Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana qal li l-iskema ta’ pjan ta’ pensjoni okkupazzjonali għall-impjegati fis-settur pubbliku għadha fil-pipeline minkejja xi dewmien fil-proċess tat-tnedija tagħha.
Is-sena li għaddiet, Caruana kien ħabbar li l-gvern se jikkontribwixxi sa massimu ta’ €100 fix-xahar għal ħaddiema fis-settur pubbliku li jinvestu f’pjan ta’ pensjoni okkupazzjonali.
Dak iż-żmien, il-Ministru kien qal li l-pjan kellu jitfassal flimkien mal-imsieħba soċjali u jitnieda sal-2025, iżda s’issa ma ttieħet l-ebda pass konkret biex jitħaddem.
“Għad hemm xi affarijiet x’jinħadmu”
Caruana spjega li d-dewmien kien dovut għal kwistjonijiet loġistiċi, iżda żied jgħid li t-taħditiet mal-partijiet interessati għadhom għaddejjin.
“Il-miżura għadha fuq il-mejda,” qal il-Ministru. “Għamilna konsultazzjoni pubblika u rċevejna ħafna feedback kemm mill-industrija kif ukoll minn diversi stakeholders. Għad hemm ċerti affarijiet li jridu jiġu mfissra, speċjalment mal-fornituri tal-assigurazzjoni.”
Huwa spjega li l-akbar sfida bħalissa hija li jitħares l-interess ta’ min se jinvesti f’dawn l-iskemi, billi għad hemm bżonn jiġi deċiż taħt liema liġi se jaqa’ dan il-mekkaniżmu – il-‘Retirement Act’ jew l-‘Insurance Business Act’.
Ir-rifużjoni tat-taxxa fuq pensjonijiet tibqa’ fis-seħħ
Il-Ministru Caruana żied jgħid ukoll li r-rifużjoni tat-taxxa fuq ħlasijiet ta’ pensjoni se tibqa’ fis-seħħ matul l-2026, minkejja li ma ssemmietx fil-Baġit tal-aħħar ġimgħa.
“Hemm ħafna miżuri li l-gvern nieda tul is-snin li ma ssemmewx fil-Baġit ta’ din is-sena,” qal Caruana. “Dan ma jfissirx li waqfu – dawn għadhom hemm u se jkomplu jiġu implimentati fis-snin li ġejjin.”
Jaelle Borg hija studenta fit-tieni sena tal-kriminoloġija