11-il sena jispeċjalizza fit-trapjanti tal-għajnejn madwar ir-Renju Unit

Din il-ġimgħa l-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Oftalmologu Malti Andrè Grixti li għall-aħħar 11-il sena kien qed jitħarreġ u jispeċjalizza fil-qasam tat-trapjanti tal-kornea f'diversi sptarijiet fir-Renju Unit u li llum huwa saħansitra membru fil-Kulleġġ Irjali tal-Oftalmoloġisti ...

Ta' sikwit niftaħru bit-talent lokali f'diversi oqsma, kemm ta' persuni li qed jagħmlu suċċess lokalment kif ukoll oħrajn li qed jagħmlu suċċess barra minn pajjiżna.  Il-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' Andrè Grixti, Oftalmologu speċjalizzat fit-trapjanti tal-kornea, li qatta' snin sħaħ minn ħajtu jistudja u jispeċjalizza kemm f'Malta u għall-aħħar snin anke barra, f'dan is-suġġett partikolari. 

Grixti, ta' 37 sena minn Birżebbuġa u li llum huwa Konsulent fil-Blackpool Victoria Hospital kif ukoll 'fellow' fil-Kulleġġ Rjali tal-Oftalmoloġisti, jispjega lil din il-gazzetta x'inhu s-suġġett li qed jispeċjalizza fih u li dam jistudja 11-il sena sħaħ. 

Speċjalizzazzjoni fil-kornea ...

Grixti jfakkar li l-Kornea tal-għajnejn - magħrufa wkoll bħala t-tieqa tal-għajn - hija l-parti trasparenti ta' dan l-organu u hija magħmula minn diversi saffi.  Il-kornea tipprovdi żewġ terzi tas-saħħa ta' rifrazzjoni għall-għajn. 

Fil-Kornea ma hemmx vini ta' demm u minħabba li hija bħal-lenti għandha tkun dejjem trasparenti. 

L-Oftalmologu jispjega kif il-kornea hija magħmula minn saffi differenti bl-aktar saff importanti jkun dak ta' ġewwa għax proprju jżomm lill-Kornea trasparenti. 

Żewġ tipi ta' trapjanti.  Wieħed isir Malta u l-ieħor le

Grixti jispjega mal-ILLUM li hemm żewġ tipi ta' trapjanti. 

Hemm it-trapjanti parzjali fejn jinbidel biss is-saff ta' gewwa tal-kornea (dan is-saff jissejjaħ Endothelium) li jkun marad b'mard ereditarju, bħal Fuchs Endothelial Dystrophy.  Inkella jkun sarlu ħsara waqt xi operazzjoni bhal, f'operazzjoni tal-kataretti.    Dan it-tip ta' trapjant jissejaħ Descemets Membrane Endothelial Keratoplasty (DMEK). 

Hemm imbagħad, ikompli jispjega Grixti, tip ieħor ta' trapjant parzjali, li minn naħa l-oħra fih jinbidlu biss is-saffi ta' barra tal-Kornea.  Dan jissejjaħ Deep Anterior Lamellar Keratoplasty, fejn il-pazjent iżomm is-saff ta' ġewwa tiegħu stess u jibdel biss is-saffi ta' barra.  Dan it-tip ta' trapjant l-iktar li jintuża huwa għal nies li kellhom xi infezzjoni, li weġġgħu jew inkella sforz mard ereditarju li ħallielhom marka fis-saffi ta' quddiem tal-Kornea jew mard li jbiddel il-forma ta' quddiem tal-Kornea, b'tali mod li ma tkunx tista' tikkoreġiha b'nuċċali jew contact lenses, bħal marda tal-Keratoconus. B'hekk ikun hemm iktar cans li l-Kornea tiġi aċċettata mill-ġisem tal-pazjent - jiġifieri inqas ċans ta' Cornea Transplant Rejection. "Ir-rejection rate, jiġifieri r-rata ta' kemm il-ġisem jirriġetta dik il-kornea l-ġdida, hija sahansitra biss ta' 1% meta wiehed jaghmel Descemets Membrane Endothelial Keratoplasty," qal Grixti.

Dan filwaqt, jgħid Grixti, illi din ir-rata tista' titla' sa 10% f'każ ta' trapjanti illi fihom tinqala' din il-parti tal-għajn kollha kemm hi, proċess lo jissejjaħ Trapjant Sħiħ (Penetrating Keratoplasty). 

"Imma mhux hekk biss, din it-teknoloġija l-ġdida qed tgħin sabiex il-pazjenti jirkuparaw ħafna aktar malajr - minflok bejn sena u sena u nofs, b'dan il-proċess il-pazjenti jistgħu jirkupraw f'temp ta' madwar xaharejn.  Għalhekk persuna jkollha bżonn inqas appuntamenti l-isptar u tmur għal ħajja normali iktar malajr, milli kieku tagħmel it-Trapjant Sħiħ," jgħid l-Oftalmologu.

Andrè Grixti jfakkar lil din il-gazzetta li dan ifisser illi persuna tkun tista' tidħol għax-xogħol aktar malajr f'ħafna mill-każi u dan allura jnaqqas it-tbatijiet, anke finanzjarji minn fuq il-persuna.

Mal-15 u 20 trapjant f'Malta ...

It-trapjant parzjali ma jsirx f'Malta, minflok isir biss dak sħiħ.  Dawk li jkunu jixtiequ jagħmlu t-trapjant li fih jispeċjalizza Grixti jkunu jistgħu jagħmlu dan biss bi spiża personali kbira, barra mill-pajjiż. 

Huwa jgħid illi minn informazzjoni li għandu kull sena jsiru bejn 15 u 20  Penetrating Keratoplasty f'Malta.

Grixti wera' x-xewqa tiegħu li xi darba - bħala professjonista Malti - ikun jista' jibda jipprattika dak li tgħallem u li speċjalizza fih f'dawn is-snin f'Malta wkoll.  Jispjega kif apparti li sa issa ma hemmx possibilità mas-servizz tas-saħħa tal-Gvern, dan it-tip ta' trapjant parzjali fuq il-kornea ma jistax isir fil-privat, minħabba li nuqqasijiet fir-riżorsa jfissru li l-privat ma għandux iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa biex ikun konformi. 

"Jiena nixtieq li hekk kif is-sena l-oħra, l-2020, kienet is-sena li nfakkru l-vista u l-għajnejn, din it-tekonoloġija tkun qed titħaddem f'Malta wkoll," temm jgħid mal-ILLUM. 

Min hu Andrè Grixti? 

Fl-2010 l-Oftalmologu Andrè Grixti beda seba' snin ta' taħriġ ġenerali għall-Oftalmoloġija f'diversi sptarijiet fir-Renju Unit.  Wara li sar speċjalista tal-għajnejn segwa tliet snin oħrajn ta' taħriġ speċjalizzat fil-Kornea u l-Oculoplastics (kirurġija plastika tal-għajnejn) fil-Queen Victoria Hospital, East Grinstead. Wara - għal sena - kompla jispeċjalizza fi trapjanti tal-għajnejn fil-Moorfields Eye Hospital, f'Londra u kompla jispeċjalizza wkoll f'dan il-qasam fir-Royal Liverpool Hospital.

More in Socjali