Filmat | Priġunieri qed jipproduċu maskri biex anke huma jgħinu fil-ġlieda kontra l-COVID-19

Dawn il-maksri qed jintużaw mill-uffiċjali u r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda anke minn entitajiet governattivi oħra

Għadd ta' priġunieri qed jgħixu fil-ġlieda kontra l-imxija tal-Covid-19 billi jipproduċu maskri u tagħmir protettiv ieħor, li mhux biss intuża mill-uffiċjali u r-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, iżda anke minn entitajiet governattivi oħra.

Fi stqarrija, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, saħaq li r-residenti qed jagħtu eżempju ċar ta’ kif il-pajjiż kollu għandu jkun magħqud f’dan il-mument ta’ sfida.

“Minn qalbi, u f’isem il-Maltin u l-Għawdxin kollha, nixtieq nirringrazzjahom ta’ dan il-ġest sabiħ. Aktar minn qatt qabel, għandna bżonn lil xulxin biex negħlbu din l-isfida,” qal il-Ministru Camilleri.

It-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva spjegat kif din id-deċiżjoni hija eżempju ċar ta’ ġustizzja riparatriċi fejn, minkejja li l-priġunieri għamlu ċertu żbalji li bihom naqqsu lis-soċjetà, llum qed iroddu lura xi ħaġa ta’ ġid f’dan il-mument diffiċli għall-pajjiż.

More in Socjali