DIRETT | Jum 36 tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech: Melvin Theuma jidħol fir-raba’ jum konsekuttiv ta’ xhieda

Melvin Theuma mistenni jerġa’ jitla’ fuq il-pedana llum hekk kif ix-xhieda tiegħu tidħol fir-raba’ jum konsekuttiv, wara sigħat ta’ recordings sigrieti, allegazzjonijiet dwar informazzjoni li kienet tasallu minn ġewwa l-Pulizija u dettalji dwar il-flus li jgħid li baqgħu jingħataw lill-aħwa Degiorgio wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

🔴 DIRETT
09:16

L-għodwa t-tajba. Qegħdin lura l-Qorti għal ġurnata oħra fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ilbieraħ, il-ġurati komplew jisimgħu sensiela twila ta’ recordings sigrieti marbuta max-xhieda ta’ Melvin Theuma, li qal fost l-oħrajn li kien qed iħoss pressjoni finanzjarja dejjem tikber minħabba talbiet għall-flus mill-aħwa Degiorgio.

Matul is-seduta ħarġu wkoll allegazzjonijiet dwar informazzjoni fuq l-interċettazzjoni tal-mobile ta’ Theuma, riferimenti għal Keith Schembri u Silvio Valletta, kif ukoll tħassib ta’ Theuma li kien riesaq lejn l-arrest.

Is-seduta ntemmet wara diffikultajiet biex jinftiehmu xi recordings. Il-Qorti qalet li se jsir tentattiv biex titjieb il-kwalità ta’ parti mill-awdjo qabel ma jitkomplew il-proċeduri llum.

Se nkunu qed insegwu dak kollu li jiġri fl-awla, u nwasslulkom l-aħħar aġġornamenti

Jaelle Borg

Il-ġuri ta’ Yorgen Fenech jidħol illum fis-36 jum tiegħu, b’Melvin Theuma mistenni jkompli jixhed għar-raba’ jum konsekuttiv quddiem l-Imħallef Edwina Grima u l-ġurati.

Ix-xhieda tal-middleman ilha tiddomina l-proċeduri għal diversi seduti, hekk kif il-Prosekuzzjoni qed tgħaddi lill-ġurati recording wara l-ieħor ta’ konversazzjonijiet li Theuma kien għamel bil-moħbi ma’ Fenech fix-xhur ta’ qabel l-arrest tagħhom.

Ilbieraħ, parti sostanzjali tax-xhieda ffukat fuq il-flus li Theuma jgħid li baqa’ jgħaddi lill-aħwa Degiorgio, kif ukoll fuq il-pressjoni li sostna li beda jħoss hekk kif it-talbiet finanzjarji komplew jiżdiedu.

Theuma qal li kien jagħmel minn kollox biex iżomm lill-aħwa George u Alfred Degiorgio kwieti u jevita li jitkellmu, u semma fost oħrajn ħlas ta’ €60,000 li qal li ħareġ minn butu qabel ma ġie rrimborsat minn Fenech.

Skont Theuma, huwa kien l-uniku kuntatt dirett tal-aħwa Degiorgio fil-pjan tal-qtil u għalhekk kien iħossu taħt pressjoni biex iżomm ir-relazzjoni magħhom u l-ħlasijiet għaddejjin.

Theuma jgħid li kien avżat dwar interċettazzjoni tal-mobile

Fost l-aktar punti li spikkaw fis-seduta tal-bieraħ kien hemm ix-xhieda ta’ Theuma li Johann Cremona kien wissieh li l-mobile tiegħu kien qed jiġi interċettat u tah parir biex jibdlu.

Meta l-Prosekuzzjoni staqsietu minn fejn, skontu, kienet ġiet dik l-informazzjoni, Theuma semma lil Keith Schembri.

Theuma qal ukoll li f’recording ieħor kien talab lil Fenech jistaqsi lil Schembri dwar investigazzjoni li kienet għaddejja fuqu. Skont ix-xhud, Fenech kien wieġbu li l-investigazzjoni kienet “mejta”, iżda Theuma qal li xorta kien iħoss li l-arrest tiegħu kien qrib.

Silvio Valletta u laqgħat ma’ Fenech

L-isem tal-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta reġa’ deher fir-recordings.

Theuma qal li wieħed mill-awdjo kien jirreferi għal żmien meta Valletta kien imur jiltaqa’ ma’ Fenech f’Portomaso u li, skontu, kienu jiltaqgħu biex jixorbu whisky u jitkellmu.

Dawn ir-referenzi ġew fl-isfond ta’ allegazzjonijiet preċedenti ta’ Theuma li Fenech kien jirċievi informazzjoni dwar l-investigazzjoni.

Il-laptop ta’ Daphne u l-biża’ li jitkellmu d-Degiorgios

Theuma kompla jitkellem ukoll dwar il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia, u qal li Fenech kien jemmen li dan seta’ jwassal lill-investigaturi lejn diversi persuni u joħloq aktar konfużjoni dwar min seta’ kellu motiv.

Madankollu, Theuma qal li hu personalment kien aktar imħasseb li l-aħwa Degiorgio jitkellmu milli minn dak li seta’ joħroġ mil-laptop.

F’recordings oħra, Fenech instema’ jwissi lil Theuma biex joqgħod attent bil-mobile u, f’okkażjoni minnhom, jitkellem dwar il-ħtieġa ta’ “ftit pressjoni” fuq Mario Degiorgio biex ma jitkellimx.

Problemi bil-kwalità tar-recordings

Lejn tmiem is-seduta tal-bieraħ, il-kwalità ta’ xi recordings wasslet għal argumenti bejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża.

Xi awdjo tant kien diffiċli biex jinftiehem li Theuma stess qal li ma setax jiddistingwi x’kien qed jingħad. Peress li għal ċerti recordings ma kien hemm l-ebda transcript uffiċjali, l-Imħallef wissiet lill-Prosekuzzjoni biex ma tissuġġerixxix lix-xhud x’seta’ nstema’.

Il-Qorti qablet ukoll li jsir tentattiv biex titjieb il-kwalità ta’ ċerti recordings qabel is-seduta tal-lum, filwaqt li l-Imħallef irrimarkat li kien hemm biżżejjed żmien biex jitħejjew transcripts.

Illum, għalhekk, il-ġurati mistennija jerġgħu jisimgħu lil Melvin Theuma hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli timxi tul il-kollezzjoni estensiva ta’ recordings u titlob lix-xhud jagħti l-kuntest għal dak li jinstema’ fihom.

 

More in Qrati u Pulizija