Mellieħa Holiday Centre jinvesti fi proċess ta' reverse osmosis mill-aktar effiċjenti
Il-lukandi waħedhom jikkunsmaw mat-300 litru ilma kuljum...
minn Albert Gauci Cunningham
Martin Ebmark, general manager tal-Mellieħa Holiday Centre jemmen li l-lukandi f'Malta għandhom jirrispettaw ir-riżorsi limitati tal-pajjiż billi jagħmlu minn kollox biex jibżgħu għal dawn ir-riżorsi.
Il-viżjoni tiegħu biex itejjeb il-kwalita' tas-servizz b'impatt minimu fuq l-ambjent beda malli ġie Malta fl-2015 biex imexxi l-Mellieħa Holiday Centre. Minn dakinhar, huwa kien il-moħħ wara diversi proġetti fil-lukanda li jinkludu. Il-Multi-Sports Court, konnessjoni tal-internet aħjar madwar is-sit kollu, korsa tal-mini-golf, u bandli għat-tfal fost l-oħrajn. Fir-rigward tal-ilma, huwa ried jara li l-lukanda ma żżidx mal-pressjoni li diġa' hemm fuq ir-riżervi diġa' batuti tal-ilma tal-pjan imma li din għandha tipprova tkun kemm jista' jkun awto-suffiċjenti.
Il-lukandi huma fost l-ikbar konsumaturi tal-ilma, b'konsum medju ta' madwar 300 litru kuljum għal kull resident tal-lukanda. Dan jammonta għal tliet darbiet iktar mill-konsum kwotidjan tad-djar Maltin. Filwaqt li jistgħu isiru diversi sforzi biex jitnaqqas dal-konsum, il-fatt jibqa' li l-lukandi xorta għandhom bżonn sors stabbli ta' ilma tajjeb għax-xorb bi prezz raġonevoli tul is-sena kollha speċjalment fis-Sajf meta l-iktar li tiżdied l-okkupanza u minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi.
F'pajjiż xott bħal Malta fejn m'hawnx xmajjar jew għadajjar ta' ilma ħelu u fejn ix-xita hija skarsa, ir-riżorsa tal-ilma hija u se tibqa' sfida kontinwa. Malta kienet pijuniera f'dak li huwa d-disalinazzjoni tal-ilma baħar permezz tar-Reverse Osmosis u l-impjant ta' Għar Lapsi kien l-ikbar wieħed fid-dinja dak iż-żmien li beda jopera.
Impjant tar-reverse osmosis jiġbed l-ilma minn bjar madwar il-kosta (shore wells), isaffih u jippumpjah bi pressa ta' 'l fuq minn 60 bar (pompa normali tiġġenera pressa ta' madwar 4 bar). L-ilma mbagħad jerġa' jiġi ffiltrat mill-membrani tar-RO biex b'hekk l-ilma ħelu jiġi sseparat minn dak mielaħ li jinxteħet lura fil-baħar. F'dal-punt, l-ilma ħelu jkun diġa' tajjeb għax-xorb imma jgħaddi minn proċess ieħor ta' mineralizzazzjoni u klorinizazzjoni qabel jgħaddi għall-konsum lill-pubbliku.
Il-Mellieħa Holiday Centre għaraf il-benefiċċji ta' din it-teknoloġija u investa f'impjant ta' reverse osmosis 25 sena ilu. Is-sistema kienet tinkludi filtru tar-ramel (biex l-ilma baħar jitnaddaf minn qabel jibda jgħaddi mill-membrani tal-impjant niex jissaffa) u alkalizzatur biex jirrimineralizza l-ilma tax-xorb. Il-bir li minnu jinġibed l-ilma baħar huwa mas-sebgħin metru fond biex b'hekk jiġbed ilma minn taħt il-bajja tal-Għadira. Il-pompa ta' pressa għolja kienet tikkonsisti f'pompa qawwija ta' ħames pistuni mħaddma minn mutur elettriku kbir. L-elettriku kkunsmat mill-pompa ġie mnaqqas permezz ta' turbina li tirkupra l-enerġija (turbo) biex b'hekk tniżżel il-konsum għal madwar 5.5 units ta' elettriċita' għal kull metru kubiku (1000 litru) li tipproduċi.
Iżda minkejja li wara 25 sena kienet għadha għaddejja, fl-2015 il-magna kienet qed issofri minn ħsarat regolari u l-general manager tal-Mellieħa Holiday Complex beda jaħseb f'alternattivi. Tard fis-sena 2015, il-lukanda ikkuntattjat l-esperti tat-trattament tal-ilma Marco Cremona u Martin Chetcuti (li joperaw bħala MEDESAL Services) biex jieħdu taħt idejhom l-operat tal-impjant sabiex dan jipproduċi biżżejjed ilma biex jaqdi l-ħtiġijiet tal-lukanda. Ġie ffirmat kuntratt ta' sena u mill-1 ta' Jannar 2016, MEDESAL biex topera l-impjant f'isem il-MHC. Minn dakinhar, ir-RO kienet laħqet il-bżonnijiet kollha tal-lukanda, bi produzzjoni ta' 'l fuq minn 36,000 metru kubiku f’sena mingħajr ma jkollha bżonn tixtri ilma ieħor tal-vit jew tal-bowser.
Fil-bidu tal-2017 ittieħdet deċiżjoni biex l-impjant tar-Reverse Osmosis jiġi aġġornat biex tiżdied il-produzzjoni u jitnaqqas il-konsum tal-elettriku. Dan ix-xogħol ġie fdat f'idejn MEDESAL services li rrestawraw l-impjant bi spiża totali li hija biss farka ta' kemm jiġi jiswa impjant ġdid tar-RO. MEDESAL introduċiet is-sistema rivoluzzjonarja Danfoss, b'pompa ta' pressa għolja ħafna li tikkonsisti fil-pompa tal-pistun ultra effiċjenti APP flimkien mal-apparat innovattiv iSave għall-irkupru tal-enerġija. Dan jippermetti ir-RO biex jipproduċu sa 180,000 litru ta' ilma tajjeb għax-xorb kuljum b'konsum tal-elettriku li huwa 50% inqas minn dak tal-2016. Is-sistema saret iktar affidabbli, il-produzzjoni tal-ilma żdiedet, filwaqt li l-istorbju, il-vibrazzjoni u l-konsum tal-elettriku kollha naqsu.
B'konsum tal-elettriku li huwa inqas minn 3.0 kWh/m3, li jinkludi l-ippumpjar tal-ilma sal-ġibjun tal-lukanda, 300 metru 'l bogħod, dan huwa possibilment l-iktar impjant tar-Reverse Osmosis mill-ilma baħar effiċjenti fil-pajjiż. Biex tikkuntattja lil MEDESAL tista' ċċempel fuq 79261562 jew fuw [email protected]
