Neville Gafà, eks persuna ta’ fiduċja fil-Segretarjat ta’ Andy Ellul, ħareġ twissija ominuża lil “id moħbija” li, skontu, qed taħdem kontrih.
F’filmat li xxandar mill-karozza tiegħu, Gafà qal dan ftit wara li ġie kkuntattjat mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data dwar post li ppubblika relatat ma’ uffiċjal tal-Bank Ċentrali.
Aktar kmieni din is-sena, Gafa kkontesta lill-Kap tal-Politika u l-Operazzjonijiet Monetarji tal-Bank Ċentrali u lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet tal-Eurosistema talli poġġa xemgħat fuq il-mafkar improvviżat ta’ Daphne Caruana Galizia.
Gafà kien ippubblika blog post li fih żvela ritratt tal-uffiċjal u akkużah li kien ilmenta formalment mal-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.
Fil-video li ħareġ ftit jiem wara r-riżenja tiegħu bħala persuna ta’ fiduċja, Gafà staqsa jekk hux se jittieħdu passi dwar filmati li juru lilu stess ineħħi fjuri mill-istess memorial fil-għaxar anniversarju tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa sostna wkoll li wara r-riżenja tiegħu, ġie msejjaħ mill-Pulizija għall-mistoqsijiet dwar l-inċident, iżda mbagħad ġie informat li ma kienx hemm bżonn li jmur fil-Kwartieri Ġenerali.
“Jien għandi messaġġ wieħed. Lill-id moħbija li naħseb li hemm wara dawn l-azzjonijiet: oqgħod attent, għax se nsib min int,” wissieh Gafà b’ton ta' theddid.
Riżenja wara polemika dwar blog post
Ir-riżenja tiegħu nhar is-Sibt waslet ftit sigħat wara li ppubblika blog bl-isem “Kids Don’t Need New Genders – They Need Parents With Common Sense”. Din il-gazzetta tifhem li l-kitba tiegħu qanqlet reazzjoni qawwija f’ċrieki tal-Partit Laburista, inkluż fost membri tal-Kabinet, li esprimew id-diżgust tagħhom lejn il-kontenut.
Ftit wara, irriżenjat ukoll Jennifer Tabone, segretarju eżekuttiv ta’ Nisa Laburisti, li qalet lil gazzetta oħt, MaltaToday li d-deċiżjoni tagħha kienet ibbażata fuq oppożizzjoni għal attakki personali u fuq diżgwid fundamentali mal-proposti ta’ riforma fil-ppjanar.
Gafà kien attakka lil Tabone f’wieħed mill-blogs tiegħu wara li Nisa Laburisti kkritikaw id-deċiżjoni ta’ Ian Borg li jinnomina lil Donald Trump – wieħed mill-eroj politiċi ta’ Gafà – għar-Rikonoxximent tal-Paċi Nobel.
Ftit jiem ilu, Tabone dehret f’ritratt mal-Prim Ministru Robert Abela wara laqgħa li ddeskriviet bħala “kordjali”.
Min hu Neville Gafà?
Gafa, partitarju ħabrieki tal-Partit Laburista u apoloġista ta’ Joseph Muscat, kien fl-aħbarijiet wara r-ritorn tiegħu fil-gvern Laburista bħala koordinatur tal-kura tal-klijenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru taħt is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.
Gafà kien diġà jmexxi l-customer care fl-OPM fi żmien Muscat u kien involut f’laqgħat fil-Libja biex jikkoordina t-trasmissjoni ta’ koordinati ta’ dgħajjes tal-migranti mill-Forzi Armati ta’ Malta lill-gwardja tal-kosta Libjana.
Matul dan iż-żmien, huwa żviluppa rabtiet ma’ figuri kontroversjali, fosthom il-warlord Libjan Haithem Tajouri, li jinsab taħt sanzjonijiet internazzjonali.
Gafà kien ukoll akkużat li talab flus mingħand ċittadini Libjani biex joħroġilhom viżi għal kura medika f’Malta — akkużi li hu dejjem ċaħad.