
L-Inwadar – l-ewwel park għall-Gvern Laburista
minn Mark Borg

Marsaskala, ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar se jkollhom park nazzjonali naturali ġdid bil-kreazzjoni tal-Park tal-Inwadar li se jkun l-ewwel park dikjarat minn din l-amministrazzjoni.
Il-Kunsilli Lokali ta’ dawn it-tliet lokalitajiet qalu li din l-inizjattiva kien hemm bżonnha fin-naħa t’isfel ta’ Malta, f’żona li fiha hemm konċentrazzjoni ta’ wirt kulturali u storiku li jeħtieġ jiġi mħares u apprezzat. Huma jilqgħu b’mod pożittiv l-impenn li jiġu mgħejuna bdiewa li għandhom għelieqi fl-inħawi.
Il-Gvern għadu kif ippubblika dokument għal diskussjoni biex jitfassal il-pjan għall-immaniġjar ta’ dan il-park li se jintuża fil-konsultazzjonijiet li se jsiru dwaru.
Dan id-dokument jissuġġerixxi tliet prijoritajiet immedjati għat-twaqqif ta’ dan il-park. Wieħed irid jinvolvi l-komunità lokali u jingaġġa l-koperazzjoni tal-komunità agrikola lokali, partikolarment biex dawn jiġu mgħejuna biex jirċievu għajnuna mill-fondi Ewropej. Wieħed irid ukoll iwaqqaf immedjatament it-tfigħ illegali ta’ żibel f’din iż-żona.
Ġew identifikati 28 azzjoni li jridu jittieħdu bl-intenzjoni li jitħares dan il-pajsaġġ. Dan jinkludi l-użu sostenibbli ta’ dan il-lokal bil-bżonn li jiġu kreati opportunitajiet attraenti rikreattivi b’armonija man-natura, li jippermettu l-pubbliku jesperjenza l-attrazzjonijiet naturali u kulturali tal-lokal, li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja fin-nofsinhar ta’ Malta u li jippromwovi l-konservazzjoni naturali. Dan kollu jsir skont business plan li jitfassal kull sena.
Id-dokument qed jissuġerixxi li l-istruttura tal-immaniġjar tal-park tkun magħmula minn Bord ta’ Governanza u minn entità għall-immaniġjar tal-Park. Il-Bord ta’ Governanza jkun magħmul minn rappreżentanza tal-partijiet kollha interessati u li twieġeb lill-Ministru għall-Ambjent. Fil-fatt, qed jiġi propost li l-Bord ta’ Governanza jkun magħmul minn ħames persuni – chairperson u erba’ membri oħra b’esperjenzi differenti, wieħed b’kompetenza fil-marketing u business management, wieħed b’kompetenza fil-wirt ambjentali, wieħed fl-iżvilupp rurali u agrikolu u l-ieħor fil-wirt kulturali. Hu propost li dawn kollha jiġu maħtura mill-Ministru responsabbli għall-Ambjent.
Il-Bord ta’ Governanza għandu d-dmir li jikkonsulta mas-sidien tal-artijiet u proprjetà oħra fil-lokal u mal-Kunsilli Lokali f’deċiżjonijiet li jaffetwaw il-komunità tal-lokal. Irid ukoll jiżgura responsabbiltà fiskali u governanza tajba.

L-immaniġjar tal-Park u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ mmaniġjar, propost li jsir minn tliet persuni, jiġifieri Park Manager li jmexxi l-immaniġjar, uffiċjal għall-edukazzjoni u uffiċjal xjentifiku.
Il-proġett għandu wkoll jagħti spinta lill-konservazzjoni ta’ wirt storiku ieħor fl-inħawi. Dan jinkludi diversi kappelli bħal dik ta’ San Leonardu, tal-Madonna tad-Dawl, ta’ Sant’Antnin ta’ Padova u dik ta’ San Nikola. Viċin hemm ukoll dolmen u fdalijiet megalitiċi oħra, kif ukoll il-Forti ta’ San Rokku.
30,000m² mill-park propost ġej minn żona ta’ żvilupp
Id-dokument jipproponi estensjoni ta’ 44,000m² aktar minn dak propost oriġinarjament, li minnu 30,000m² ġej minn żona ta’ żvilupp. Id-dokument jgħid ukoll li din l-estensjoni hija proposta fuq il-bażi li dan għandu jkun park komplut, u mhux bħala kumpens għall-art li ġiet trasferita minn ODZ għall-iżvilupp tal-Università Amerikana proposta fiż-Żonqor. B’din l-estensjoni, il-Park ikun entità kompleta u jarmonizza l-wirt naturali, kulturali u pajsaġġ rurali ta’ dawn l-inħawi.
Il-Kunsill konsultattiv għan-nofsinhar ta’ Malta laqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni dwar dan il-park. Il-Kunsill qal li dan il-proġett se jservi ta’ mudell ta’ riġenerazzjoni ambjentali fejn l-ambjent jingħata l-valur fl-istat naturali tiegħu.
Min-naħa l-oħra, l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) esprimiet tħassib u qalet li tittama li l-kaċċaturi u n-nassaba membri tagħha li jużaw dawn l-inħawi, ma jmisshomx l-istess xorti ħażina ta’ dawk li jużaw il-Park Nazzjonali tal-Majjistral li esperjenzaw restrizzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom. Il-FKNK qalet li għalkemm f’dan il-‘Management Brief’ ma jidher imkien li l-kaċċa u l-insib se jkunu projbiti, xorta ħa tagħmel is-sottomissjonijiet biex tħares l-interessi tal-membri tagħha.
Il-Park tal-Inwadar qed isir għal sitt skopijiet prinċipali. Dawn huma:
- Li napprezzaw l-ambjent fil-forma naturali tiegħu
- Li jkun mudell għar-reġerazzjoni ambjentali
- Li jgħolli l-apprezzament għall-ħarsien tal-ambjent naturali u kulturali, ir-rikreazzjoni f’ambjent rurali, u l-amministrazzjoni li għandu bżonn park bħal dan biex jibqa’ jeżisti bħala parti minn katina ta’ parks
- Li jippromwovi żoni naturali bħala strument ta’ tkabbir ekonomiku
- Li tagħmel dan il-ħarsien tan-natura bħala sors li jżid il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jgħixu fil- viċinu
- Li jservi ta’ katalist għal żieda fin-negozju fl-inħawi