Bil-qalb u bil-fidi: Il-ftuħ mill-ġdid tas-sala ta’ Saint Elias College
Bil-qalb mimlija gratitudni u l-ispirtu ta’ San Carlo Acutis bħala gwida, l-istudenti u l-istaff ta’ Saint Elias College, ingħaqdu biex ifakkru mhux biss sala ġdida, iżda wkoll il-qawwa tal-fidi u l-komunità
It-Tnejn 20 ta' Ottubru, l-istudenti u l-istaff ta’ Saint Elias College nġabru flimkien biex jiċċelebraw il-ftuħ mill-ġdid tas-sala tal-iskola wara xogħlijiet estensivi ta’ tisbiħ u rinnovazzjoni.
Il-komunità edukattiva dehru lebsin poloshirts ħomor, bħalma jidher jilbes iż-żagħżugħ San Carlo Acutis fl-aktar ritratt magħruf tiegħu. Dan kien ġest simboliku biex ifakkar mhux biss il-ftuħ tas-sala, iżda wkoll il-ħajja u l-fidi ta’ San Carlo Acutis, li spiss jitqies bħala mudell għal żgħażagħ Kattoliċi madwar id-dinja.
Matul iċ-ċelebrazzjoni, ġew imsemmija l-valuri li kien jgħix bihom il-qaddis żagħżugħ — sempliċità, dedikazzjoni lejn Alla, u l-użu tal-midja diġitali għall-ġid spiritwali. L-amministrazzjoni tal-iskola faħħret ukoll l-impenn tal-istudenti u tal-għalliema li jkomplu jkabbru sens ta’ komunità u spiritwalità fil-ħajja skolastika tagħhom.
L-avveniment temm b’mument ta’ riflessjoni u talb, fejn kulħadd ingħaqad biex jirringrazzja lill-ħaddiema u lil dawk kollha li taw sehemhom fil-proġett ta’ rinnovazzjoni.
Saint Elias College qed jittama li s-sala l-ġdida sservi bħala ċentru ta’ laqgħa, kultura u spiritwalità għall-istudenti, u li l-eżempju ta’ San Carlo Acutis jibqa’ ispirazzjoni għal kull wieħed minnhom.
Jaelle Borg hija studenta fit-tieni sena tal-kriminoloġija