L-Immigrazzjoni: l-agħar kriżi minn żmien il-Gwerra

Kriżi umanitarja mwiergħa fl-Ewropa hekk kif jidher li qed jintilef il-kontroll fuq is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni. L-ILLUM janalizza l-movimenti rekord ta’ eluf kbar ta’ persuni għal ġol-kontinent

Minkejja l-periklu u n-numru inkwetanti ta’ mwiet li fnew il-Baħar Meditterran f’dawn l-aħħar snin, id-disprament tal-immigranti, flimkien mal-gwerra kiefra fis-Sirja u l-instabbilità fit-Tramuntana tal-Afrika mhix qed tiskoraġixxi eluf ta’ immigranti milli jirriskjaw ħajjithom bit-tama li jgħixu ħajja aħjar.

Ċifri uffiċjali mogħtija lill-ILLUM mill-Ministeru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali juru kif sal-ewwel tmien xhur tas-sena, f’Malta waslu biss 87 immigrant, 487 inqas mis-sena l-oħra.  Mal-ewwel daqqa t’għajn jidher li din is-sena u partikolarment, dan is-sajf, il-fenomenu tal-immigrazzjoni irregolari għadu ma laqatx ix-xtut Maltin. Iżda filwaqt li dan jista’ jkun il-każ għal pajjiżna, huwa ferm ’il bogħod mir-realtà fil-bqija tal-Ewropa, hekk kif bħalissa, l-Italja, il-Ġermanja, u l-Greċja, b’mod partikolari, qed jesperjenzaw l-agħar kriżi umanitarja minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija. 

Immigranti msawwta, abbużati, u stuprati

Fl-Italja, tefgħa ta’ ġebla biss ’il bogħod minn Malta, waslu 90,000 immigrant fl-ewwel tmien xhur tas-sena. Biss biss, f’Ġunju, f’inqas minn 24 siegħa, il-Guardia Costiera salvat madwar 6,000 persuna u l-ġimgħa l-oħra, ġew salvati 3,000 immigrant ieħor. Grazzi għall-missjoni Triton, it-Taljani qegħdin jissorveljaw il-kosta tal-Libja, iżda fl-isfond ta’ gwerra ċivili u instabbilità, qegħdin kontinwament jitilfu l-battalja tagħhom kontra t-traffikanti tal-persuni. 

Mal-waqgħa ta’ Gaddafi, il-fruntieri Libjani għal darb’oħra infetħu għall-isfruttament tat-traffikanti u fl-2011, l-istess sena tar-rivoluzzjoni Libjana, waslu l-Italja 140,000 immigrant mit-Tramuntana tal-Afrika. Dan kompla jiżdied matul is-snin u fl-2014, dan żdied għal 219,000. Mill-Italja, bosta immigranti jerħulha għall-Ġermanja, l-Ingilterra, u l-Iskandinavja bil-maġġoranza tagħhom jaslu mis-Sirja, filwaqt li oħrajn jaslu mill-Afganistan, Eritrea, Niġerja, u s-Somalja.

Skont l-Organiżazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni (IOM), il-vjaġġ bejn il-Libja u l-Italja huwa l-iktar wieħed perikoluż b’1,930 imutu din is-sena biss u 3,500 oħra matul is-sena li għaddiet. Lil hinn minn dan, uffiċjali mill-Gvern Taljan isostnu li n-numru tal-imwiet huwa fil-verità ferm ikbar minn dak irrapurtat hekk kif ħafna immigranti jmutu fuq il-baħar mingħajr ma jinstabu. 

Aktar minn hekk, bosta refuġjati jirrakuntaw il-kundizzjonijiet tal-biki li jesperjenzaw matul il-vjaġġ tagħhom, u li ta’ sikwit isofru vjolenza, abbuż sesswali, tortura u anke stupru  mit-traffikanti u minn gruppi ta’ kriminalità organizzata. 

Madankollu, minkejja l-periklu ċar, bosta traffikanti għadhom joperaw mill-kosta tal-Libja, għalkemm fl-isfond ta’ aktar kontroll u traġedji, il-maġġoranza tat-traffikanti issa qed jieħdu vantaġġ mid-distanza qasira bejn it-Turkija u l-Greċja. 

Gżejjer turistiċi jinbidlu f’ċentru ta’ detenzjoni

Skont l-aħħar statistika mill-aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR), minn Jannar ’l hawn, waslu 160,172 immigrant  fil-Greċja, u f’Lulju biss waslu iktar minn 50,000 persuna – kważi 7,000 iktar mill-ammont totali tas-sena preċedenti.

Iżda lil hinn min-numru diġà allarmanti, uffiċjali fi ħdan il-Gvern Grieg qed isostnu li l-influss tal-immigranti fil-pajjiż u fil-bqija tal-Ewropa mistenni jkompli jiżdied sakemm ma l-Unjoni Ewropea tindirizza n-numru inkwetanti ta’ traffikanti ta’ persuni. Biss biss, f’Bodrum, port fit-Turkija 20 minuta biss ’il bogħod mill-gżejjer Griegi u post magħruf ħafna għat-turiżmu, joperaw minn tal-inqas seba’ organizazzjonijiet ta’ traffikanti. Dan qed iwassal sabiex gżejjer Griegi viċin it-Turkija qed isiru ċentru kbir għall-immigranti. Skont l-Amnesty International, f’Awwissu waslu 33,000 persuna f’Lesvos, gżira Griega, iktar mid-doppju ta’ kemm waslu fuq il-gżira fl-2014, filwaqt li tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod, proprju f’Kos, gżira b’popolazzjoni ta’ 30,000 persuna, madwar 7,000 applikaw għall-ażil f’dawn l-aħħar xhur.

L-influss ta’ immigranti fil-Greċja jagħti stampa ċara tal-kriżi, hekk kif eluf ta’ persuni qed jinġiebu bid-dgħajjes kuljum. In-numru ta’ immigranti li jaslu kuljum huwa xokkanti iżda l-kundizzjonijiet li qed jgħixu fihom dawn il-persuni huwa aktar inkwetanti. Gżejjer turistiċi li sa ftit ilu kienu mimlija turisti, illum saru l-uniku kenn għall-mijiet ta’ immigranti. Dawn it-trabi, tfal, adulti u anzjani ddisprati li ħallew art twelidhom warajhom bit-tama li jsibu ħajja aħjar, ġew milqugħa b’sitwazzjoni mwiegħra u tal-biżà: Eluf qed jispiċċaw jgħixu f’sitwazzjoni perikoluża, min jittallab għall-ikel, min għall-mediċina, min jibki, u min qed jistenna ħerqan jum wara jum sabiex jingħata l-ażil. 

Minkejja li dawn il-persuni, speċjalment is-Sirjani, jikkwalifikaw għall-ażil minħabba l-problemi fil-pajjiżi tagħhom, is-sistema burokratika tal-Ewropa, flimkien mar-riżorsi limitati fuq dawn il-gżejjer Griegi, qed twassal għal sitwazzjoni xejn feliċi għal dawn l-immigranti. Imma x’tista tagħmel il-Greċja? Kif pajjiż li qed jesperjenza l-ikbar kriżi finanzjarja fl-istorja tiegħu mistenni jkopri mal-eluf tal-immigranti li qed jaslu ta’ kull ġimgħa?

Minkejja l-limitazzjonijiet finanzjarji tal-Greċja, ir-riżorsi limitati fuq il-gżejjer Griegi qed iwasslu għal kriżi oħra, din id-darba ta’ influss ta’ immigranti. L-ammont ta’ persuni huwa bla preċedent, l-infrastruttura ma tistax tkopri u l-gżejjer ċkejknin tul il-kosta Griega huma ffullati wisq u mingħajr flus. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Griegi qed jitrasferixxu bosta persuni minn dawn il-gżejjer għall-peninsula Griega. Minn hemmhekk, il-maġġoranza ta’ dawn il-persuni jitilqu sabiex imorru fil-parti ewlenija tal-Ewropa, bil-Ġermanja u l-Iżvezja jkunu l-iktar pajjiżi popolari. 

Mill-Greċja, l-eluf ta’ immigranti jippruvaw jaqsmu l-fruntiera ta’ bejn il-Greċja u l-Maċedonja. Minn hawn, it-triq mhix feliċi iżda kuntrarjament, hija waħda ta’ miżerja.

Il-Maċedonja iċċedi għall-influss tal-immigranti

Fil-Maċedonja, id-disprament fuq l-uċuħ ta’ eluf ta’ immigranti huwa prova ċara tat-tbatija. Bl-istess mod, il-Maċedonja, pajjiż żgħir b’popolazzjoni ta’ żewġ miljuni, ma tistax tkopri mal-influss ta’ nies, bl-aħħar ċifri juru li f’dawn l-aħħar xahrejn, iktar minn 44,000 persuna daħlu fil-Maċedonja.

F’dawn l-aħħar jiem, il-pajjiż iddikjara stat ta’ emerġenza u fi ftit sigħat mijiet ta’ suldati u pulizija ġew mobilizzati biex jiġi kkontrollat l-influss tal-immigranti. Minn hemm, qam paniku kbir; l-ammont ta’ refuġjati kien wisq u f’ħin minnhom, f’kundizzjoni ta’ biżà, paniku u inkwiet, l-armata użat il-gass tad-dmugħ. Aktar minn hekk, matul il-lejl, kienu bosta tfal, nisa u anzjani li spiċċaw mwaħħla bejn il-fruntiera u mingħajr idea ta’ x’se jkun id-destin tagħhom. Fl-aħħar però, l-influss kien kbir wisq u l-Gvern kellu jċedi għan-numru kbir ta’ immigranti.

F’Kos, gżira b’popolazzjoni ta’ 30,000 persuna, madwar 7,000 applikaw għall-ażil f’dawn l-aħħar xhur

Mad-dħul tal-immigranti, il-Ministru tal-Intern tal-Maċedonja insista li minkejja l-limitazzjonijiet kollha tiegħu, il-pajjiż ma kellux għażla, għajr għal dik li jħalli lill-immigranti jidħlu. Il-pajjiż sostna wkoll li għalkemm mhuwiex membru fl-Unjoni Ewropea, l-Ewropa għandha tagħti iktar għajnuna finanzjarja u taħdem sabiex issolvi din il-kriżi.

Mal-wasla tagħhom, ir-refuġjati jittieħdu s-Serbja sabiex minn hemm jaqsmu l-frunitiera għall-Ungerija u imbagħad għall-Ġermanja u għat-Tramuntana tal-Ewropa. Aktar minn 100,000 immigrant daħal fl-Ungerija, hekk kif din hija parti miż-żona Schengen, b’uffiċjali Ungeriżi jgħidu li l-influss huwa rekord. Bħall-Maċedonja, l-Ungerija qed issostni li l-flus mogħtija lilhom mill-Unjoni Ewropea mhux biżżejjed u li l-fondi huma ‘umiljanti.’ B’reazzjoni għall-influss, l-Ungerija qed tibni ukoll ħajt kbir tul 175 kilometru sabiex tipproteġi l-fruntieri tagħha.

Tliet kwarti ta’ miljun immigrant għall-Ġermanja

Ftit kilometri ’l bogħod, il-Gvern Ġermaniż qed jistenna l-wasla ta’ madwar 750,000 immigrant, li hi 1% mill-popolazzjoni preżenti fil-pajjiż. Dan qed iqanqal ħafna mistoqsijiet dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa u fi Dresden, iktar minn elf persuna, fosthom Nazzisti, pprotestaw kontra l-bini ta’ ċentru ta’ immigrazzjoni ġdid. F’Jannar, propju f’Dresden ukoll, iktar minn 20,000 persuna ħadet sehem fi protesta kontra l-Iżlamizazzjoni tal-Ewropa. Minkejja li dawn il-protesti huma ftit u sporadiċi, il-Gvern Ġermaniż saħaq li fi żminijiet bħal dawn, il-pajjiż għandu jingħaqad flimkien sabiex jgħin lill-immigranti. 

Intant, f’Calais fil-Franza, mijiet ta’ immigranti qed jissugraw ħajjithom biex jaħarbu minn Franza lejn l-Ingilterra mill-mina li tgħaqqad iż-żewġ pajjiżi. Ta’ kuljum, bosta immigranti li ilhom għal dawn l-aħħar xhur ikkampjati viċin il-port, qed jissugraw ħajjithom billi jitilgħu fuq trakkijiet. F’ċertu każijiet, kien hemm bosta immigranti li nħbew taħt trakkijiet kbar bil-konsegwenza li spiċċaw mgħaffġa u mejta.

Numru ta’ immigranti li waslu Malta

2012..............................................1,890

2013.............................................2,008

2014...............................................569

Jannar – Awwissu 2015..................87

L-Immigrazzjoni f’numri

  • Fl-ewwel tmien xhur tas-sena,i l-Greċja waslu 160,172 immigrant
  • F’Lesvos, gżira b’popolazzjoni ta’ ftit iktar minn 87 elf waslu 33,000 immigrant f’Awwissu biss
  • Fil-Maċedonja waslu 44,000 f’xahrejn biss
  • Aktar minn 90,000 immigrant jasal fl-Italja
  • 50,000 immigrant jasal fil-gżejjer Griegi f’Lulju 
  • 750,000 refuġjat mistennija fil-Ġermanja 

More in Socjali