha mal-offerta tal-ħobż u l-inbid.
“Daħlet fil-kultura. Għandna nies li jġibu borża ikel u jtellawha fuq l-artal,” insista Fr Hilary waqt li pponta subajgħ lejn żewġ basktijiet mimlija ikel, lesti, fl-uffiċċju tiegħu, biex jagħtihom lil xi ħadd fil-bżonn.
Spjega li huma ma jaqbdux u jagħtu l-għajnuna lil kulħadd. Jivverifikaw id-dħul u anke l-properjetajiet ta’ persuna biex ikunu ċerti li l-għajnuna tmur għand min vera għandu bżonn.
Fi kliemu, kull min jaqla’ inqas minn €10,000 fis-sena, huma se jgħinuh. Anke jekk illum €10,000 fis-sena ma huma xejn, isibu nies li jaqilgħu inqas.
“Għalhekk kull min jaffordja, kull min il-Bambin ipprovdilu, anke għax ħadem, nitolbuh biex jaħseb f’min hu fil-bżonn, għax hawn ħafna,” appella.
Fr Hilary, se jagħlaq 87 sena. “Ma għejjejtx?” “Ma tixtiqx tieqaf u tistrieħ?”, nistaqsuh. “Sakemm jifdalli n-nifs nibqa’ nagħti s-servizz tiegħi,” temm jgħidilna bi tbissima.