L-aħħar numri dwar il-coronavirus. Kemm ħalla vittmi? Liema huma l-pajjiżi affettwati
Kura għalih għadha ma nstabitx u qed ikompli jinfirex b’rata mgħaġġla. L-ILLUM tagħti ħarsa lejn in-numri dwar dan il-virus ġdid

minn Yendrick Cioffi

Każijiet ikkonfermati: 64,451
Pazjenti f’qagħda kritika: 10,608
Pazjenti li fiequ: 7,099
Pajjiżi affetwati: 28
- Imwiet: 1,492
- Iċ-Ċina: 1,488
- Il-Filippini: 1
- Hong Kong: 1
- Il-Ġappun: 1
- Franza: 1
Liema huma l-pajjiżi / territorji affetwati u kemm hemm persuni infettati?
- Iċ-Ċina – 63,864
- Singapore – 58
- Hong Kong – 53
- Il-Ġappun - 34
- It-Tajlandja - 33
- Il-Korea ta’ Isfel - 28
- Il-Malasja - 19
- It-Tajwan - 18
- Il-Ġermanja - 16
- Il-Vjetnam – 16
- L-Awstralja – 15
- L-Istati Uniti – 15
- Franza – 11
- Macau – 10
- Ir-Renju Unit – 9
- L-Emirati Għarab Magħquda – 8
- Il-Kanada – 7
- Il-Filippini – 3
- L-Indja – 3
- L-Italja – 3
- Ir-Russja – 2
- Spanja – 2
- Il-Belġju – 1
- In-Nepal – 1
- L-Iżvezja – 1
- Il-Kambodja – 1
- Il-Fillandja – 1
- Sri Lanka – 1
.jpg)
X’inhu l-Coronavirus?
Fi kliem sempliċi, il-Coronaviruses huma familja kbira ta’ viruses. Fil-fatt dawk magħrufa bħala MERS (Middle East Respiratory Syndrome) u SARS (Severe Acute Respiratory Syndrome) huma wkoll coronavirus.
Dak li żviluppa u nxtered minn Wuhan fiċ-Ċina huwa virus ġdid mill-istess familja ta’ coronaviruses u li qatt qabel ma kien identifikat fil-bniedem.
Il-coronaviruses jinxterdu mill-annimali għall-bniedem. Diversi coronaviruses li ġew identifikati fl-annimali għadhom qatt ma infettaw lill-bniedem.
Il-Covid-19 huwa l-isem mogħti lil dan il-coronavirus ġdid li beda jinxtered minn Diċembru 2019.
L-ewwel persuni infettati b’dan il-virus kienu dawk li jaħdmu jew inkella li jiffrekwentaw suq f’Wuhan li jbigħ annimali ħajjin jew inkella oħrajn li jkunu għadhom kemm inqatlu.
Għalkemm l-ewwel analiżi ssuġġerriet li l-virus kien simili għal dak komuni fis-sriep, issa jidher li huwa aktar simili għal dak komuni fil-friefet il-lejl.
Is-SARS u l-MERS kemm ħallew vittmi? Il-Covid-19 kif jikkumpara.
Fl-2002, is-SARS inxtered f’madwar 37 pajjiż. Madwar 8,000 persuna kienu ġew infettati bih u madwar 750 kienu tilfu ħajjithom.
Il-MERS huwa aktar diffiċli biex jgħaddi minn persuna għall-oħra iżda r-rata ta’ mwiet jidher li hija aktar qawwija minn dik tas-SARS. Fil-fatt, skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa, mill-2,500 persuna infettati, 35% tilfu ħajjithom.
Sa issa r-rata ta’ mwiet tal-Covid-19 ma jidhirx li hija għolja ħafna u x’aktarx li hija ta’ 2.3%.
Biex inpoġġu dan f’kuntest, madwar biljun persuna taqbadhom l-influwenza kull sena u din tħalli bejn 290,000 u 650,000 persuna mejta. Is-severità tal-influwenza tinbidel kull sena.
Intant, skont l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa
- 82% tal-pazjenti tal-Covid-19 żviluppaw sintomi baxxi;
- 15% żviluppaw sintomi severi; u
- 3% spiċċaw f’qagħda kritika.
Din l-informazzjoni kienet ibbażata minn informazzjoni miġbura minn fuq 17,000 pazjent.

X’inhuma s-sintomi?
Jidher li l-ewwel sintomi tal-coronavirus huma d-deni u xerqa fil-vojt.
Wara ġimgħa jista’ jagħti l-każ li persuna tibda tħossha qed taqta’ nifisha.
Is-sintomi ġieli jkunu jixbhu wkoll lil dawk ta’ riħ komuni, bħal ngħidu aħna għatis u mnieħer miżdud.
Sintomi oħra jistgħu jinkludu għejja u anke wġigħ fil-muskoli.
Skont il-WHO, iż-żmien tal-inkubazzjoni, jiġifieri ż-żmien minn meta persuna tieħu l-virus sakemm joħorġu l-ewwel sintomi, huwa ta’ 14-il ġurnata.
Madanakollu, riċerkaturi saħqu li dan il-perjodu jista’ jdum saħansitra 24 ġurnata, bi xjentisti Ċiniżi jinisistu li l-virus jista’ jittieħed anke qabel joħorġu l-ewwel sintomi.
Qed jinxtered malajr?
Iva. Eluf ta’ każijiet ġodda qed ikunu rrapportati kuljum u ċ-ċifri qed jinbidlu minn ħin għall-ieħor.
X’aktarx li n-numru ta’ każi ġodda qed jirdoppja kull ħames jew sebat ijiem.
Kif tista’ tipproteġi lilek innifsek u lil ħaddieħor?
Il-WHO ħarġet dawn il-linji gwida biex persuna ssegwi sabiex tnaqqas ir-riskju
- Aħsel idek – Uża sapun jew ġel li jista’ joqtol il-virus
- Għatti ħalqek u mnieħrek meta tisgħol jew tagħtas, idealment bl-użu ta’ tissue u aħsel idejk wara.
- Evita li tmiss għajnejk, imnieħrek u ħalqek
- Tersaqx viċin ħafna ta’ nies li qed jisogħlu, jagħtsu jew li għandhom id-deni. Idealment żomm imqar metru ’l bogħod minnhom.


