Multi sa €3,500 kuljum għal-djar tal-anzjani mhux adegwati

Se tiġi ffurmata awtorità ġdida biex tevalwa u tinforza standards ġodda fil-kwalità tad-djar tal-anzjani

Kwalità tas-servizz mogħti lill-anzjani ibbażat fuq il-valuri ta’ privatezza, dinjità, saħħa mentali u fiżika, awtonomija w ugwaljanza
Kwalità tas-servizz mogħti lill-anzjani ibbażat fuq il-valuri ta’ privatezza, dinjità, saħħa mentali u fiżika, awtonomija w ugwaljanza

Il-kwalità tad-djar għall-anzjani se tibda tiġi mħarsa u evalwata minn awtorità ġdida, li l-għan tagħha se jkun li jinżammu standards għoljin fin-numru ta’ djar għall-anzjani f’Malta, kemm dawk privati, kif ukoll dawk statali.

Multi mogħtija lil djar tal-anzjani minħabba servizzi inadegwati se jvarjaw bejn €500 sa €3,500 kuljum, skont is-severità tal-każ.

Dan kollhu stqarritu s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Justyne Caruana, waqt it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika dwar is-sistema għal standards għad-djar tal-anzjani.

Caruana stqarret li standards għola huma mportanti biex jassiguraw il-kwalità tas-servizz mogħti lill-anzjani ibbażat fuq il-valuri ta’ privatezza, dinjità, saħħa mentali u fiżika , awtonomija, ugwaljanza u d-dritt li jieħdu passi legali għal-raġunjiet varji li jinvolvu l-ksur ta’ dawn id-drittijiet.

“Qegħdin inniedu konsultazzjoni dwar l-implementazzjoni legali għal dawn l-istandards,” qalet Caruana, hekk kif spjegat kif il-gvern ried joħloq awtorità indipendenti biex tinvestiga u tieħi l-azzjonijiet meħtieġa fin-numru ta’ djar madwar il-pajjiż.

“L-istess awtorità se tkun ukoll responsabbli mill-ħruġ ta’ liċenzji biex djar għall-anzjani jkunu jistgħu joperaw,” saħqet Caruana, filwaqt li spjegat kif dan isir biss wara li jkun inħareġ rapport li d-dar laħqet jew għanda l-istandards neċessarji.

Infatti, djar li għandhom iż-żmien, se jiġu evalwati bir-reqqa qabel tittieħed id-deċiżżjoni jew il-liċenzja tagħhom tiġġeddiedx jew inkella jintalab li jsiru xi tibdil fl-infrastuttura qabel isir dan, Infatti, Caruana saħqet kif l-awtorità se jkolla l-poter li tispezzjona d-djar kollha li joperaw bħalissa.

Caruana fissret ukoll li, apparti l-ambjenti fiżiċi u l-għoti ta’ servizzi, se jkun hemm ukoll skrutinju fuq ir-riżorsi umani. Fil-fatt se jkun l-irwol tal-awtorità li żżomm reġistru tal-care workers. Sa issa ma għandniex dan il-mekkaniżmu u bħalissa qed isiru diskussjonijiet mal-unions dwar Care Workers Act biex niffukaw iktar fuq din il-professjoni.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li dan huwa pass kuraġġuż li qed jagħmel dan il-Gvern u ħeġġet għall-parteċipazzjoni fil-proċess ta’ konsultazzjoni li se ssir permezz ta’ sensiela ta’ laqgħat fejn ser issir preżentazzjoni u spjegazzjoni tal-abbozz ta’ liġi. Persuni interessati jistgħu wkoll jibgħatu email fuq [email protected]

Caruana uriet ix-xewqa tagħha li l-proċess ta’ konsultazzjoni ma jdumx aktar minn Settembru, bit-tama li għall-bidu tas-sena d-dieħla jkun preżentat abbozz tal-legiżlatura.

Fit-tnedija tal-konsultazzjoni tkellem ukoll Dr Marvin Formosa, Ġerentologu, li ta aktar dettalji dwar l-abbozz ta’ liġi u l-istandards mistennija mill-Gvern fid-djar tal-anzjani.

More in Socjali