🔴 DIRETT
Il-ġuri ta' Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, b'aktar xhieda mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenzam quddiem il-ġurati.
Ilbieraħ, il-Qorti semgħet sensiela ta' xhieda minn uffiċjali tal-forensika, esperti tad-DNA u speċjalisti tal-Europol, li ffukaw fuq tfittxijiet, analiżijiet forensiċi u apparat elettroniku elevat matul l-investigazzjoni.
L-aktar xhieda li ġibdet l-attenzjoni kienet dik taż-żewġ Scene of Crime Officers, Michelle Camilleri u Mario Azzopardi, li taw dettalji dwar it-tfittxija li saret fir-residenza tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Novembru tal-2019.
Fil-kontro-eżami, Azzopardi kkonferma li l-uffiċjali elevaw biss l-apparat elettroniku li kien indikalhom Keith Schembri, filwaqt li qal ukoll li kienet l-ewwel darba f'19-il sena ta' servizz li ra lill-avukati ta' suspettat preżenti waqt tfittxija f'residenza.
Il-Qorti semgħet ukoll li diversi mobile phones ma ġewx elevati, wara li Schembri ma identifikahomx bħala tiegħu.
Aktar tard fis-seduta, membru tal-ġurija pprova jistaqsi lix-xhud kif ħassu dwar dawn l-istruzzjonijiet, iżda l-Imħallef Edwina Grima waqqfet il-mistoqsija qabel tingħata tweġiba.
Ilbieraħ instemgħu wkoll żewġ esperti tal-Europol, li spjegaw kif wettqu estrazzjonijiet forensiċi minn apparat elettroniku elevat minn Portomaso, mit-Tumas Group u mid-dgħajsa "Gio", bil-kontenut jinħażen fuq hard drives li aktar tard ġew ippreżentati bħala evidenza.
Intant, l-esperta tad-DNA Dr Marisa Cassar ikkonfermat li l-analiżi ġenetika stabbiliet formalment l-identità tal-vittma bħala Daphne Caruana Galizia. Hija xehdet ukoll dwar ittra anonima analizzata mill-forensika, fejn mill-bolla ġie estratt profil tad-DNA li x'aktarx kien ta' raġel.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar riżultati ta' analiżijiet tad-DNA fuq kampjuni miġbura matul l-investigazzjoni, fosthom fdalijiet ta' sigaretti mill-punt ta' osservazzjoni f'Bidnija, li kienu jinkludu profili attribwiti lil Daphne Caruana Galizia kif ukoll lil Alfred u George Degiorgio.
Is-seduta tal-lum mistennija tkompli b'aktar xhieda hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-każ tagħha quddiem il-ġurati fil-ġuri li qed jattira interess nazzjonali.Nnv nnmm
Il-Qorti tisma' x-xhieda tal-esperta tal-forensika diġitali tal-Europol, Margherita Luca.
Luca tispjega li kienet inkarigata bl-estrazzjoni forensika tad-data minn apparat elettroniku elevat bħala parti mill-investigazzjoni dwar ħasil ta' flus li kienet tinvolvi lill-middleman Melvin Theuma.
Hija tgħid li wettqet l-estrazzjoni tad-data minn apparat li kien jappartjeni lil Melvin Theuma kif ukoll lil membri tal-familja tiegħu.
Matul ix-xhieda, il-Prosekuzzjoni turiha r-rapporti li ħejjiet, u Luca tikkonferma li dawn ġew ippreparati minnha.
L-espert tal-IT Martin Bajada jagħti l-konklużjoni tiegħu dwar is-screenshot ippreżentat minn Johann Cremona.
Bajada jgħid li l-komunikazzjonijiet li jidhru fis-screenshot ma nstabux fil-call profiles ta' Keith Schembri jew ta' Johann Cremona.
"Ma nistax ngħid jekk qatt kinux jeżistu. Kull ma nista' ngħid hu li jien ma sibthomx," jixhed Bajada quddiem il-Qorti.
Ix-xhud iżomm li l-analiżi tiegħu ma kkonfermatx il-preżenza ta' dawk is-sejħiet jew komunikazzjonijiet fid-data li eżamina.
L-espert tal-IT Martin Bajada jixhed dwar screenshot li Johann Cremona kien ippreżenta waqt ix-xhieda tiegħu fil-Qorti, u li allegatament kien juri komunikazzjoni bejn Keith Schembri u l-avukati ta' Yorgen Fenech qabel ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni.
Ix-xhud jispjega li s-screenshot kien juri messaġġi fuq WhatsApp kif ukoll indikazzjonijiet ta' telefonati bejn il-partijiet.
Madankollu, Bajada jgħid li ma setax jikkorrobora dak li deher fis-screenshot mal-profili tat-telefon li analizza ta' Keith Schembri u Johann Cremona.
Huwa jżid li, jekk il-konverżazzjoni kienet tħassret, huwa possibbli li din ma tkunx tista' tiġi rkuprata.
Aktar tard, il-Prosekutur Godwin Cini jistaqsi lix-xhud jekk kienx sab komunikazzjoni bejn Keith Schembri u l-avukat Charles Mercieca.
Bajada jwieġeb li ma kienx ingħata istruzzjonijiet biex jagħmel dik il-verifika.
F'dak il-mument, l-avukat Charles Mercieca jirreaġixxi b'mod irrabjat fl-awla, b'Cini jikkummenta li r-reazzjoni tiegħu kienet ċara wkoll meta Johann Cremona kien ippreżenta s-screenshot waqt ix-xhieda tiegħu.
Wara li ġew deċiżi l-kwistjonijiet proċedurali, il-Prosekuzzjoni ssejjaħ fuq il-pedana tax-xhieda lill-espert tal-IT Martin Bajada.
Bajada huwa l-ewwel xhud li jixhed matul is-seduta tal-lum, hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenza quddiem il-ġurati.
L-Imħallef Edwina Grima tilqa' t-talba tad-difiża u tiddeċiedi li l-ebda xhud ma jista' jagħmel referenza għat-talba għall-maħfra presidenzjali li kien ressaq Yorgen Fenech.
Hija tagħti wkoll istruzzjonijiet lill-Prosekuzzjoni biex tevita kwalunkwe mistoqsija li tista' twassal għal referenza dwar din it-talba waqt ix-xhieda.
B'hekk, il-ġurija mhux se tisma' evidenza relatata mat-talba għall-maħfra matul dawn il-proċeduri.
Qabel jidħlu fl-awla Keith Schembri u l-ġurati, il-Qorti tibda tindirizza diversi kwistjonijiet legali.
Id-difiża ta' Yorgen Fenech titlob lill-Qorti biex tagħti struzzjonijiet lil Keith Schembri sabiex ma jagħmel l-ebda referenza għat-talba għall-maħfra presidenzjali li Fenech kien ressaq wara l-arrest tiegħu.
L-avukati tad-difiża jmorru pass lil hinn u jgħidu li, jekk il-Qorti tipprojbixxi kull referenza għal din it-talba iżda Schembri xorta jsemmiha waqt ix-xhieda tiegħu, huma se jitolbu li l-ġurija tiġi xolta.
Il-Prosekuzzjoni topponi din it-talba, filwaqt li ssostni li t-talba għall-maħfra kienet fatt li seħħ u ma tara l-ebda raġuni għaliex ix-xhud ma għandux ikun jista' jirreferi għaliha waqt ix-xhieda tiegħu
Minhu Keith Schembri?
Keith Schembri serva bħala Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat bejn l-2013 u l-2019.
Ismu ilu jissemma matul is-snin f'diversi investigazzjonijiet u kontroversji, fosthom il-Panama Papers, fejn kien żvelat li kellu kumpanija sigrieta fil-Panama, Tilgate Inc.
Fil-kuntest tal-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri mhuwiex akkużat. Madankollu, ismu ġie ripetutament imsemmi minn diversi xhieda matul l-investigazzjonijiet u fil-proċeduri tal-Qorti.
L-allegat middleman Melvin Theuma kien xehed li Yorgen Fenech kien qallu li Schembri kien qed iżommu aġġornat dwar l-investigazzjoni. Min-naħa tiegħu, Yorgen Fenech kien allega li Schembri għaddielu informazzjoni sensittiva dwar il-progress tal-investigazzjoni u saħansitra wissieh li seta' jiġi arrestat. Schembri dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.
Fix-xhieda li nstemgħet matul il-ġuri fl-aħħar jiem, diversi xhieda rreferew ukoll għal Schembri. Kenneth Camilleri qal li wara laqgħa ma' Melvin Theuma pprova jikkuntattjah kemm-il darba u sostna li meta eventwalment iltaqa' mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, dan qallu: "L-aħjar ma nkunx naf."
Matul il-ġuri, il-Qorti rat ukoll filmati u ritratti tat-tfittxija li kienet saret fl-uffiċċju ta' Schembri f'Kastilja u fir-residenza tiegħu fil-Mellieħa. Uffiċjali tal-forensika xehdu li waqt it-tfittxija elevaw biss l-apparat elettroniku li kien indikalhom Keith Schembri, filwaqt li ġie ppreżentat ukoll dokument li kien fih referenzi għal "DCG" u "arrests", kif ukoll fajl blu b'artikli stampati mill-blog ta' Daphne Caruana Galizia.
Illum, Schembri mistenni jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati, f'waħda mis-seduti l-aktar mistennija minn mindu beda dan il-ġuri.
L-għodwa t-tajba u merħba għal jum 24 tal-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Is-seduta tal-lum mistennija tkun waħda mill-aktar segwiti s'issa, hekk kif l-eks Chief of Staff Keith Schembri huwa mistenni jitla' fuq il-pedana tax-xhieda quddiem il-ġurati aktar tard illum.
Segwu magħna għal kull żvilupp hekk kif il-proċeduri jibdew quddiem l-Imħallef Edwina Grima.