DIRETT | Johann Cremona jallega laqgħa bejn avukati tad-difiża u Keith Schembri

Il-kontro-eżami ta' Johann Cremona ħa żvolta drammatika meta allega li żewġ avukati tad-difiża ltaqgħu ma' Keith Schembri lejlet ix-xhieda tiegħu fil-kumpilazzjoni. 

🔴 DIRETT
12:01

Fuq il-pedana tax-xhieda jitla' Mario Cordina, li jispjega li huwa inġinier u li, fl-2019, kien jaħdem ma' Vodafone Malta(illum Epic).

Il-prosekuzzjoni turi diversi dokumenti u titlob lix-xhud jispjega l-informazzjoni teknika li fihom. Cordina jispjega kif jaħdem il-mobile network u kif, permezz ta' signal information, jista' jsir tentattiv biex jiġi lokalizzat mobile li jkun qed juża SIM card partikolari.

Ix-xhud jgħid li fl-2019 il-kumpanija tirċievi talba mill-Pulizija għal din l-informazzjoni. Huwa jispjega li t-talba ssir mis-Supretendent Keith Arnaud fit-23 ta' Diċembru 2019, filwaqt li r-rapport jitħejja fis-27 ta' Diċembru tal-istess sena.

Cordina jiċċara li t-talba ma tasalx direttament għandu, iżda lit-tim legali tal-kumpanija, li mbagħad jgħaddiha lit-tim tekniku.

Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk Keith Arnaud qattx ikkuntattjah personalment, Cordina jwieġeb:

"Mhux li niftakar."

Ix-xhud iżid li, meta jkun qed jaħdem fuq it-talba, ma jkollux informazzjoni dwar min ikun is-sid tas-SIM card, u għalhekk inizjalment ma jkunx jaf lil min tappartjeni.

 

Jaelle Borg
11:41

Il-Qorti bdiet tisma' x-xhieda ta' Silvio Chetcuti, rappreżentant tal-Bank of Valletta, fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar ħasil ta' flus marbuta ma' Melvin Theuma.

Fix-xhieda tiegħu, ġie kkonfermat li l-applikazzjoni ta' Theuma għal self ta' €100,000 kienet ġiet miċħuda mill-Bank of Valletta.

Il-proċeduri issa qed jiffukaw fuq l-evidenza finanzjarja marbuta mal-investigazzjoni dwar l-affarijiet finanzjarji ta' Theuma.

Jaelle Borg
11:34

Il-proċeduri reġgħu bdew wara l-pawża, u Silvio Chetcuti, rappreżentant tal-Bank of Valletta, mistenni jkun ix-xhud li jmiss.

Madankollu, qabel beda x-xhieda tiegħu, l-avukati kollha ngħataw kopja tas-screenshot li Johann Cremona kien ħareġ minn butu qabel il-pawża.

Huwa proprju dan id-dokument li wassal għal mumenti ta' tensjoni fl-awla aktar kmieni dalgħodu u li dwaru l-Imħallef Edwina Grima ordnat li ssir investigazzjoni biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tiegħu.

Jaelle Borg
10:55

Pawża sal-11

Jaelle Borg
10:39

L-Imħallef Edwina Grima ordnat li ssir investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk is-screenshot hijiex awtentika.

L-ordni ngħatat immedjatament wara li x-xhud ippreżenta d-dokument waqt il-kontro-eżami u għamel diversi allegazzjonijiet fil-konfront tal-avukat Charles Mercieca.

Jaelle Borg
10:37

Wara l-inċident li fih ħareġ screenshot mill-but tiegħu, Johann Cremona kompla jagħmel allegazzjonijiet fl-awla.

Ix-xhud sostna li:

"Jekk tridu tkunu tafu xi ħaġa oħra, Dr Charles Mercieca u Gianluca marru jiltaqgħu ma' Keith Schembri lejlet ix-xhieda tiegħu fl-Ambaxxata Torka. Jaf għax qallu Keith Schembri."

Cremona mbagħad dar lejn l-avukat Charles Mercieca u qallu:

"Jekk taħseb li inti bravu ħafna, m'intix, Dr Charles."

B'leħen emozzjonat, ix-xhud kompla jinsisti li l-każ "kissirlu" u "fottielu ħajtu."

F'dan il-punt, l-avukat Giannella DeMarco rreaġixxiet b'kumment ironiku u qaltlu:

"Qed issir qisek Melvin."

Jaelle Borg
10:32

F'mument ta' tensjoni fl-awla, Johann Cremona deher jiffrustra ruħu wara li lemaħ lill-avukat Charles Mercieca jidħaq.

F'daqqa waħda, Cremona waqqaf ix-xhieda tiegħu u qal:

"Trid nidħqu, Dr Mercieca? Ara kemm se nidħqu."

Ix-xhud imbagħad ħareġ karta minn butu, li qal kienet ilha hemm mill-ewwel jum tax-xhieda tiegħu u qal:

"Araw... din screenshot ta' konverżazzjoni bejn Charles Mercieca u Keith Schembri, fejn Charles bagħatlu selfie jawguralu, waqt li qed jirrappreżenta lil Yorgen Fenech."

B'leħen emozzjonat, Cremona kompla jgħid:

"Qazzistuni issa. Ilni nissaporti. Kissirtuni."

Ix-xhud żied li kien ilu jżomm dik il-karta fil-but mill-ewwel ġurnata tal-ġuri, u li kien ilu jżomm lura milli joħroġha, iżda qal li issa kien għejja.

Jaelle Borg
10:22

Il-kontro-eżami kompla fuq il-messaġġi skambjati bejn Johann Cremona u Keith Schembri, li fihom it-tnejn kienu qed jitkellmu dwar jekk għandhomx jixhdu.

L-avukat tad-difiża Giannella DeMarco sostniet li, minn dawk il-messaġġi, Cremona u Schembri dehru qishom qed jaġixxu bħala tim, hekk kif kienu qed jiddiskutu li ma jitilgħux jixhdu għax kienu jemmnu li l-investigatur Keith Arnaud kien qed jimmirahom.

Meta DeMarco staqsietu jekk kienx iddiskuta x-xhieda tiegħu ma' Keith Schembri, Cremona ċaħad dan u wieġeb:

"Le. Jien għedtlu biss li meta staqsewni l-ewwel darba għedt li ma kont naf xejn. Imbagħad bdew joħorġu recording wara l-oħra. Qatt ma ddiskutejt ix-xhieda tiegħi miegħu. Staqsejtu biss jekk kienx se jitla' jixhed."

F'dan il-punt intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima, li staqsiet lil Cremona għaliex kien qed jitkellem ma' Keith Schembri dwar il-każ.

Cremona wieġeb:

"Għax ma kelli lil ħadd aktar ma' min nitkellem."

L-Imħallef kompliet tistaqsih jekk kienx jemmen li Keith Schembri kien involut fil-każ.

Għal dan, Cremona wieġeb:

"Keith Schembri kien involut f'kollox."

Jaelle Borg
10:07

Il-Qorti kompliet tisma' recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, li fih Theuma jinstema' jagħmel riferiment għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fl-awdjo, Theuma jinstema' jgħid li kien se "jġiegħel lil Joseph Muscat jagħmel taħtu" fil-Parlament, billi jġiegħel lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, Simon Busuttil, jagħmillu pressjoni waqt seduta parlamentari biex tingħata proklama presidenzjali lil xi ħadd u, fi kliemu, "jissolva l-każ."

 

Jaelle Borg
10:02

Il-kontro-eżami kompla jiffoka fuq il-laqgħat bejn Kenneth Camilleri u Melvin Theuma.

Johann Cremona xehed li darba wassal lil Theuma sa daru fiż-Żurrieq, fejn Kenneth Camilleri baqa' jitkellem miegħu filwaqt li hu ma ndahalx fid-diskors.

Aktar tard, it-tnejn reġgħu ltaqgħu fl-uffiċċju ta' Cremona, fejn Theuma u Camilleri tkellmu għal ftit tal-ħin ħdejn magna tal-kafè, barra minn fejn seta' jismagħhom.

"Wara ndunajt li dik kienet aħbar ħażina," qal Cremona.

Ix-xhud irrakkonta li l-għada Theuma reġa' talab biex jiltaqa' ma' Kenneth Camilleri, u għalhekk ċemplilu biex jorganizzalhom laqgħa fi Pjazza Repubblika, il-Belt Valletta.

Cremona qal li lanqas f'dik il-laqgħa ma sema' x'kien qed jingħad bejniethom.

Madankollu, waqt li kien qed iħallas il-kafè, sema' lil Melvin Theuma jgħajjat irrabjat, fejn allegatament qal li kellhom:

"Jagħtuhom borża flus kull wieħed u jaħarbu."

Skont Cremona, Theuma kien qed jinsisti li kellhom jirranġaw il-bail tal-aħwa Degiorgio u jagħtu lil kull wieħed minnhom "borża flus" biex jaħarbu.

Ix-xhud qal li kien biss wara l-ewwel, it-tieni u t-tielet laqgħa li beda jinduna li kien hemm xi ħaġa għaddejja, għalkemm sostna li dak iż-żmien ma kienx jifhem eżatt min kien involut.

Min-naħa tagħha, id-difiża sostniet li f'dak il-perjodu Melvin Theuma stess kien għadu mhux ċert jekk Yorgen Fenech kienx tassew involut, jew jekk l-aħwa Degiorgio kinux sempliċement qed jużaw ismu biex jieħdu aktar flus.

Jaelle Borg
09:39

Id-difiża tinsisti li x-xhud kien qed jipprova jdawwar lil Melvin Theuma kontra Yorgen Fenech.

Cremona ċaħad dan u qal li Theuma kien imur għandu rrabjat u jċanfar kull darba li ma kienx jirnexxielu jagħmel kuntatt ma' Yorgen Fenech.

"Qed tippruvaw ipinġuni bħala wieħed li kien kontra Yorgen. Ma kontx," qal Cremona lid-difiża.

L-avukat Giannella DeMarco mbagħad qrat silta minn wieħed mir-recordings sigrieti ta' Theuma, fejn Cremona jinstema' jgħid:

"Kif Keith bagħat lil Kenneth (Camilleri) biex jikkalmak u jużani, illum se tużani int ukoll."

Id-difiża rrimarkat li f'dik il-konverżazzjoni Melvin Theuma qatt ma jsemmi lil Keith Schembri.

Bi tweġiba, Cremona qal li mill-ewwel jum Theuma kien dejjem jinsisti miegħu li Kenneth Camilleri kien intbagħat minn Keith Schembri, u għalhekk hu ma setax jgħidlu mod ieħor.

Madankollu, żied jgħid li fil-verità Kenneth Camilleri kien ġie minn Kastilja, qabel temm jgħid:

"Mhux se nigdeb jew noħroġ għonqi biex nipproteġi lil ħadd."

 

Jaelle Borg
09:36

Il-kontro-eżami ta' Johann Cremona kompla jiffoka fuq il-kuntatti tiegħu ma' Yorgen Fenech u Keith Schembri.

Ix-xhud qal li kien hemm mument meta erba' persuni differenti kienu qed jippruvaw jikkuntattjaw lil Yorgen Fenech mingħajr suċċess, tant li Keith Schembri spiċċa ċemplu lilu għax ħadd ma kien qed jirnexxielu jaqbad lil Fenech.

Cremona żied ukoll li, f'okkażjoni oħra, l-eks kap tal-Unità Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Korp tal-Pulizija, Ray Aquilina, kien staqsieh għan-numru tat-telefon ta' Yorgen Fenech.

B'referenza għall-kontro-eżami tal-bieraħ, Cremona qal lill-avukat tad-difiża:

"Ilbieraħ għedtli li għandi qalb tad-deheb. X'ridt nagħmel? Ikolli qalb tal-ħadid?"

 

Jaelle Borg
09:34

Il-kontro-eżami ta' Johann Cremona kompla bl-avukat tad-difiża Giannella DeMarco terġa' tiffoka fuq il-kuntatti tiegħu mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.

DeMarco rrimarkat li Schembri kien ikkuntattjah f'Settembru tal-2019, u staqsietu jekk kienx ċempillu.

Cremona wieġeb li:

"Keith Schembri ċempilli biss għax ma rnexxilux isib lil Yorgen."

Id-difiża mbagħad għaddiet għan-numru tat-telefon ta' Schembri.

Meta ġie mistoqsi jekk kellux in-numru tiegħu, Cremona wieġeb li le, u spjega li kien Schembri li ċemplu.

DeMarco mbagħad staqsietu jekk żammx in-numru wara dik it-telefonata, b'Cremona jwieġeb:

"Iva."

Jaelle Borg
09:24

Il-ġurnata t-tajba u merħba għal ġurnata oħra ta' aġġornamenti live mill-Awla 22, fejn illum ikompli l-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Il-membri tal-ġurija daħlu lura fl-awla u, wieħed wieħed, sellmu lill-Imħallef Edwina Grima qabel ħadu posthom.

Issa qed jerġa' jibda l-kontro-eżami ta' Johann Cremona, li mistenni jkompli jwieġeb għall-mistoqsijiet tad-difiża wara diversi ġranet ta' xhieda u recordings li nstemgħu fil-Qorti.

Segwu magħna għall-aħħar żviluppi hekk kif iseħħu.

Jaelle Borg

Il-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jidħol fir-raba’ ġimgħa tiegħu wara li nhar il-Ħamis kompliet ix-xhieda ta’ Johann Cremona, li għal ġurnata oħra ġie kkonfrontat b’għadd ta’ recordings sigrieti bejn hu u Melvin Theuma. Fost l-aktar siltiet li spikkaw kien hemm waħda fejn Theuma jinstema’ jgħid li Yorgen Fenech "missu ma qatilhiex" b’Cremona jispjega li fehem li r-referenza kienet għall-Daphne Caruana Galizia Cremona qal ukoll li kienet l-ewwel darba li kien sema’ lil Theuma jgħid li kien proprju Fenech li "qabbad lilhom”, b’referenza għall-aħwa Degorgio. 

Il-ġurati semgħu wkoll recordings oħra fejn Theuma qal li kien jippreferi jinqatel hu stess biex "jeħles hu u teħles il-familja", filwaqt li sostna li kien "għarralhom biċċa waħda" għax irrekordjahom "b’Keith Schembri b’kollox". F’recording ieħor, Theuma jinstema’ jgħid li kien se jmur Kastilja jitlob €100,000. Cremona kkonferma li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, dan kien qed ifittex flus mingħand Schembri wkoll. Il-prosekuzzjoni ppreżentat ukoll messaġġi bejn Cremona u Schembri, fejn ix-xhud qal li kien ikkuntattjah għax dak iż-żmien kien "naqra ppanikjat" u ħassu waħdu hekk kif "kulħadd kien il-ħabs".

Matul il-kontinwazzjoni tax-xhieda tiegħu, Cremona baqa’ jinsisti li qatt ma sema’ personalment ir-recordings bejn Theuma u Fenech u li ħafna minn dak li qal fir-recordings kien “bluff” jew sempliċement ripetizzjoni ta’ dak li kien jgħidlu Theuma biex jipprova jikkalmah. Huwa ċaħad ukoll kategorikament li waqt allegata laqgħa fir-razzett ta’ Fenech f’Ħaż-Żebbuġ kien sar xi diskors dwar kif il-qtil kellu jitwaħħal fuq l-eks Ministru Chris Cardona, filwaqt li qal li dak id-diskors "qatt ma sar".

Aktar tard, waqt il-kontro-eżami mmexxi mill-Avukat Giannella DeMarco, id-difiża ffukat fuq allegati wegħdi tal-ħelsien mill-arrest, talbiet għal flus u lir-rwol ta’ Kenneth Camilleri, li Cremona tenna li kien daħħlu fl-istroja. Id-difiża sfidatu wkoll dwar diversi recordings u xhieda preċedenti, iżda Cremona baqa’ jinsisti li llum la jinteressah Keith Schembri u lanqas Yorgen Fenech, iżda "jinteressanih hu biss". F’mument emozzjonanti lejn tmiem is-seduta, huwa qal li "l-miżerja ta’ ħajti kien Melvin Theuma" u li f’ħajtu, ma kien “fadallu xejn ħlief il-familja".

Il-kontro-eżami tiegħu jkompli il-Ġimgħa filgħodu.

Yorgen Fenech, ta' 44 sena, qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi ta' kompliċità fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u ta' parteċipazzjoni f'assoċjazzjoni kriminali maħluqa biex twettaq l-assassinju.

Il-prosekuzzjoni qed issostni li huwa ffinanzja l-qtil u kkoordina l-pjan permezz tal-intermedjarju Melvin Theuma, allegazzjonijiet li Fenech qed jiċħad.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini, Anthony Vella u Danika Vella, flimkien mal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Fenech qed jidhru għalih l-avukati Charles Mercieca, Giannella DeMarco u Gianluca Caruana Curran, filwaqt li l-familja Caruana Galizia qed tkun rappreżentata mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi.

Il-ġuri qed jiġi ċċelebrat quddiem l-Imħallef Edwina Grima.

More in Qrati u Pulizija