F'intervista mal-gazzetta ILLUM, li se tkun qed tidher fil-ħarġa ta' għada, id-Direttur tal-Karnival Jason Busuttil tkellem fuq il-ħidma matul is-sena li jirrikjedu l-karrijiet, is-satira fil-karnival, il-villaġġ tal-Karnival u l-futur tal-Karnival f'Malta, fost temi oħra.
Mal-ILLUM, Busuttil tkellem fuq kif il-ħidma fuq il-karrijiet tibda minn ħafna qabel, iżda dan jista’ jkun meqjus bħala żvantaġġ jekk l-għan ta’ karru, partikolarment satiriku jkun dak li jun kurrenti. Dan minħabba li jkun diffiċli wisq li karru jinkludi avvenimenti li jkunu għadhom kif saru qrib żmien il-Karnival, jekk ix-xogġol fuqu jkun inbeda lejn Settembru tas-sena ta’ qabel. Għal dan il-għan, Busuttil jgħid li l-parteċipanti spiss ikollhom jaraw kif jistgħu jadattaw dak li jkunu lestew diġà għal xi ħaġa li tkun għadha qed tiġri. “Jekk nieħdu eżempju mill-karru ta’ Ann Fenech,” jgħid Busuttil, “jekk hi kellha idejha miftuħin u kienu vojta, ninsab ċert li se jżidulhom xi napkin u pastizzi. Ovvjament, din ma kinetx ippjanata għall-pastizzi dak iż-żmien, iżda għal xi ħaġa relatata mal-Panama Papers.”
‘Is-satira fil-Karnival ta’ din is-sena se tispikka’
Minkejja li t-talent u x-xogħol li jagħmlu l-parteċipanti jidher biċ-ċar f’dawn il-karrijiet, ġieli tisma’ bil-kritika li hemm nuqqas ta’ kreattività u minħabba f’hekk xi karrijiet jispiċċaw dejjem iduru mal-istess erba’ temi u karattri. Kemm jemmen li din hija problema vera, Jason Busuttil?
Busuttil jgħid li jemmen li bl-introduzzjoni tas-satira fil-Karnival, iddaħħlu mħuħ u ideat ġodda. “Konna xbajna naraw stejjer ta’ Disney, pajjiżi jiġġieldu u mbagħad jagħmlu ħbieb fil-Karnival.”
Fil-fatt, Busuttil jirrakonta meta kien avviċinah Mario De Marco erba’ snin ilu meta hu kien il-President tal-Għaqda tal-Karnival, u staqsieh x’jaħseb fuq is-satira fil-Karnival. “Kont għidtlu, aħna ma nistgħux hux, u hu qalli, ‘min qed iżommkom?’ Aħna konna nemmnu li hemm xi liġi li ma tħalliniex indaħħlu s-satira.” Ikompli jirrakonta kif kienu tkellmu bejniethom Mario De Marco u Owen Bonnici dwar dan, u lill-parteċipanti infurmawhom kif dan ma kien veru xejn u ma kienx hemm liġi dwar dan, u jistgħu jagġmlu li jridu fil-Karnival. Ikompli jgħid li dak iż-żmien, “kienet lejlet elezzjoni u allura ma ridna nagħmlu xejn dakinhar, u minflok bdejnieha s-sena ta’ wara, u llum il-ġurnata tista’ tgħid li s-satira, speċjalment din is-sena se tispikka.
Għada, akkwista l-kopja tiegħek tal-gazzetta ILLUM biex taqra l-intervista sħiħa