‘Kulħadd dera bla impenn ... nibżgħu li l-bandisti jnaqqsu s-servizzi tagħhom’

Sentejn bla festi mhux ċajta. Il-bandisti filli kien ikollhom sajf ippakjat servizzi u filli sabu ruħhom bla impenn ta’ xejn. Kien hemm min ħass dan in-nuqqas imma oħrajn qed iħossuhom komdi jgawdu s-sajf. Dan x’riperskussjonijiet se jkollu fuq il-festi u l-każini? 

Xi kwiet. Ħlief għal xi ftit pavaljuni u erba’ fustuni, sakemm ma tidħolx fil-knisja, lanqas tinduna li raħal ikun qed jiċċelebra l-festa. X’differenza mis-soltu! Kuljum għandek fejn tmur, daqqa marċ f’lokalità, daqqa spettaklu tan-nar f’ieħor u daqqa xi programm mużikali fuq xi planċier li trid seba’ għajnejn biex tammirah. Din is-sena kollox baqa’ sieket u dan meta suppost ninsabu fl-aqwa tal-istaġun tal-festi. 

Fl-aħħar jiem il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ bandisti li għalkemm tkellmu dwar id-dispjaċir tagħhom li l-festi mhux isiru, mill-banda l-oħra insistew li għall-ewwel darba, is-sena li għaddiet u din is-sena, qed igawdu s-sajf. 

“Qabel lanqas kont naf x’jiġifieri sajf. Drajt immur il-baħar.” qal wieħed mill-bandisti mal-ILLUM. Dwar dan, il-gazzetta tkellmet mal-Viċi President tal-Għaqda Każini tal-Banda u l-President tal-Għaqda Mużikali Marija Assunta tal-Gudja, Omar Xuereb. 

“It-tħassib tagħna huwa li l-bandisti se jnaqqsu s-servizzi tagħhom. Mhux se jibqgħu jaċċettaw li jkunu impenjati bħal sjuf oħra. Kien hemm bandisti li jdoqqu mit-Tnejn sal-Ħadd. Se nbatu biex insibu l-bandisti,” ikkonferma Xuereb. 

Kompla jisħaq li wieħed jistenna li malli jerġgħu jibdew isiru l-festi u jiżdiedu l-marċi, il-bandisti se jibdew jagħżlu liema servizzi jaċċettaw u liema le.  

“Mhux se jagħmlu bħal qabel u jaċċettaw kull servizz li jissejħu għalih,” kompla jisħaq. “Kulħadd irilassa. Il-familji tal-bandisti ħadu gost li fi tmiem il-ġimgħa qed ikunu aktar flimkien.” 

Mistoqsi x’qed isir biex il-bandisti jinżammu okkupati, Xuereb irrefera għal dak li qed jagħmel hu u l-Kumitat tal-Għaqda Mużikali li jmexxi. Insista li biex iżommu lill-bandisti tal-post (il-bandisti li jkunu ħarġu min każin tal-banda partikolari) motivati u okkupati, qed jorganizzawlhom diversi affarijiet, inkluż sessjonijiet onlajn. 

“Mhux kull soċjetà mużikali l-istess. Ikollok bandisti, li jiena nsejħilhom tal-partit, li jibqgħu akkost ta’ kollox. Imma jkun hemm oħrajn li l-interess tagħhom ma jkunx qawwi,” kompla jisħaq. 

Insista li l-Għaqda Każini tal-Banda kellha laqgħat ma’ kull soċjetà mużikali u din kienet waħda mit-tħassib li l-aktar qajmu magħha. 

“Ma nistgħux ngħidu x’se jkun eżatt l-effett għax għalissa l-festi mhux isiru. Imma kulħadd qed jibża’,” insista Xuereb. 

Kompla jgħid li anke qabel il-pandemija kienet diffiċli biex Għaqda Mużikali ssib il-bandisti tant li biex jgħaqqdu banda għal servizz, kienu jaħsbu minn kważi sena qabel. Fi kliemu, wara l-pandemija dan se jkun qed isir dejjem iżjed diffiċli. 

‘Bla dubju se jiżdiedu l-ispejjeż...’ 

Mistoqsi x’jaħseb li jistgħu jkunu r-riperkussjonijiet fuq il-festi, Xuereb insista li bla dubju se jiżdiedu l-ispejjeż. “Il-bandist flok jitolbok €30 jibda jitolbok €50 għax jgħidlek ma hawnx minn fejn tagħżel,” insista. 

Madanakollu, l-Għaqda Każini tal-Banda bdiet taħseb ukoll biex tagħmel il-ħajja tal-soċjetajiet mużikali aktar faċli. Fil-fatt, fuq is-sit tagħha ħolqot sistema fejn il-bandisti jistgħu jirreġistraw isimhom. Is-segretarji tal-każini għandhom aċċess għaliha u jkunu jistgħu jużawha biex jaraw jekk hemmx bandisti disponibbli fil-ġranet li huma jkollhom bżonnhom. 

Omar Xuereb
Omar Xuereb

Fi kliemu, din tagħmilha faċli għax tgħin lill-każini tal-banda biex isibu aktar bandisti, partikolarment dawk ġodda u li ma jkunux għadhom jafu bihom. Saħaq li dan se jkun qed jgħin ħafna partikolarment f’dawk il-ġranet fejn il-bandisti jkunu l-aktar impenjati u li għalhekk ikun aktar diffiċli għas-soċjetajiet li jsibu bandisti disponibbli. 

“Għadna fil-bidu tagħha imma qed jiżdiedu l-bandisti li qed jirreġistraw fiha,” spjega. 

‘L-ispejjeż żdiedu, id-dħul naqas u hemm każini li spiċċaw bla bar’ 

Komplejna nitkellmu fuq l-ispejjeż li qed jiffaċjaw is-soċjetajiet mużikali u jekk jifilħux iżidu l-ispiża tagħhom. 

“Biex tgħaqqad banda diġà kienet tinvolvi ħafna spejjeż imma issa se nħossuha aktar għax id-dħul naqas,” kompla jispjega l-Viċi President tal-Għaqda Każini tal-Banda. 

Fil-fatt insista li diversi każini tal-banda spiċċaw mingħajr persuni biex imexxulhom il-bar, anke għax dawn telqu jew ma ġeddewx il-kuntratt sakemm il-każini kienu magħluqa. 

“Din ukoll problema. Hemm membri tal-kumitat li qed jispiċċaw imexxu l-bar jew inkella soċjetajiet li jikru l-bar b’xejn. Mill-bar u l-kirja ddaħħal ħafna mill-ispejjeż inkluż tal-bandisti,” kompla jispjega. “Dan apparti li naqas il-ġbir, ir-reklamar u anke l-attivitajiet tal-fundraising għax trid ħafna permessi u applikazzjonijiet.” 

Insista wkoll kif minkejja li d-dħul naqas drastikament, is-soċjetajiet mużikali għad għandhom diversi spejjeż. Fakkar kif it-tagħlim tal-mużika għadu għaddej. 

“Illum mhux surmast wieħed ikollok jgħallem. Ikollok tlieta jew erbgħa. Mhux se jitħallsu bħal 20 sena ilu. Illum huma professjonisti u jitħallsu ta’ professjonisti,” kompla jispjega. 

‘Mhux mill-bandisti biss se nbatu’ 

Fid-dawl ta’ dak kollu li tkellimna dwaru, dawwarna ħarsitna lejn il-festi. L-ILLUM tistaqsih x’se jkunu r-riperkussjonijiet fuq il-festi, bi Xuereb itenni li l-għadd ta’ nies u voluntiera se tkun l-akbar problema. 

Insista li bħall-bandisti, hemm voluntiera tal-festa li wkoll ħassewhom komdi mingħajr impenn.  

“Din diġà bdiet tinħass,” insista. 

‘Kulħadd se joħroġ bi ħġaru anke jekk b’inqas nies’ 

Madanakollu insista li għalkemm il-festi fadlilhom biex jerġgħu jsiru kif kienu jsiru qabel, il-festi mhux se jmutu għax fi kliemu, in-nies iħobbuhom u jkunu qed jistennewhom. 

“Jiena naraha minn din is-sena. Għalkemm il-festi mhux isiru bħas-soltu, qed jintrama xi drapp u dwal. Is-sena l-oħra konnha fl-istess sitwazzjoni u ħadd ma rama xejn,” kompla jisħaq.  

Saħansitra qal li tant hawn ħeġġa u għatx li meta l-festi jkunu jistgħu jerġgħu jsiru, id-dilettanti ta’ vera se joħorġu aktar b’saħħithom biex jesponu x-xogħol li baqgħu jaħdmu fuqu u li għadu ma deherx. 

“Nemmen li l-ewwel festa kulħadd ħa joħroġ bi ħġaru anke jekk b’inqas nies,” insista. 

‘Inżommu saqajna mal-art u mal-limitazzjonijiet’ 

Kien hawn li Xuereb temm jappella lill-każini tal-banda biex iżommu saqajhom mal-art. 

“Ikun hemm każin li jkun irid jagħmel bħall-każin li miegħu jikkompeti,” insista. “Irridu nżommu l-limitazzjonijiet tagħna. Ħafna każini jieħdu ħsieb l-aspetti kollha tal-festa u mhux il-banda biss. Dawn iridu joqgħodu aktar attenti. Ma nesaġerawx. Ma nippretendux li se niġbru l-ispejjeż. Xorta nemmen li l-festi mhux se jmutu u mal-ewwel okkażjoni se jkollna spettaklu kbir ta’ festi,” temm jisħaq. 

More in Socjali