Identifikat bħala Redeemer Grima l-bugħaddas li miet qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl

Ir-raġel, residenti r-Rabat, ittella’ l-art mill-Forzi Armati ta’ Malta u ngħata l-ewwel għajnuna, iżda ġie ċċertifikat mejjet ftit wara

Redeemer Grima, bugħaddas ta’ 41 sena residenti r-Rabat, tilef ħajtu waqt li kien qed iwettaq xogħol fil-baħar qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl.

Il-Pulizija ġiet infurmata bl-inċident għall-ħabta ta’ nofsinhar tat-Tnejn.

Grima ttella’ l-art mill-Forzi Armati ta’ Malta fil-moll ta’ Buġibba, fejn kien hemm tim mediku jistennih biex jagħtih l-assistenza meħtieġa.

Minkejja l-isforzi tat-tim mediku, Grima ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Il-Maġistrat Monica Borg Galea ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta sabiex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi u l-kawża tal-mewt.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija, flimkien mal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija