Il-partit Momentum talab sospensjoni immedjata ta’ kull xogħol li bħalissa qed isir tul il-kosta ta’ Marsaskala, waqt li kkundanna dak li ddeskriva bħala “approċċ qarrieqi u maqsuma biċċiet” biex jiżviluppaw iż-żona mingħajr skrutinju pubbliku xieraq.
Skont il-partit, bdew attività estensiva ta’ kostruzzjoni mhux imħabbra tul il-promenade u x-xatt, li jidher li hija marbuta mal-proġett ippjanat ta’ terminal ġdid għall-lanċa tal-baħar (ferry).
Momentum sostna li, filwaqt li ġew maħruġa diversi permessi żgħar taħt it-tikketta ta’ “xogħlijiet ta’ triq”, ma hemm l-ebda permess viżibbli għall-interventi aktar sostanzjali li qed isiru fuq il-promenade, ix-xatt u l-mollijiet.
“Dan jidher li hu tattiku magħruf bħala ‘salami-slicing’,” qal il-partit, “fejn proġett kbir jinqasam f'bosta applikazzjonijiet iżgħar sabiex jevita l-iskrutinju sħiħ ambjentali u ta’ ppjanar li proġett ta’ din l-iskala normalment ikun jeħtieġ.”
Membri tal-grupp li żaru s-sit qalu li l-attività fuq il-post “tmur ferm lil hinn minn manutenzjoni sempliċi tat-triq”, u wissew li x-xogħlijiet jistgħu jittrasformaw post popolari għar-residenti u l-familji — fejn jmorru jgħumu jew jistadu — f’“port għall-laneċ u bastimenti oħra”, li jista’ jibdel għal dejjem il-karattru tal-bajja.
Il-kelliem ta’ Momentum, Mark Camilleri Gambin, qal li dak li qed iseħħ f’Marsaskala juri “nuqqas totali ta’ rispett lejn ir-residenti u lejn it-trasparenza.”
“Li tgħid li dawn huma sempliċement ‘xogħlijiet ta’ triq’ meta fil-fatt qed tinfired il-kosta, hija gidba. Dan mhux manutenzjoni, imma proġett moħbi biex jiġi kkummerċjalizzat spazju pubbliku u jinqered ir-rwol tiegħu bħala żona komunitarja,” sostna Camilleri Gambin.
Hu insista li l-problema mhix is-servizz tal-lanċa nnifsu, imma n-nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar il-proġett. “Ebda żvilupp, ikun kemm ikun ta’ benefiċċju, m’għandu jsir fis-sigriet. Ir-residenti ta’ Marsaskala – u l-Maltin kollha – għandhom dritt ikunu jafu x’inhu ppjanat għal kosta tagħhom u jkollhom leħinhom qabel ma tinbidel għal dejjem il-lokalità tagħhom.”
Momentum għalhekk qed isejjaħ biex ix-xogħlijiet kollha fuq il-kosta jitwaqqfu immedjatament sakemm il-pjanijiet kollha konġunti tal-proġett isiru pubbliċi u jiġu sottomessi għal konsultazzjoni u proċess ta’ ppjanar xieraq.
Fil-bidu ta’ Ottubru, il-Gvern kien ħabbar investiment ta’ €18 miljun biex jerġa’ jiġi ddisinjat il-promenade ta’ Marsaskala, jinbena terminal ġdid għall-lanċa u tittejjeb l-infrastruttura ġenerali taż-żona.
Applikazzjoni ppreżentata minn Infrastructure Malta tipproponi li l-inżul tal-lanċa jkun limitat għal żona ta’ 375 metru kwadru, filwaqt li applikazzjoni oħra separata tippjana dredging ta’ 5,189 metru kwadru ta’ qiegħ il-baħar ħdejn l-ispalla ewlenija tal-breakwater. Dan id-dredging hu meħtieġ biex il-fond tal-ilma jkun adattat u sigur għat-tħaddim tal-lanċa.