🔴 DIRETT
Il-ġuri ta' Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, b'aktar xhieda mistennija jagħtu x-xhieda tagħhom hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tippreżenta l-evidenzam quddiem il-ġurati.
Ilbieraħ, il-Qorti semgħet sensiela ta' xhieda minn uffiċjali tal-forensika, esperti tad-DNA u speċjalisti tal-Europol, li ffukaw fuq tfittxijiet, analiżijiet forensiċi u apparat elettroniku elevat matul l-investigazzjoni.
L-aktar xhieda li ġibdet l-attenzjoni kienet dik taż-żewġ Scene of Crime Officers, Michelle Camilleri u Mario Azzopardi, li taw dettalji dwar it-tfittxija li saret fir-residenza tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Novembru tal-2019.
Fil-kontro-eżami, Azzopardi kkonferma li l-uffiċjali elevaw biss l-apparat elettroniku li kien indikalhom Keith Schembri, filwaqt li qal ukoll li kienet l-ewwel darba f'19-il sena ta' servizz li ra lill-avukati ta' suspettat preżenti waqt tfittxija f'residenza.
Il-Qorti semgħet ukoll li diversi mobile phones ma ġewx elevati, wara li Schembri ma identifikahomx bħala tiegħu.
Aktar tard fis-seduta, membru tal-ġurija pprova jistaqsi lix-xhud kif ħassu dwar dawn l-istruzzjonijiet, iżda l-Imħallef Edwina Grima waqqfet il-mistoqsija qabel tingħata tweġiba.
Ilbieraħ instemgħu wkoll żewġ esperti tal-Europol, li spjegaw kif wettqu estrazzjonijiet forensiċi minn apparat elettroniku elevat minn Portomaso, mit-Tumas Group u mid-dgħajsa "Gio", bil-kontenut jinħażen fuq hard drives li aktar tard ġew ippreżentati bħala evidenza.
Intant, l-esperta tad-DNA Dr Marisa Cassar ikkonfermat li l-analiżi ġenetika stabbiliet formalment l-identità tal-vittma bħala Daphne Caruana Galizia. Hija xehdet ukoll dwar ittra anonima analizzata mill-forensika, fejn mill-bolla ġie estratt profil tad-DNA li x'aktarx kien ta' raġel.
Il-Qorti semgħet ukoll dwar riżultati ta' analiżijiet tad-DNA fuq kampjuni miġbura matul l-investigazzjoni, fosthom fdalijiet ta' sigaretti mill-punt ta' osservazzjoni f'Bidnija, li kienu jinkludu profili attribwiti lil Daphne Caruana Galizia kif ukoll lil Alfred u George Degiorgio.
Is-seduta tal-lum mistennija tkompli b'aktar xhieda hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-każ tagħha quddiem il-ġurati fil-ġuri li qed jattira interess nazzjonali.Nnv nnmm
Dan il-live blog għadu ma bediex.
Erġgħu lura dalwaqt għal aġġornamenti diretti.