Se jixwina! Malta tidħol fit-tielet mewġa tas-sħana bit-temperatura mistennija tlaħħaq il-41 grad

L-agħar ġranet mistennija jkunu l-Erbgħa u l-Ħamis

Aħsiblu għall-arja kkundizzjonata, il-fannijiet, is-silġ, nuċċali tax-xemx, beritta u s-sunblock għax mil-lum Malta dieħla fit-tielet mewġa tas-sħana li mistennija tippersisti sa Santa Marija, bit-temperatura mistennija tilħaq l-40 grad u xi drabi aktar ukoll.

Illum, it-temperatura mistennija titla' sa 35 grad, iżda tinħass 38.

It-temperatura se tkompli tiżdied minn għada iżda l-agħar ġranet mistennija jkunu l-Erbgħa u l-Ħamis.

L-Erbgħa t-temperatura mistennija titla' sa 41 grad u tinħass 42, filwaqt li l-Ħamis l-ogħla temperatura se tkun ta' 40 grad iżda xorta mistennija tinħass 42 f'xi waqtiet.

Mill-Ġimgħa t-temperatura jinżlu xi ftit imma ma jfissirx li se nħossu l-bard. Madanakollu, ħdejn is-sħana tal-Erbgħa u l-Ħamis, il-Ġimgħa se nieħdu xi ftit jew wisq tan-nifs, hekk kif l-ogħla temperatura mistennija tinżel għal 32 grad, anke jekk se terġa' tiżdied ftit għal tmiem il-ġimgħa.

Matul il-ġimgħa, l-indiċi tar-raġġi UV mistennija jitilgħu sa 10.

More in Socjali