L-ewwel 'solar flowers' fl-Ewropa installati f’Għawdex

L-ewwel solar flowers fl-Ewropa ġew installati fil-Gozo Multi-Modal Hub f’Ta’ Xħajma

Fil-Gozo Multi-Modal Hub f’Ta’ Xħajma, ġiet inawgurata l-ewwel installazzjoni fl-Ewropa ta’ “solar flowers” — sistema solari innovattiva li timmira li tħaddem enerġija nadifa u sostenibbli. Il-proġett, li jinkludi 15-il unità, sar taħt il-koordinazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri spjega li dan il-proġett hu parti mill-viżjoni għal “Għawdex Gżira ta’ Villaġġi” u l-istrateġija “Viżjoni Għawdex 2050”. Camilleri sostna li l-installazzjoni tal-“solar flowers” tfisser pass kbir ’il quddiem lejn enerġija alternattiva li ma tħammiġx u li tgħin biex titnaqqas id-dipendenza fuq sorsi tradizzjonali ta’ enerġija.

“Din it-teknoloġija se tkun qiegħda toffri enerġija alternattiva u hija l-ewwel tax-xorta tagħha f’pajjiżna. Fil-fatt, bħala ammont fl-istess żona, hija t-tieni waħda fid-dinja li tuża din it-teknoloġija. L-enerġija li tiġġenera se tintuża biex tissupplixxi d-dawl u tħaddem il-buses elettriċi li joperaw is-servizz tal-Park and Ride bejn il-Port tal-Imġarr u dan il-hub,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia tenna kif dan il-proġett qed ipoġġi lil Malta u lil Għawdex fuq quddiem nett f’dak li għandu x’jaqsam ma’ soluzzjonijiet sostenibbli u enerġija rinnovabbli.

“Is-sinerġija bejn id-dipartimenti u l-viżjoni komuni għal futur sostenibbli wasslu biex illum naraw sistema solari unika fl-Ewropa. Dawn il-proġetti juru b’mod konkret kif il-pajjiż qed jimxi lejn Viżjoni 2050, fejn l-enerġija rinnovabbli u l-innovazzjoni huma fiċ-ċentru tal-iżvilupp,” qal Farrugia.

Is-“solar flowers” huma ispirati mill-moviment naturali tas-sunflowers. Kull unità tinfetaħ mat-tlugħ tax-xemx, issegwiha matul il-jum u tingħalaq billejl, sistema li tippermetti ġenerazzjoni ta’ sa 40% aktar enerġija meta mqabbla ma’ pannelli solari tradizzjonali.

Il-proġett, li jiswa madwar €850,000, isir taħt il-miżura RRP C1-I5 Renewable Energy Investments in Roads and Public Spaces, parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza (RRP) tal-Unjoni Ewropea, u sar bil-kollaborazzjoni ma’ EkoGħawdex u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

L-enerġija li tiġi ġġenerata minn dawn il-“solar flowers” se tintuża direttament biex tħaddem il-flotta ta’ karozzi tal-linja elettriċi tas-servizz tal-Park and Ride, pass ieħor lejn mobilità aktar nadifa u approċċ ċirkolari għall-enerġija.

Dan il-proġett juri b’mod ċar kif l-innovazzjoni, it-teknoloġija u l-impenn lejn sostenibbiltà jistgħu jħaddmu idejn ma’ idejn biex jagħtu futur aktar nadif, intelliġenti u reżiljenti lill-gżira Għawdxija.

More in Socjali