84% sodisfatti bis-servizz taċ-childcare b’xejn

Żieda ta' medja ta' 5 sigħat xogħol iktar fil-ġimgħa

Riċerka fl-Università ta’ Malta turi kif il-maġġoranza tal-ġenituri li jibagħtu lill-uliedhom fid-diversi ċentri taċ-childcare madwar il-pajjiż, bħala parti mill-programm taċ-childcare b’xejn, huma sodisfatti bis-servizz li jingħataw. Fil-fatt, huma 84% tal-ġenituri li huma sodisfatti jew inkella sodisfatti ħafna bis-servizz li qed jingħataw minn dawn iċ-ċentri.

Dan joħroġ minn riċerka li saret minn Ayrton Zarb, bħala parti mill-istudji tiegħu fl-Ekonomija dwar l-effett l-ħidma tan-nisa ħalliet fuq id-dinja tax-xogħol permezz tal-introduzzjoni tal-miżura taċ-childcare b’xejn. L-istudju sar fost 790 mara b’impjieg, li hi wkoll omm ta’ tifel jew tifla li għandha bejn tliet xhur u tliet snin, iżda li għadhom ma bdewx jattendu l-kindergarten.

Is-servizz ta’ childcare bla ħlas lil kull tifel u tifla ilu fis-seħħ sa minn April tal-2014, bil-għan li iktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol għaliex issa, l-ispiża tal-kura ta’ wliedhom waqt li huma jinsabu x-xogħol hija mħallsa mill-Gvern. 

F’dan l-istudju deher li madwar 55% kienu sodisfatti ħafna bil-programm ta’ childcare b’xejn, u 29% qalu li jinsabu sodisfatti.

L-ikbar kritika hi dwar l-assenteiżmu

F’dan l-istudju, l-ommijiet mistoqsija ntalbu wkoll jgħaddu xi suġġerimenti li kellhom dwar kif dan is-servizz jista’ jitjieb. Fil-fatt, minkejja r-reazzjoni pożittiva ħafna, dawk li wieġbu tkellmu f’ammonti kbar dwar il-kundizzjoni tal-assenteiżmu. Fil-preżent, ġenitur jibbukkja l-ammont ta’ sigħat li se jkun jeħtieġ jibgħat lit-tifel jew tifla tiegħu minn xahar qabel sabiex iċ-ċentru taċ-childcare jista’ jkun preparat biex jilqa’ t-tfal għal dawk il-ħinijiet. Ovvjament, minħabba xi imprevvisti jew b’mod partikolari mard, li tfal ta’ dik l-età jkollhom sikwit, dawn il-ħinijiet mhux dejjem jistgħu jinżammu fedelment. Fil-fatt, għal din ir-raġuni, il-ġenituri għandhom konċessjoni ta’ madwar 10% fuq is-sigħat li jkunu rriżervaw, li fihom uliedhom jistgħu jfallu milli jmorru fiċ-ċentru. Iżda jekk it-tfal jitilfu iktar minn dawn l-10% konċessi, il-Gvern jibgħat il-kont lill-ġenituri sabiex iħallsu d-differenza tas-sigħat li ma marrux uliedhom, għaliex finalment, il-Gvern xorta waħda kellu jħallas liċ-ċentru għalihom. Il-problema li qed jaraw bosta ommijiet f’dan ir-rigward, hija l-fatt li meta t-tfal ikunu morda, u għalhekk ma jistgħux jibagħtuhom fiċ-ċentru, xorta waħda jgħodd daqslikieku t-tfal fallew b’kapriċċ. Għaldaqstant, ir-rakkomandazzjoni ewlenija li semmew dawn il-ġenituri kienet li l-ġranet ta’ mard ma jkunux inklużi mat-total ta’ ġranet li t-tfal jistgħu jfallu, b’konsegwenza li jkollhom iħallsu għal dawk is-sigħat li jaqbżu iktar mil-limitu stipulat. 

Rakkomandazzjoni oħra li kienet popolari fost l-ommijiet li wieġbu, kienet li jiġu estiżi l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ dawn iċ-ċentri sabiex ikun jista’ jakkomoda iktar dawk il-ġenituri li jkollhom ħinijiet tax-xogħol li mhumiex daqstant konvenzjonali.

Id-dħul tal-omm bħala persentaġġ ta’ dawk li jagħmlu użu mis-servizz
Id-dħul tal-omm bħala persentaġġ ta’ dawk li jagħmlu użu mis-servizz

Żieda ta’ 5 sigħat iktar xogħol fil-ġimgħa

Konklużjoni ewlenija li ħarġet minn dan l-istudju kienet li permezz tal-miżura taċ-childcare bla ħlas, bosta ommijiet setgħu jidħlu jew jirritornaw fid-dinja tax-xogħol. Effettivament, in-numru ta’ sigħat ta’ xogħol tan-nisa li għandhom wild ta’ bejn it-tliet xhur u t-tliet snin żdied b’ħames sigħat fil-ġimgħa. Dan ir-riżultat juri li ż-żieda kienet waħda impressjonanti, partikolarment meta mqabbel ma’ programmi simili ta’ kura tat-tfal attwali f’pajjiżi barranin.

Fil-fatt, minn studju preliminari qabel ma ddaħħlet din il-miżura, kien stmat li kellhom jinħolqu 350,000 siegħa ta’ xogħol fis-sena minn dawk li qabel April 2014, ma kinux jaħdmu. Fil-verità, huwa stmat li fl-2015, dan il-programm ħoloq 346,374 siegħa ta’ xogħol minn dawk in-nisa li ma kinux jaħdmu qabel.

Nisa b’paga baxxa-medja l-aktar li jużaw is-servizz

Il-miżura ta’ servizz ta’ childcare b’xejn hija waħda li ma tiddependix fuq il-paga u d-dħul tal-ġenituri iżda biss fuq il-fatt li dawn ikunu qegħdin f’impjieg.

L-istudju staqsa lil dawk li wieġbu dwar id-dħul finanzjarju tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati liema huma dawk is-sezzjonijiet ta’ nies li l-aktar jagħmlu użu minn tali skema. Fil-fatt, dawk l-ommijiet b’paga baxxa-medja, jiġifieri li jaqilgħu bejn €710 u €1,209 fix-xahar kienu l-aktar li użaw din il-miżura, b’43% tagħhom. Warajhom, kien hemm dawk li jaqilgħu ftit iktar, jiġifieri bejn €1,210 u €1,625 fix-xahar, b’26% tagħhom jibagħtu lill-uliedhom f’dawn iċ-ċentri. Minkejja dan, minn dawk l-ommijiet li għandhom dan id-dħul, kien hemm ammont ikbar li ma jużawx dan is-servizz, milli dawk li fil-fatt jieħdu lill-uliedhom f’dawn iċ-ċentri.

Huwa interessanti l-fatt li minn dan l-istudju, jiġi konkluż li dawk l-ommijiet li mhumiex miżżewġin, li jinkludu lis-single mothers, ommijiet separati, romol, divorzjati u annullati jagħmlu użu mis-servizz taċ-childcare b’xejn 7% iktar minn dawk huma miżżewġa. Minkejja dan, dawk in-nisa li jkollhom sieħeb li jkunu qed jikkoabitaw miegħu, ġew imniżżla mas-sezzjoni tal-persuni mhux miżżewġa, minkejja li huwa figura preżenti fid-dar, li kapaċi joffri xi tip ta’ għajnuna u sostenn. Fil-fatt, hemm iktar ta’ nisa miżżewġa li ma jagħmlux użu minn dan is-servizz milli minn dawk li jużawh. Dan jista’ jixhed li ommijiet li jkunu qed jgħixu mar-raġel tagħhom, għandhom tendenza li jagħmlu inqas użu minn tali miżura minħabba li f’bosta mill-każi jkunu jistgħu jsibu s-sostenn tal-figura paterna.

20% użaw iċ-ċentri iżda kienu jaħdmu qabel

Minħabba li s-servizz taċ-childcare huwa wieħed b’xejn f’kull każ fejn l-omm taħdem, numru ta’ ommijiet, kienu xorta f’impjieg qabel din il-miżura. Fil-fatt, numru ta’ ommijiet li kienu jaħdmu qabel April tal-2014, kien ikollhom isibu soluzzjonijiet oħra ta’ fejn iħallu lil uliedhom sakemm huma jkunu għax-xogħol. Dan jista’ jkun ma’ xi membri tal-familja oħra, jew saħansitra f’ċentri taċ-childcare, iżda bi ħlas. L-istudju ta’ Zarb jindika kif madwar 20% tal-ommijiet kienu qed igawdu minn dan il-benefiċċju taċ-childcare b‘xejn, iżda ma kinux qed jagħmlu differenza fin-numru ta’ sigħat ġodda fid-dinja tax-xogħol. Dan minħabba li dawn in-nisa, xorta baqgħu jaħdmu, kif diġà kienu qabel, iżda issa għandhom is-soluzzjoni ta’ ċentri taċ-childcare b’xejn sabiex jieħdu ħsieb it-tfal meta dawn ikunu x-xogħol.

Din il-konklużjoni setgħet tinħareġ billi ġew analizzati r-rispost ta’ dawk l-ommijiet li qali li l-miżura taċ-childcare b’xejn, ftit jew xejn affetwat id-deċiżjoni tagħhom li joħorġu jaħdmu, għaliex fil-verità diġà kienu jinsabu f’impjieg. 

More in Socjali