Anzjana oħra bil-Covid-19 tmut hekk kif ifiequ 85 persuna oħra fl-aħħar 24 siegħa

 B'kollox Malta kellha 3,035 każ minn Marzu li minnhom 2,484 fiequ

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar il-mewt ta' anzjna oħra - din id-darba ta' 79 sena - li mietet waqt li kienet  pożittiva bil-COVID-19.

Hija waħda mill-bosta anzjani li mietu din il-ġimgħa, sitwazzjoni li qed tinwkieta lil ħafna, anke jekk illum in-numri tal-każi tal-Covid-19 f'Malta qed juru illi hemm xejra li qed tikber ta' persuni li qed ifiequ mil-virus. 

L-anzjana kienet ittestjat negattiva għall-COVID-19 fis-26 ta’ Settembru, bħala parti mit-testijiet ta’ rutina li qegħdin isiru fid-djar tal-anzjani fejn kienet tgħix. Hija mietet ilbieraħ, 28 ta’ Settembru, u swab test li sar wara mewtha kkonferma li kienet pożittiva għall-Covid-19. 

Dan il-każ ifisser illi n-numru ta' persuni li mietu filwaqt li kienu pożittivi għall-virus tela' għal 34.

Intant fl-aħħar 24 siegħa irriżultaw 29 każ ġdid u 85 persuna li fieqet mill-virus, li jfisser illi Malta bħalissa għandha bilanċ ta' 517-il każ attiv. Fl-aħħar 24 siegħa saru b'kollox 2,116-il swab. 

B'kollox minn meta Malta kellha l-ewwel każ nhar is-7 ta' Marzu, Malta kellha 3,035 każ pożittiv li minnhom 2,484 fiequ. 

 

 

More in Socjali