Il-Qorti tneħħi l-protezzjoni legali fuq il-kirja tal-Każin Laburista f'Ħal Qormi

Is-sidien tal-proprjetà kienu fetħu każ fil-Qorti għaliex ma setgħux jżidu l-kera annwali ta’ €197 jew inkella jkeċċu l-inkwilini mill-proprjetà.

Il-Qorti neħħiet il-protezzjoni legali tal-Partit Laburista fuq kirja ta’ każin tiegħu f’Ħal Qormi. Il-Qorti ordnat ukoll lill-Gvern Malti jħallas €30,000 f’danni lis-sidien tal-proprjetà.

Is-sidien tal-proprjetà kienu fetħu każ fil-Qorti għaliex ma setgħux jżidu l-kera annwali ta’ €197 jew inkella jkeċċu l-inkwilini mill-proprjetà.

Il-familja spjegat kif il-każin kien ġie mikri lill-PL fl-1951 għal Lm 65 fis-sena u mbagħad żdiedet għal Lm 85 fl-2002.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti qalet li wieħed mill-fatturi li kkunsidrat fl-għotja tad-danni kien in-nuqqas tal-istat sabiex jintervjeni b’mod leġiżlattiv f’kwistjonijiet simili. 

Il-qorti tat lill-familja €5,000 f’danni morali u €25,000 f’danni finanzjarji.

Madanakollu, il-Qorti ma ordnatx it-tneħħija tal-inkwilini, iżda minflok iddeċidiet li l-kera ma kinitx iktar tgawdi minn protezzjoni legali.

L-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Eve Borg Costanzi dehru għas-sidien, waqt li l-avukati Robert Abela, Ian Borg, Abigail Caruana u Jacqueline Grech irrappreżentaw lill-Partit Laburista.

More in Socjali