Żgħażagħ bla dar: ‘Ma nistgħux ngħidu li ma jeżistux għax aħna ngħixu magħhom’

Patri Savio Vella jitkellem dwar il-ħidma li s-Salesjani jwettqu f’Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita biex żgħażagħ li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom jirnexxielhom jibnu mill-ġdid ħajjithom sakemm ikunu kapaċi jsibu akkomodazzjoni alternattiva. Jirrakkonta kif kuntrattur offra kirjiet sussidjati għal dawn iż-żgħażagħ

Patri Savio Vella
Patri Savio Vella

Diversi drabi r-realtà ta’ persuni, partikolarment żgħażagħ li ma għandhomx saqaf fuq rashom tingħata l-ġenb għax ikun hawn min jaħseb li f’Malta dawn ma jeżistux. Iżda kieku kellek tistaqsi lis-Salesjani, jgħidulek xorta oħra. Patri Savio Vella stess mal-gazzetta ILLUM saħaq: “Ma nistgħux ngħidu li ma jeżistux għax aħna ngħixu magħhom. Aħna għandna idejna fuq polz mitfi f’id is-soċjetà li ma tħossx din il-problema.”

Is-Salesjani, ulied San Ġwann Bosco, huma magħrufa għall-pastorali tagħhom maż-żgħażagħ. Apparti l-iskola u l-edukazzjoni li jagħtuha importanza kbira, is-Salesjani għandhom djar li fihom jilqgħu u jgħinu żgħażagħ, li għal raġunijiet varji jispiċċaw ma għandhomx saqaf fuq rashom.

Għal min forsi jibqa’ xettiku, Patri Savio Vella jisħaq li s-soċjetà mhijiex biżżejjed konxja tal-faqar li hawn fost iż-żgħażagħ. Fil-fatt, fi kliem Patri Savio, ħafna drabi jkollhom talbiet biex jilqgħu żgħażagħ li ma għandhomx saqaf fuq rashom aktar minn kemm għandhom spazju fid-djar tagħhom.

“Qed tiżviluppa wkoll sitwazzjoni fejn ikollna ħafna żgħażagħ li jiġu jħabbtu l-bieb għall-ikel. Uħud minnhom huma barranin u mhux qed nirreferi għal żgħażagħ mill-Afrika imma żgħażagħ Ewropej,” saħaq Patri Savio.

Sa issa s-Salesjani, li f’Malta huma ftit aktar minn 30, ma joffrux dan is-servizz imma hawn entitajiet oħra, bħal Dar Papa Franġisku, immexxija mill-Gvern, il-Privat u l-Knisja li taħseb għal dawn is-sitwazzjonijiet.

Dar Osanna Pia: Kenn għal 14-il żagħżugħ

Ma’ Patri Savio tkellimna dwar Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita li jmexxu s-Salesjani. 

Bdejna nitkellmu dwar Dar Osanna Pia li ilha miftuħa mill-1988 u li ħadet l-isem mill-benefattriċi tagħha li kienet refuġjata u nqabdet f’Malta fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija sakemm iżżewġet Malti. 

Din id-dar toffri ambjent trankwill għal 14-il żgħażugħ li jispiċċaw bla saqaf fuq rashom biex dawn ikunu jistgħu jkomplu għaddejja bl-istudji u x-xogħol tagħhom, bil-għan li għada pit għada jkunu jistgħu jibnu ħajjithom.

Patri Savio saħaq li hemm diversi raġunijiet li jwasslu biex żgħażagħ jispiċċaw f’din is-sitwazzjoni. Ikun hemm żgħażagħ li jitilfu kompletament l-appoġġ mill-familji tagħhom u jispiċċaw mixħuta barra mid-dar. Oħrajn, ikompli jispjega Patri Saivo, ikun aħjar għalihom jekk jitilqu mid-dar u jibnu ħajjithom.

“Niltaqgħu ma’ żgħażagħ li jkunu abbużati kemm mis-sistema u mill-familja. Ikun hemm żgħażagħ li l-familja tagħhom ma tkunx tridhom ikomplu jistudjaw biex imorru jaħdmu u jġibu l-flus. Il-familja toħdilhom kollox u ma jkunux f’pożizzjoni li jkampaw. Jinqabdu f’morsa għax ma jkunux jistgħu jibnu ħajjithom,” jispjega.

Dar Osanna Pia
Dar Osanna Pia

‘Irriduhom jibnu struttura soċjali...’

Dar Osanna Pia, mill-banda l-oħra, tilqagħhom u tgħinhom jinqalgħu minn dan l-ambjent abbużiv. Mhijiex xelter li toffri sempliċiment sodda u plat sħun. Dar Osanna Pia toffri lil dawn iż-żgħażagħ ambjent fejn ikunu jistgħu jikbru anke bħala persuna. Fi kliem Patri Savio, huma jagħtu prijorità lil dawk iż-żgħażagħ li jkunu għadhom jew ikunu jixtiequ jkomplu jistudjaw.

“Hawnhekk jitgħallmu jsajru, jieħdu ħsieb ħwejjiġhom u jibbaġitjaw,” insista Patri Savio. “Divertiment lanqas ma għandna fid-dar ħlief televixin għax aħna rriduhom li jibnu struttura soċjali barra mid-dar.”

Fil-fatt, iż-żgħażagħ residenti f’Dar Osanna Pia mhux se jsegwu xi programm strett ta’ x’ħin iqumu jew jidħlu lura. Kull wieħed minnhom jingħata l-ispazju tiegħu biex jitgħallem jieħu d-deċiżjonijiet għalih innifsu.

“F’Dar Osanna Pia nilqgħu żgħażagħ li għandhom minn 18-il sena ‘l fuq u allura għandhom responsabbilità tagħhom infushom. Il-ħinijiet jiddeċiedu għalihom huma. Ħadd ma jitlob permess biex joħroġ u jmur x’imkien. Ovvjament aħna ngħixu hawn magħhom. Bħalma żagħżugħ għandu jgħid lil ommu li jkun ħiereġ u jkun se jdum, nippretendu li almenu magħna jagħmel l-isess. Aħna qisna familja,” saħaq Patri Savio.

Anke jekk iż-żgħażagħ jingħataw l-ispazju kollu tagħhom, Patri Savio spjega kif meta jindunaw li jkun hemm xi nuqqasijiet kif żagħżugħ ikun qed jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu, hemm jipprovaw jiftħulu għajnejh.

“Jekk naraw li kuljum qed jidħol fil-ħdax u l-għada qed iqum tard għall-iskola u mhux qed ikollu ċans biex jagħmel l-affarijiet tiegħu bil-kwiet, jieħu kolazzjon, jipprepara l-lunch, hemm niġbdulu l-attenzjoni. L-istess kif isir f’familja,” kompla jispjega.

‘Ma rriduhomx iħossuhom komdi fil-faqar’

L-ILLUM tistaqsi lil Patri Savio Vella jekk hemmx perjodu li fih żagħżugħ jista’ jgħix f’din id-dar. Huwa spjega li normalment jagħmlu sentejn f’din id-dar, iżda jimxu wkoll każ b’każ anke għax jekk żagħżugħ ikun għadu qed jistudja u jkun sejjer tajjeb, ma jkunux iridu li jgerfxuh u hekk jibqgħu jsegwuh.

Apparti minn hekk, ikompli jispjega, il-perjodu tas-sentejn jagħti ċans lis-Salesjani u lil dawk li jaħdmu f’din id-dar biex jipprovaw jaħdmu ma’ żgħażagħ li għal raġuni jew oħra ma jkunux iridu jikkoperaw. Spjega kif ġieli jkun il-każ li jinnotaw li żagħżugħ ikollu bżonn għajnuna aktar professjonali u għalhekk jgħinuh biex jingħata kenn xi mkien ieħor.

“Ma rridux li nikkontrollaw il-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ,” kompla Patri Savio. “Irridu ngħinuhom joħorġu miċ-ċirku tal-faqar. Ma rriduhomx iħossuhom komdi fil-faqar għax platt sħun se jsibuh lest. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed nisirqu l-post ta’ żgħażagħ oħra li jixtiequ jibnu ħajjithom u jgħixu ħajja indipendenti,” insista.

Dar Mamma Margherita: Saqaf sakemm isibu akkomodazzjoni biex jgħixu għal rashom

Apparti Dar Osanna Pia, is-Salesjani għandhom ukoll Dar Mamma Margherita, li ġġib isem omm San Ġwann Bosco li kienet laqgħet fid-dar tagħha l-ewwel żgħażagħ li ġabar binha.

Illum il-ġurnata mhux dejjem faċli li persuna ssib appartament biex tikri bi prezz raġonevoli, b’mod partikolari dawn iż-żgħażagħ li jkunu għaddew minn sfidi u jkunu qed jibnu ħajjithom.

Għalhekk, Dar Mamma Margherita, miftuħa fl-2014, isservi bħala estensjoni ta’ Dar Osanna Pia u toffri lil dawn iż-żgħażagħ, li jkunu lesti biex jgħixu ħajja indipendenti, residenza sakemm isibu akkomodazzjoni alternattiva biex ikunu jistgħu jmorru jgħixu għal rashom u jibnu l-ħajja tagħhom.

Ma rridux li nikkontrollaw il-ħajja ta’ dawn iż-żgħażagħ. Irridu ngħinuhom joħorġu miċ-ċirku tal-faqar. Ma rriduhomx iħossuhom komdi fil-faqar għax platt sħun se jsibuh lest

Fil-fatt, Dar Mamma Margherita, jispjega Patri Savio, toffri saqaf lil seba’ żgħażagħ. Kull wieħed minnhom għandu appartament għalih u jista’ jgħix għal rasu, anke jekk nies bħal Patri Savio jkunu għadhom viċin tagħhom u jkunu jistgħu jgħinuhom fejn ma jaslux.

“Jixtru l-affarijiet huma u jagħtu s-sehem tagħhom għax ikunu jaħdmu. Imma aħna ngħinuhom. Bħal fil-każ ta’ familja wara kollox. Hawn żgħażagħ jistudjaw u jaħdmu iżda jitolbu xi ħaġa tal-flus lill-ġenituri tagħhom biex ikunu jistgħu joħorġu mal-ħbieb. Nippruvaw ma nħallux lilhom jiġu jitolbuna l-għajnuna imma ngħinuhom minn jheddna. Bħal familja,” kompla Patri Savio.

Fi żmien il-pandemija, b’mod partikolari, dawn iż-żgħażagħ kellhom bżonn ħafna għajnuna kompla jispjega. “Stajna ngħinuhom anke f’każi ta’ kwarantina u għalhekk konnha nixtrulhom l-affarijiet aħna. Kien hemm oħrajn li baqgħu jistudjaw u ma għandhomx dħul u għalhekk aħna naraw li almenu jkollhom għall-ħtiġijiet tagħhom.”

Kuntrattur joffri kirjiet sussidjati għal dawn iż-żgħażagħ

Kif spjegat aktar qabel, it-tir huwa dejjem li dawn iż-żgħażagħ isibu appartament fejn ikunu jistgħu jkomplu bil-ħajja tagħhom. Il-providenza ma tonqosx lanqas. Patri Savio rrakkonta mal-ILLUM kif ġew f’kuntatt ma’ kuntrattur li se jibda jgħinhom biex dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jikru mingħandu bi prezz sussidjat.

Patri Savio appella kuntratturi oħra u sidien biex jgħinu wkoll lil dawk iż-żgħażagħ. Mhux jippretendu palazzi imma proprjetajiet żgħar li forsi jkunu ilhom vojta u li iżda jkunu ideali biex dawn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jikru bi prezz sussidjat u għall-ewwel darba jkollhom darhom.

“Illum mhux faċli tikri. Malli jibdew jaħdmu jridu jgħaddu s-snin biex ikollhom biżżejjed flus taħt rashom biex ikunu jistgħu jikru u fl-istess waqt ikomplu bil-ħajja tagħhom,” kompla jispjega.

Il-Milied mhux żmien faċli għal kulħadd...

Il-Milied jinsab wara l-bieb. Dwar dan tkellimna wkoll ma’ Patri Savio li insista li dawn iż-żgħażagħ ibatu minn ħafna solitudni b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet.

“Meta jaraw lil sħabhom jinġabru mal-familji tagħhom, speċjalment f’dawn iż-żminijiet, iħossuhom ħafna waħedhom. Naraw kif intaffulhom,” insista.

Apparti l-Milied, bħal kulħadd, din is-sena dawn iż-żgħażagħ batew ukoll minħabba l-pandemija. Minħabba r-restrizzjonijiet ftit li xejn jistgħu joħorġu jew jiltaqgħu ma’ sħabhom.

“Imma aħna dejjem nuruhom li din hija esperjenza li kulħadd minnha jrid jitgħallem. Kull ċirkostanza li ngħaddu minnha, hija tagħlima,” insista.

‘Qed inbatu biex insibu l-finanzi, postijiet tax-xogħol u ħbiberija’’

Fi kliemu, ġralhom bħal ħafna familji. “Qed inbatu biex insibu l-finanzi, postijiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ u nuqqas ta’ ħbiberija. Bażikament kollox wieqaf. Mhuwiex żmien tal-proġetti,” kompla Patri Savio.

Fl-aħħar nett, l-ILLUM staqsiet lil Patri Savio x’iridu jagħmlu żgħażagħ li forsi se jkunu qed jaqraw din l-intervista u li jħossu li s-Salesjani jistgħu jgħinhom. Spjega kif iż-żgħażagħ kollha li jkunu residenti f’Dar Osanna Pia huma żgħażagħ li jkunu ġew riferuti lilhom mingħand l-Aġenzija l-Appoġġ.

“Tiddejqux u tistħux. Morru l-Appoġġ. Ikollkom ħaddiema soċjali li jsegwukom u jiddiskutu magħkom x’servizzi jgħoddu għalikom,” temm jappella Patri Savio.

More in Socjali