'Tagħtux saħħa u poter lil min kieku għalih aħna l-persuni LGBTI+ lanqas biss neżistu'

Sfat mgħajra u redikolata għax trans u għax ikkritikat lill-Gvern.  Imma hi la se toqgħod tibki xortiha u lanqas se tibza'.  L-ILLUM tintervista lil Angela Coleiro ... 

Fl-aħħar ġimgħat kienet fuq l-aħbarijiet, fuq il-portals u fuq diversi programmi u allura ma setax jonqos li l-gazzetta ILLUM tiltaqa' ma' Angela Coleiro - preżentatriċi, żaqqha f'fommha u mara trans - li għax esprimiet opinjoni politika kuntrarja għal dak li kellha snin ilu sfat mgħajjra u insulentata fuq il-midja soċjali - pjattaforma fejn kulħadd sar jgħid u jweġġa' b'impunità donnu. 

Coleiro, ħerqana biex ma titpinġix bħala vittma iżda biss bħala persuna li xtaqet tieqaf għall-mibgħeda, tibda tirrispondi l-mistoqsijet tal-ILLUM

'Għal missieri, fil-bidu, kienet disfatta'

L-ewwelnett, kemm kien diffiċli biex persuna toħroġ fis-soċjeta bħala persuna LGBTI+, speċjalment tkun trans snin ilu? Mhux għax illum m'hawnx problemi, imma kemm kien aktar diffiċli għaliha meta s-soċjetà Maltija kienet għadha m'għamlitx l-avvanzi legali u soċjali tal-lum?

Hija tispejga kif kienet bdiet it-tranżizzjoni snin ilu, madwar 23 sena ilu  - meta għamlet l-operazzjoni msejħa Gender Reassignment Surgery.  Tfakkar illi qabel iżda u allura madwar 27 sena ilu kienet għadha f'din it-tranżizzjoni u kienet għadha tidher bħala ġuvni.  "Jiena bdejt it-tranżizzjoni bħala Angela, għax jiena dejjem kont Angela minn ġewwa, snin ilu.  Kien hemm bżonn illi dak li jiena nħoss fuq ġewwa, jaqbel mal-immaġini tiegħi fuq barra," bdiet tispjega Coleiro. 

Hija tgħid kif missierha kien raġel tad-dixxiplina u kien fl-armata u tammetti illi minkejja li kien iħobbha ħafna u baqa' jħobbha sal-aħħar nifs ta' ħajtu, l-bidu kien diffiċli. 

"Għal bidu lanqas seta' jifhem, asħeb u ara kemm seta' jaċċetta.  Dan qed ngħidu fis-snin 80.  Ma kienx faċli li tkun persuna LGBTI+.  Għas-soċjeta konna sempliċiment p**ti," tisħaq mingħajr wisq tidwir mal-lewża. 

"Għal missieri kienet disfatta fil-bidu, anke għax hu  ried  ukoll li jiena nkompli fin-negozju tiegħu fl-ispare parts tal-karozzi - xi ħaġa li jiena qatt ma kelli interess fiha."

Coleiro tispjega mal-ILLUM li anke ommha sabitha diffiċli għall-ewwel, minkejja li kienet ġejja minn pajjiż differenti. 

"Imma din ma kinitx għażla għalija.  Jew se ngħix gidba jew inkun il-persuna li verament jiena." 

Ħafna miżinformazzjoni u sterjotipi

L-ILLUM tinnota illi minkejja avvanzi, kemm fil-liġi iżda wkoll soċjalment in-nuqqas ta' informazjoni u xi kultant anke l-mibgħeda għadhom wisq komuni.   Kemm tħoss Angela illi għad hawn nuqqas ta' informazzjoni u transfobija?  In-nies - apparti li jifhmu l-argumenti tagħha kontra l-mibgħeda qed jifhmu li hi minn dejjem kellha ġeneru femminili? 

"Sfortunatament iva, għad hawn ħafna injoranza u nuqqas ta' għarfien," tibda tispjega Coleiro li tirrikonoxxi illi filwaqt li l-bidliet fil-liġijiet kienu neċessarji, dawn la qatt għandhom iservu biex jagħlqu ħalq in-nies u lanqas ifisser illi m'għadx hemm mibgħeda kontra l-komunità LGBTI+. 

"Hawn ħafna sterjotipi.  Per eżempju ħafna jaħsbu li kollha nafu nħitu - mhux il-każ jiena ma nafx.  Jew inkella nies ikellmuk u anke jekk ikunu qed jgħaddu messaġġ pożittiv, xorta daqslikieku jiena differenti.  Bħal meta xi ħadd jgħidli 'intom l-aqwa nies'.  JIngħad b'intenzjonijiet tajbin.  Imma jiena la rrid tifħir u lanqas tmaqdir - jiena Angela u daqshekk."

Jiena rabbejt qoxra - imma l-aktar li weġġgħatni kien meta qalu li missieri - li tant kien iħobbni- miet għax jiena trans. Li jiena tfajtu fil-qabar bl-inkwiet

Tgħid li hemm ħafna ma jifhmux ukoll kif xi nisa trans ma jagħmlux l-operazzjoni bħalha.  "Għalija kien importanti li ninbidel kompletament fil-fiżiku imma hemm nisa trans li jħossu li m'għandhomx għalfejn."  Fil-verità hemm ukoll fattur - tfakkar il-gazzetta ILLUM - illi bosta nisa trans lanqas ikunu jifilħu jħallsu għal din l-operazzjoni, li tiswa ħafna flus. 

"Uħud lanqas lili ma jitrattaw ta' mara," tgħid Coleiro li żżid kif bosta jaħsbu wkoll li persuni trans huma persuni tax-shows u t-teatrini. 

"Hemm nisa trans vera li jagħmlu shows.  Hemm ukoll Drag Queens li jgħixu ta' rġiel u jridu jibqgħu jgħixu ta' rġiel, imma jagħmlu spettakli lebsin ta' nisa."

Il-gazzetta tfakkar iżda li din hija kwistjoni ta' edukazzjoni li tieħu ż-żmien.  Lanqas tista' tippretendi - anke l-komunità LGBTI+  - illi kulħadd se jitwieled b'għarfien komplut ta' dawn ir-realtajiet, xi ftit jew wisq kumplessi.  Dan speċjalment għal dawk li trabbew fi sfond aktar konservattiv. 

"Iva għalhekk nemmen illi bħal kollox, iċ-ċavetta hija l-edukazzjoni," tgħid Coleiro. 

L-ILLUM terġa twaqqafha u tfakkarha li ħafna - speċjalment ġenituri - jgħidu li informazzjoni bħal din qed tħawwad lill-ulied f'età żgħira.  Kif tirrispondi? 

Coleiro tammetti illi jeżisti dan is-sentiment u li għad hemm miżinformazzjoni jew nuqqas ta' informazzjoni fuq il-komunità LGBTI+ kollha.  Tfakkar illi għad hawn min jaħseb li hija xi ħaġa li tittieħed, xi moda jew xejra (trend) jew inkella li lanqas biss jagħmlu distinzjoni bejn pedofelija u omosesswalità. 

Hi tappella lil min qed jaqra din l-intervista biex jaħseb .  "Inti m'intix raġel eterosesswali sempliċiment għax ilbist qalziet jew għandek il-leħja.  Kieku kulħadd jgħidlek li inti mara, se twieġeb li m'intix għax taf li m'intix u taf li inti xorta mara tħobb - għax il-ġeneru tiegħek huwa raġel u s-sesswalità tiegħek hija eterosesswali. U l-istess persuna LGBTI+."

"Faċli.  Immaġina inti tqum kull filgħodu u fil-mera tara lil Paul, imma kull fejn tmur - xogħol , familja u mal-ħbieb - kulħadd jgħajjatlek Jane."

'Mhux sew li d-drittijiet jintużaw biex jagħlqu ħalq in-nies'

Imma kif tara li sar progress?  Tammetti li wara kollox huwa l-Gvern li tikkritika li għamel dan il-progress?

Colerio tammetti li sar dan il-progress u li dan il-progress fil-liġi huwa pożittiv. "Imma, minħabba li sfortunatament f'pajjiżna hawn partiġġjaniżmu sfrenat - fejn donnu kulħadd grat lejn xi partit u f'ħajtek kollha ma tistax tikkritikah - dan il-progress jista' jaħdem kontrina wkoll."

Imma kif?

"Għax kull darba li tiftaħ ħalqek biex tikkritika fejn tħoss li hemm bżonn jgħidulek għalaq ħalqek għax lilek tak id-drittijiet.  Kulħadd għandu dritt jikkritika, basta ma jkunx insolenti u ma jgħajjarx."

Coleiro tgħid li huwa vera li qabel il-ħajja kienet iebsa, kont titwarrab u ma ssibx xogħol imma sostni illi llum hemm il-liġijiet fuq il-karta u għax hemm il-liġijiet - skont hi - "trid toqgħod ħalqek magħluq, grata għal kollox u tgħid iva għal kollox.  U jekk tikkitika malajr terġa ssir p**ta mbagħad."

Imma Coleiro tħoss li xi darba dan il-pajjiż se jaċċetta d-diversità tal-ħsieb?  Jew kulħadd se jibqa' reġimentat ma' partit, jiġri x'jiġri?

Hija tgħid li fejn għandha x'taqsam hi - persuna deterimintata u dak li taħseb tgħidu u dak li tixtieq tagħmel, tagħmlu. 

Ma teskludix li toħroġ għall-elezjoni

Mistoqsija jekk tikkunsidrax toħroġ għall-elezzjoni Coleiro qalet illi filwaqt li kemm il-Partit Laburista u anke dak Nazzjonalista talbuha biex toħroġ għall-Kunsilli Lokali, hija qalet illi ma teskludix illi xi darba toħroġ għal elezzjonijiet oħrajn  li jsiru fil-pajjiż

"Jiena iżda napprezza, anke meta staqsieni l-PL, li talbuni ż-żewġ partiti."

kull darba li tiftaħ ħalqek biex tikkritika fejn tħoss li hemm bżonn jgħidulek għalaq ħalqek għax lilek tak id-drittijiet

"Taf xi jdejjaqni?" staqsiet Coleiro. "Li minkejja r-rebħa kbira ħafna li kiseb il-Partit Laburista fl-2019 għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, eluf kbar ta' nies ddeċidew li ma jmorrux jivvutaw.  Dawn mhux kollha Nazzjonalisti jew Laburisti u nemmen li huma nies li tilfu l-fiduċja fil-politika lokali." 

Hija qalet illi minkejja li eluf - preċiżament 100,000 votant reġistrat - ma vvutawx xorta ġew eletti MEPs u dak li se jagħmlu xorta se jaffetwa lil pajjiżna.  

"Hawn ċittadini li xorta qed jintlaqtu mill-bidliet u minn dawk eletti imma li mhux qed jipparteċipaw u lanqas qed jagħtu każ.  Din iddejjaqni."

'Jien rabbejt qoxra ... '

Infakkarha illi hi ħadet azzjoni u malli għamlet dan qamet diskussjoni u anke ngħatat ħafna spazju fuq il-midja.  X'inhu l-messaġġ tagħha lil dawk il-persuni trans li ma qablux magħha jew saħansitra li jgħidu illi kieku huma ma kinux jirrappurtaw. 

"Kull minoranza tiġi bullied.  Jiena rabbejt qoxra - imma l-aktar li weġghatni kien meta qalu li missieri - li tant kien iħobbni- miet għax jiena trans.  Li jiena tfajtu fil-qabar bl-inkwiet"

Hija qalet illi kieku riedet u ħajjitha kienet tkun aktar aktar faċli, ma tatx każ u kompliet tgħid dak li tħoss u kollox kien jintesa'. 

"Imma mbagħad staqsejt lili nnifsi:  Għalfejn għandi ninsa?  Għalfejn persuna għandha tiġi mgħajjra għax titkellem?  Mhux sew u għandna niqfulhom.  Il-mibgħeda rridu niqfulha!"

Hija qalet illi qed tistenna li jittieħdu passi dwar ir-rapporti li għamlet u sostniet li jekk ma jittieħdux passi - lesta illi tkompli l-kwistjoni fuq il-midja u torganizza protesta kontra l-mibgħeda. 

Dwar persuni trans li forsi ma' jaqblux ma li għamlet u qalet hi tagħmel appell: "Tħalltux dak li temmnu politikament ma' min qed jgħajjar lili.  Taqbiżx għal nies li qed jgħajjru lili, għax għada jduru fuqek u jgħajjru lilek.   Jekk tagħtihom is-saħħa ma jiqfux.  Tagħtux saħħa u poter lil min kieku għalih aħna l-persuni LGBTI+ lanqas biss neżistu."

More in Socjali