Abner Aquilina jeħel sena ħabs talli attakka psikjatra, iżda jiġi lliberat minn attakk ieħor fuq pazjent

Fl-istess jum li Qorti sabet lil Abner Aquilina ħati li attakka psikjatra f’ Mount Carmel, l-istess Qorti lliberatu minn akkużi li allegatament attakka pazjent ieħor billi tah daqqa ta’ pinna f’għajnejh u kkontamina z-zokkor tiegħu bl-ippurgar. Il-Qorti ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li r-reat seħħ fid-data indikata fl-att ta’ akkuża

Abner Aquilina ġie kkundannat sena ħabs u mmultat €4,000 wara li nstab ħati li attakka psikjatra fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Mount Carmel, filwaqt li f’sentenza separata mogħtija fl-istess jum ġie lliberat li attakka pazjent ieħor u kkontamina z-zokkor tiegħu bil-ħmieġ. Dan wara li l-Qorti sabet difett serju fil-każ tal-prosekuzzjoni.

Aquilina qed jistenna wkoll li jgħaddi ġuri dwar l-allegat stupru u l-qtil tal-istudenta Pollakka Paulina Dembska f’Jannar tal-2022. Riċentament, huwa ġie ddikjarat fi stat tajjeb biex jgħaddi ġuri normali u mhuz ġurin, wara li ġie eżaminat mill-ġdid minn tliet psikjatri maħtura mill-Qorti. 

Instab ħati ta’ attakk għal għarrieda fuq psikjatra fit-Taqsima Forensika

L-ewwel każ seħħ fl-1 ta’ Settembru 2022, meta l-psikjatra Joseph Spiteri daħal fit-Taqsima Forensika biex jevalwa pazjent li kien qed jinżamm hemm.

Wara li temm l-evalwazzjoni, Spiteri kien ser jitilaq  meta Aquilina f’daqqa waħda ġera lejh  u attakkah. Il-Qorti semgħet kif Spiteri ntlaqat fuq in-naħa tax-xellug ta’ wiċċu, waqa’ lura fuq bank u sofra ġrieħi ħfief. Skont il-provi, Aquilina pprova jerġa’ jattakkah anke wara li l-uffiċjali intervjenew u żammew lil Aquilina. 

Il-prosekuzzjoni bbażat il-każ tagħha fuq ix-xhieda ta’ diversi persuni li kollha ddeskrivew kif Aquilina ġera lejn il-psikjatra qabel attakkah. Dawn ix-xhieda kienu sostnuti wkoll minn filmati tas-CCTV li wrew lil Spiteri jieqaf ikellem persuna oħra qabel ma Aquilina ġera lejh, qabeż fl-arja u tah daqqa. Wara jidhru uffiċjali jżommu lil Aquilina filwaqt li oħrajn jassistu lill-psikjatra ferut. Provi mediċi kkonfermaw li Spiteri sofra ġrieħi ħfief kawża tal-attakk.

Uffiċjali tal-pulizija xehdu li meta ppruvaw jinterrogaw lil Aquilina, huwa rrifjuta li jikkopera, insulentahom ripetutament u kixfilhom il-ġenitali tiegħu.

Id-difiża sostniet li ma kellux intenzjoni kriminali

Id-difiża aċċettat li l-attakk fiżiku kien seħħ, iżda sostniet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-intenzjoni meħtieġa. L-avukati argumentaw li l-imġiba irregolari ta’ Aquilina waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, inkluż il-fatt li kixef lilu nnifsu, kienet turi li ma kellux l-element mentali meħtieġ biex jinżamm kriminalment responsabbli. Il-prosekuzzjoni ċaħdet dan l-argument u sostniet li l-provi kienu juru li l-attakk kien deliberat u mmirat fuq uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ċaħdet is-sottomissjonijiet tad-difiża u qalet li xejn mill-provi ma qajjem dubju raġonevoli dwar l-intenzjoni ta’ Aquilina. Il-fatt li pprova jerġa’ jattakka lit-tabib wara li ġie miżmum kompla juri li l-attakk kien intenzjonat.Il-Maġistrat tat ukoll importanza kbira għaċ-ċertifikazzjoni psikjatrika li ddikjarat lil Aquilina tajjeb biex jiġi interrogat mill-pulizija ftit wara l-inċident, u qalet li dan idgħajjef l-argument tad-difiża li ma kienx kriminalment responsabbli.

Il-Qorti qalet li Spiteri kien bla dubju persuna fdata b’servizz pubbliku, peress li kien ġie maħtur uffiċjalment biex iwettaq evalwazzjoni psikjatrika indipendenti.L-attakk seħħ immedjatament wara li temm din il-funzjoni u waqt li kien qed jitlaq mill-faċilità, u għalhekk kien marbut direttament mal-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu.

Il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni kienet ippruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Aquilina attakka uffiċjal pubbliku waqt il-qadi ta’ dmirijietu, ikkaġunalu ġrieħi ħfief u wettaq ir-reat bħala reċediv. Wara li sabitu ħati fuq l-akkużi kollha, il-Qorti kkundannatu għal sena priġunerija u multa ta’ €4,000, li għandha titħallas fi żmien sentejn. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur Spiteri, li tibda tidħol fis-seħħ malli Aquilina jinħeles mill-ħabs.

Illiberat minn akkużi separati ta’ attakk fuq pazjent ieħor

Fl-istess jum, Aquilina ġie lliberat minn akkużi li allegatament attakka pazjent ieħor fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Mount Carmel wara li l-Qorti ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkuża.

Aquilina kien akkużat li fit-14 ta’ Jannar 2023 ikkaġuna ġrieħi ħfief lill-pazjent Charles Cutajar fit-Taqsima Forensika.

Il-Qorti sabet li għalkemm il-provi kienu jindikaw b’mod konsistenti li seħħ attakk li wassal għal ġrieħi ħfief, il-każ tal-prosekuzzjoni kien imxellef minn difett fundamentali. L-att ta’ akkuża allega li r-reat seħħ fl-14 ta’ Jannar 2023, filwaqt li l-provi kollha kienu juru li l-allegat attakk seħħ ġurnata wara. Il-Qorti qalet li din id-diskrepanza kienet fatali għall-każ tal-prosekuzzjoni.

Allegatament ikkontamina z-zokkor ta’ pazjent bl-ippurgar qabel attakkah b’pinna

Il-każ tal-prosekuzzjoni kien qed jistreħ fuq żewġ inċidenti bejn Aquilina u Charles Cutajar. Il-Qorti semgħet kif Aquilina allegatament ġabar l-ippurgar tiegħu stess billi uża l-kuċċarina ta’ Cutajar u poġġieh fil-vażett taz-zokkor ta’Cutajar. Wara li pazjent ieħor, Abdi Abdul Fatah, informa lil Cutajar b’dak li kien ġara, dan irrapporta l-każ lill-uffiċjali qabel tefa’ l-kontenitur taz-zokkor lejn Aquilina.

L-għada, waqt li l-pazjenti kienu qed jixorbu l-kafè fid-dormitorju, Aquilina allegatament resaq minn wara lejn Cutajar u tah daqqa ta’ pinna f’ għajnejh. Provi mediċi kkonfermaw li Cutajar sofra ġrieħi ħfief.

Is-Surġent tal-Pulizija Saviour Mifsud xehed li meta l-pulizija aktar tard interrogaw lil Aquilina fit-Taqsima Forensika, huwa daħak, irrifjuta jwieġeb il-mistoqsijiet u qal li ma jiftakarx fl-inċident. L-Ispettur Jessica Grixti xehdet ukoll li diversi pazjenti rrappurtaw li Aquilina kien ikkontamina z-zokkor ta’ Cutajar bl-ippurgar qabel allegatament tah daqqa f’għajnu waqt li kien aljenat. 

Cutajar xehed li wara li rrapporta l-ewwel inċident, Aquilina attakkah l-għada wara nofsinhar b’pinna miksura. Huwa qal li ngħata kura l-isptar u li sal-lum għadu kultant jara tikka sewda fil-vista tiegħu. Fil-Qorti identifika lil Aquilina bħala l-persuna li attakkatu. Pazjent ieħor ikkonferma x-xhieda tiegħu u qal li ra lil Aquilina jersaq minn wara lejn Cutajar qabel tah daqqa f’għajnu. 

Il-Qorti: il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkuża

Wara li eżaminat il-provi kollha, il-Maġistrat Nadine Sant Lia osservat li l-inċident tal-ippurgar fiż-zokkor seħħ fl-14 ta’ Jannar 2023, filwaqt li l-attakk bil-pinna seħħ fil-15 ta’ Jannar 2023, skont ix-xhieda mogħtija.

Madankollu, il-prosekuzzjoni kitbet fl-att ta’ akkuża li l-allegat attakk bil-pinna seħħ fl-14 ta’ Jannar. Il-Maġistrat qalet li din id-diskrepanza ma setgħetx titqies bħala żball proċedurali minuri, peress li l-qrati kriminali Maltin huma marbuta bil-partikolaritajiet li jidhru fl-att ta’ akkuża. 

Spjegat li meta l-prosekuzzjoni tispeċifika data u ħin partikolari, trid tipprova r-reat eżattament kif ġie akkużat. Jekk ikun hemm diskrepanza sostanzjali bejn l-akkuża u l-provi, il-Qorti ma tistax tbiddel l-akkuża biex taqbel mal-fatti li joħorġu waqt il-proċeduri. Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-akkuża hekk kif kienet ifformulata, peress li l-att ta’ akkuża kien jgħid li l-attakk seħħ fl-14 ta’ Jannar meta fil-fatt il-provi kollha kienu juru li seħħ fil-15 ta’ Jannar.

B’hekk, Aquilina ġie lliberat. 

Iż-żewġ każijiet kienu mmexxija mill-Ispettur Clayton Camilleri, filwaqt li ż-żewġ sentenzi ngħataw mill-Maġistrat Nadine Sant Lia.

More in Qrati u Pulizija