Il-quddiesa tal-funeral tista' ssir biss fiċ-ċimiterju, fuq iz-zuntier jew fi knejjes kbar

Jekk iċ-ċelebrazzjoni ssir ġewwa se jkunu jistgħu jattendu biss 20 persuna

Il-Kurja tal-Arċisqof ħabbret id-direttivi li qed jittieħdu hekk kif mil-lum, il-Ġimgħa 22 ta’ Mejju, tista’ terġa’ tibda ssir il-quddiesa tal-funeral qabel id-difna.

Il-Quddiesa tal-funeral tista’ ssir fil-miftuħ bħal f’ċimiterji jew fuq iz-zuntiet tal-knisja, jew fi knejjes kbar biss li huma akbar minn 500 metru. F’każ li l-funeral isir f’dawn il-knejjes kbar, ma jistgħux jidħlu aktar minn 20 ruħ.

Fiċ-ċirkostanzi attwali, se tkun qed tingħata preferenza liċ-ċelebrazzjonijiet fil-miftuħ.

Il-post fejn se ssir il-quddiesa jrid jitħejja b’sinjali apposta li jindikaw l-ispazji ‘l bogħod minn xulxin fejn in-nies jistgħu joqogħdu waqt iċ-ċelebrazzjoni.

Mal-wasla, persuna liebsa maskra jew visor se tieħu t-temperatura u wara anke se tiprovdi l-kand sanitiser. Persuni bid-deni jew li ma jikkoperawx mhux se jitħallew jidħlu.

Waqt il-quddiesa ma jista’ jsir l-ebda kuntatt fiżiku ma’ persuni oħra, lanqas waqt il-paċi.

Għat-Tqarbin kulħadd jibqa’ f’posti u jkun is-saċerdot li jinżel ħdejn in-nies u jqarben fl-idejn lil dawk preżenti. Is-saċerdot irid ikun liebes maskra jew visor u qabel jaħsel idu.

L-istqarrija ta’ fidi, fejn is-saċerdot jgħid “Il-Ġisem ta’ Kristu” u l-prsuna li titqarben twieġeb “Ammen” se tkun qed tingħad darba biss minn fuq l-artal.

Malli tintemm il-quddiesa, il-persuni joħorġu b’mod ordnat u b’ħarsien tal-miżuri tad-distanza soċjali. Wara l-Quddiesa jsir l-iddiżinfettar tal-bankijiet jew is-siġġijiet.

More in Socjali