Dritt li titbissem...Żagħżugħ jagħżel li jgħin flok igawdi l-vaganzi tiegħu

Tgħix f’aktar hena meta m’hemmx ħaddieħor iħares lejk u jiġġudika x’int tagħmel għax sirna skjavi tal-ħajja moderna.

Meta tibda toqrob is-sħana u x-xemx tibda tagħmel tagħha, ikunu ħafna dawk in-nies li jibdew jippjanaw il-waqfa qasira mill-ħajja u r-rutina tax-xogħol. Min sejjer lejn xi gżira eżotika b’bajjiet bla tmiem, jew jara xi pajsaġġ bil-muntanji kollha ħdura. Però għal uħud, dawn ix-xhur jiġu sabiex jagħmlu l-preparamenti biex il-vjaġġ tagħhom iwassalhom f’art li fiha jistgħu jkunu ta’ għajnuna.

Jean Pierre Cassar, għamel dan il-vjaġġ, li wasslu fit-tribù tal-Maasai fil-Kenja, permezz tal-organizzazzjoni ‘Right to Smile’, fejn qatta’ tliet ġimgħat jgħix ma’ familja tal-lokal. Għalih, din ma kinetx l-ewwel esperjenza ta’ volontarjat minħabba li sentejn ilu kien mar fuq vjaġġ simili lejn il-Filippini. Minkejja li ma kinetx l-ewwel esperjenza, ammetta li din kienet ferm iktar diffiċli, għaliex għalkemm fil-Filippini kienu neqsin mill-kumditajiet, fil-Kenja, il-ħajja kienet bażika għall-aħħar.

Ħajja bla xinxilli

Li tgħix mal-familja tal-lokal, tgħinek tifhem il-ħajja kif jesperjenzawha huma stess, tagħmel l-affarijiet magħhom u tgħix fl-istess kundizzjonijiet li għalihom huma n-norma. Il-familja li Jean Pierre qatta’ dawn il-ġimgħat magħha kienet koppja ta’ 25 u 26 sena li kellhom erbat itfal, li minkejja d-daqs ta’ din il-familja, kienu joqogħdu f’dar ċkejkna magħmula mill-pjanċi, bla ebda kumditajiet u fiha laqgħu wkoll żewġ voluntiera. Id-dar hi tip ta’ razzett żgħir bl-annimali jduru magħhom, li hi mneżża’ minn kull kumdità li nqisu bħala normali, fejn lanqas biss għandhom dawl u ilma jew kamra tal-banju, u l-art mhi xejn ħlief ħamrija. Semma kemm hi diffiċli esperjenza bħal din meta tkun imdorri tgħix fil-kumdità li għandna aħna, għaliex trid tinsa lilek innifsek. Ikollok tibdel u tadatta għall-modi tagħhom, kemm fl-iġjene, dieti u xogħol. Il-ġurnata kienet tkun waħda bażika, fejn per eżempju kienu jridu jaħilbu l-mogħoż huma, meta jiġu biex jieħdu l-kafè filgħodu. Kienu jieħdu lit-tfal fl-iskola li kien hemm fil-lokal u jgħinu fit-tagħlim fl-istess skola billi jgħallmu l-Matematika u l-Ingliż, waqt li kienu jgħinu wkoll fit-tisjir, li kien isir fuq il-ħatab bi process twil, u anke fix-xogħol tar-raba’.

Taf li ma tistax tibdlilhom ħajjithom

Interessanti kif meta mistoqsi għalfejn daħal għal esperjenza ta’ din tip, qal kif għalkemm fil-ħajja tagħmel ħafna affarijiet biex tkun kuntent, ħaġa bħal din li biha tipprova tagħmel il-ħajja ta’ ħaddieħor iktar faċli, anke jekk b’mod temporanju, tista’ verament iġġib ċerta ferħ. Iż-żmien li jitqatta’ ma’ dawn il-familji huwa relattivament qasir u allura, “meta tmur biex tgħin, tkun konxju li ma tistax tibdlilhom ħajjithom, u taf li la titlaq, ħajjithom se tkompli kif dejjem kienet. Imma tkun taf li fiż-żmien li tkun għamilt magħhom, tkun għint biex ikollhom żmien sabiħ.”

Spjega kif meta tagħtihom xi pakkett ħelu jew soft drink, tkun qisek tajthom lussu kbir u minkejja li mdorrijin fl-iktar stat ta’ sempliċità, xorta waħda jaqsmu dak kollu li jkollhom ma’ xulxin. Fil-fatt, irrakonta kif meta ddeċidew li jsajru għall-familja, għamlu l-hot dogs, li lanqas biss kienu jafu x’inhuma, il-familja naqqset mill-ikel għaliha biex tagħti ċ-ċans lil nies oħra tal-villaġġ biex iduqu dan l-ikel ‘stramb’ minħabba li kienet xi ħaġa ġdida għalihom.

Jippruvaw itejbu ħajjithom

Għalkemm huma jgħixu fis-sempliċità, huma konxji mil-lussu u l-kumditajiet li jeżistu ’il bogħod minnhom minħabba li huma ta’ spiss esposti għan-nies bħal Jean Pierre li jmorru jqattgħu xi żmien magħhom. Fil-fatt, huma jistaqsu kif inhi l-ħajja ’l bogħod minn darhom u kienu kurjużi dwar affarijiet li għalina huma ovvji, bħal kif ikun ajruplan minn ġewwa u xi tħoss meta tkun qed ittir fl-ajruplan. Minbarra dan, il-familji rari joħorġu mill-villaġġ tagħom u meta jagħmlu dan, ikunu qed jimxu u għaldaqstant ma jmorrux wisq bogħod. Fil-fatt staqsew dwar diversi postijiet f’pajjiżhom stess li huma ma kienu qatt raw, u li l-istess voluntiera kienu żaru.

Jean Pierre irrakonta kif il-missier xtaq li l-flus li ngħatat il-familja talli akkomodawhom f’darhom kienu sejrin għat-titjib f’darhom u biex jagħmlu l-madum fid-dar u hekk ma jibqgħux bl-art bil-ħamrija.

Sens kbir ta’ sodisfazzjon

Għalkemm hija klixè, Jean Pierre fisser kemm huwa minnu meta jingħad li meta tmur għal esperjenza simili, tmur bil-għan li tagħti, imma iktar tispiċċa tirċievi għaliex in-nies hemmhekk, fis-sempliċità tagħhom jgħallmuk iktar dwar il-ħajja minn kemm tista’ titgħallem f’kwalunkwe skola. Ħafna jgħidu li dawn in-nies ma jkollhom xejn u xorta waħda jkunu kuntenti, però Jean Pierre spjega kif hu ħass li iktar minn hekk, huma jippruvaw jiffukaw fuq il-pożittiv li għandhom f’ħajjithom u jimxu b’mentalità li hemm soluzzjoni għal kull problema fid-dinja. Minħabba f’hekk, ma jaqtgħux qalbhom minkejja l-limiti li tagħtihom il-ħajja.

Jean Pierre temm jgħid li hemmhekk, wieħed jinsa l-problemi li jkollu u jinqata’ mid-dinja, għalkemm mhux faċli li taqta’ l-kuntatt kollu u titgħallem tgħix b’xejn. “Tgħix f’aktar hena meta m’hemmx ħaddieħor iħares lejk u jiġġudika x’int tagħmel għax sirna skjavi tal-ħajja moderna.”

More in Socjali