Awtopsja tikkonferma li missier u iben mietu wara li ntlaqtu mill-iskrun ta' dgħajsa

Gregory O'Brien u ibnu Logan ta' ħames snin sofrew ġrieħi fatali f'rashom, għonqhom u sidrithom, bil-feriti jissuġġerixxu li mietu fuq il-post

L-awtopsja fuq Gregory O'Brien u ibnu ta' ħames snin, Logan, ikkonfermat li t-tnejn mietu wara li ntlaqtu mill-iskrun ta' dgħajsa.

Missier u ibnu mietu għall-ħabta tas-1:00am tal-Ħadd fil-Ġnejna waqt li kienu fuq dinghy. Ftit mumenti qabel l-inċident, kienu telqu minn dgħajsa ankrata fil-Bajja ta' Ġnejna u ħarġu dawra bid-dinghy.

Sorsi kkonfermaw li l-awtopsja wriet li t-tnejn intlaqtu mill-iskrun ta' dgħajsa u sofrew ġrieħi f'rashom, f'għonqhom u f'sidirhom.

In-natura tal-ġrieħi tissuġġerixxi li missier u ibnu mietu istantanjament.

Wara r-rapport tal-inċident, il-Protezzjoni Ċivili, flimkien mar-Rescue Coordination Centre Malta (RCC) u l-Forzi Armati ta' Malta, bdew tfittxija għall-vittmi.

Il-katavri ta' Gregory u Logan instabu ftit tal-ħin wara, flimkien mad-dinghy li kienu fuqu.

L-inkjesta maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija