🔴 DIRETT
Il-ġuri ta' Yorgen Fenech ikompli llum fl-Awla 22, wara li l-bieraħ ingħalqet l-ewwel ġimgħa tal-proċeduri b'żewġ żviluppi ewlenin: it-tmiem tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-bidu tax-xhieda minn diversi esperti forensiċi.
Qabel Arnaud temm ir-raba’ jum tiegħu fuq il-bank tax-xhieda, il-ġurati għamlu sensiela ta' mistoqsijiet li ffukaw l-aktar fuq Keith Schembri, fosthom dwar il-kuntatti tiegħu ma' Melvin Theuma, l-impjieg li ngħata lil Theuma u l-użu tal-mobile tiegħu.
Wara, il-Qorti semgħet xhieda minn uffiċjali tal-Pulizija li kienu fost l-ewwel li waslu fuq ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija, kif ukoll minn esperti forensiċi li spjegaw lill-ġurati kif ġiet eżaminata x-xena tar-reat.
Fost l-oħrajn, l-espert Olandiż Van Beest ikkonkluda li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tax-xufier tal-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li l-eks Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi ta spjegazzjoni teknika dwar ix-xebh bejn din l-isplużjoni u każijiet oħra ta' karozzi bomba f'Malta.
Illum il-prosekuzzjoni mistennija tkompli tressaq aktar xhieda quddiem il-ġurija, hekk kif il-każ jidħol aktar fil-fażi tal-evidenza teknika u forensika.
Segwu magħna għal aktar aġġornamenti diretti mill-Awla 22 matul il-ġurnata.
Il-proċeduri jieqfu għall-pawża tal-ikel u mistennija jerġgħu jibdew fit-3.00pm. Segwu magħna għal aktar aġġornamenti diretti mill-Awla 22 hekk kif ikompli t-tmien jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lill-eks Supretendent James Grech, li fl-2017 kien uffiċjal fi ħdan il-Financial Crimes Investigation Department (FCID) u kien qed iservi bħala duty officer dakinhar tal-qtil.
Grech qal li għall-ħabta tat-3.00pm irċieva telefonata mingħand l-Ispettur tad-Distrett tal-Mosta, li infurmah li kienet seħħet splużjoni ta' karozza fil-Bidnija u li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia.
Huwa rrakkonta li meta wasal fuq il-post sab it-triq magħluqa u seta' jara l-vettura f'nofs għalqa. Qal li baqa' fuq ix-xena sakemm waslu uffiċjali oħra u l-maġistrat tal-għassa ta' dak iż-żmien, Consuelo Scerri Herrera.
Aktar tard, Grech qal li ngħata struzzjonijiet biex imur għand Percius Car Hire, minn fejn kienet mikrija l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, sabiex jiġbor iċ-ċavetta tal-karozza.
Huwa spjega li wara li ġabar iċ-ċavetta, għaddiha lill-Ispettur Keith Arnaud bħala parti mill-investigazzjoni.
Ix-xhud kompla jiddeskrivi l-mumenti drammatiċi li għex hekk kif kien qed isuq minn Bidnija fil-ħin tal-isplużjoni.
Huwa qal li hu u l-vettura ta' Daphne Caruana Galizia kienu jinsabu madwar 25 metru bogħod minn xulxin meta lemaħha tieqaf fi stat ta' paniku.
Ix-xhud irrakkonta li wara l-ewwel splużjoni, semagħha twerżaq.
"Naħseb indunat li kien hemm xi ħaġa ħażina," qal, filwaqt li żied li jemmen li proprju wara dik l-ewwel splużjoni ra partijiet mill-ġisem joħorġu mill-windscreen u "jiġu fid-direzzjoni tiegħi."
Huwa qal li bejn l-ewwel u t-tieni splużjoni għaddew madwar ħames sekondi, u qal li wara t-tieni splużjoni ra l-vettura tittajjar għal ġo għalqa.
Ix-xhud kompla jgħid li ftit wara waqfet karozza oħra, misjuqa minn mara li kienet għadha kif ġabret lil bintha mill-iskola. Għall-ewwel il-mara ħasbet li kien inċident tat-traffiku, iżda hu qalilha biex iċċempel minnufih lill-Pulizija.
Wara li waslu l-ewwel uffiċjali fuq il-post, ix-xhud resaq lejn Matthew Caruana Galizia u staqsieh jekk kienx jaf min kienet il-vittma.
"Qalli li kienet ommu," irrakkonta.
Mistoqsi jekk kienx għaraf lil Daphne Caruana Galizia qabel dak il-mument, ix-xhud wieġeb fin-negattiv, u spjega li ma setax jidentifikaha mill-vettura li kienet qed issuq.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet xhud li kien qed isuq minn Bidnija fil-mument tal-qtil u li ddeskriva dak li ra ftit sekondi qabel l-isplużjoni.
Huwa qal lill-ġurija li għall-ħabta tat-3.00pm tas-16 ta' Ottubru 2017 kien qed isuq waħdu lejn Bidnija. Wara li qasam il-pont u beda nieżel fit-triq, lemaħ vettura ġejja fid-direzzjoni opposta.
Ix-xhud irrakkonta li dak li laqtu kien l-imġiba tax-xufiera.
"Dehret fi stat ta' paniku tant li waqfet bil-karozza. Waqaft jien ukoll u bqajt inħares lejha għax bdejt naħseb x'ġralha," qal.
Huwa spjega li għal ftit sekondi baqa' jħares lejn il-vettura, sakemm lemaħ l-ewwel spark, waqt li qal li f'dak il-mument il-mara kienet għadha tidher konxja.
"Għaddew ftit sekondi u smajtha twerżaq," kompla x-xhud, filwaqt li żied li kellu t-tieqa tal-karozza miftuħa u seta' jisma' dak li kien qed jiġri.
Ftit mumenti wara seħħet l-isplużjoni.
Ix-xhud li jmiss kienet Maria Sammut Grech, residenti l-Bidnija, li qalet lill-Qorti li ġiet interrogata mill-Pulizija ftit jiem wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia dwar dak li kienet osservat fil-ġimgħat ta' qabel.
Sammut Grech irrakkontat li kienet rat diversi drabi karozza żgħira bajda tal-kiri pparkjata f'postijiet differenti fit-triq qrib id-dar tagħha.
Hija qalet li l-vettura kienet ġibditilha l-attenzjoni mhux għax rat xi ħaġa partikolari fiha, iżda għax kienet tidher ripetutament f'żona fejn, skont hi, ma kienx ikun hemm ħafna traffiku minħabba li t-triq kienet qed issir fuqha xogħol.
"Meta tibda tara l-istess ħaġa ripetutament, tibda tinnotaha," qalet lix-xhieda.
Ix-xhud żiedet li darba biss rat karozza griża, li fiha kien hemm żewġt irġiel, ipparkjata ftit aktar 'l isfel mit-triq. Qalet li ma setgħetx tiftakar jekk ratx il-vettura griża qabel jew wara l-karozza bajda, iżda kkonfermat li l-ewwel dehret darba biss, filwaqt li l-karozza bajda kienet tidher b'mod regolari.
Dwar il-jum tal-qtil, Sammut Grech qalet li għall-ħabta tad-9.00am ħarġet mid-dar u rat il-karozza bajda pparkjata quddiem ir-residenza tagħha. Meta reġgħet ħarġet għall-ħabta tas-2.30pm, il-vettura kienet għadha fl-istess post, u dik kienet l-aħħar darba li ratha.
Hija żiedet li f'kull darba li osservat il-karozza dakinhar ma rat lil ħadd ġewwa fiha.
Ix-xhud qalet li wara li seħħet l-isplużjoni ma rat xejn ieħor suspettuż. Hija spjegat li kienet sejra l-ajruport ma' bintha meta semgħet bl-aħbar, u li ftit jiem wara l-Pulizija marret tkellimha dwar dak li kienet rat fil-jiem ta' qabel il-qtil.
Fil-kontro-eżami, Wallace Sammut qal li beda jinnota l-Peugeot ta' lewn fidda ftit ġimgħat qabel il-qtil.
Huwa rrakkonta li l-vettura kienet tkun ipparkjata b'tali mod li kważi timblokka t-triq, iżda qal li ħafna drabi ma kien jara lil ħadd ġewwa fiha.
L-avukat Gianella De Marco mbagħad irreferiet għad-deskrizzjoni li ta aktar kmieni tal-persuna li darba lemaħ fil-karozza bajda, meta qal li kienet tidher "illamtata."
Ix-xhud spjega li dak li ried ifisser kien li r-raġel kien qed iħares dritt 'il quddiem il-ħin kollu.
"Kien qed iħares dritt 'il quddiem. Ma nafx... kulħadd għaref wara" qal Sammut.
B'hekk intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurija.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lil Wallace Sammut, resident tal-Bidnija, li xehed dwar żewġ vetturi li qal li kienu qajmulu suspett fil-jiem ta' qabel il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Sammut qal li l-Pulizija marru jkellmuh fid-dar tiegħu fis-17 ta' Ottubru 2017, l-għada tal-isplużjoni, biex jistaqsuh jekk kienx innota xi ħaġa mhux tas-soltu fiż-żona.
Huwa rrakkonta li kien lemaħ karozza żgħira bajda pparkjata f'post fejn, skont hu, ma kinetx tidher normali li tkun, speċjalment f'nofs il-ġurnata u fix-xemx. Qal ukoll li kien innota Peugeot ta' lewn il-fidda, li wkoll kienet ta' spiss ipparkjata f'post li qajjem is-suspett tiegħu. Dan ġara ġimgħat qabel il-każ.
Ix-xhud spjega li qatt ma ra ż-żewġ vetturi fl-istess ħin. Dwar il-Peugeot qal li lemaħha madwar erba' jew ħames darbiet, filwaqt li l-karozza bajda qal li raha bejn ħames u sitt darbiet.
Mistoqsi jekk qattx ra lil xi ħadd fil-karozza bajda, Sammut wieġeb li darba lemaħ persuna bilqiegħda fis-seat tax-xufier. Huwa stma li r-raġel kellu madwar 40 sena u qal li l-aktar ħaġa li laqtitu kienet li kien "qisu l-illamtat."
Sammut qal ukoll li fis-16 ta' Ottubru 2017, għall-ħabta tat-3.00pm, sema' ħoss qawwi iżda inizjalment ħaseb li kien il-bieb tad-dar li ħabat mar-riħ. Aktar tard, waqt li kien qed isegwi l-aħbarijiet, induna li kien seħħ inċident u meta ħareġ barra ra numru ta' vetturi tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Pulizija fiż-żona.
Huwa żied li aktar kmieni dakinhar, għall-ħabta ta' nofsinhar, meta ħareġ jiġbor il-posta, il-karozza bajda kienet għadha pparkjata fl-istess post iżda xħin ħareġ jara x'ġara ma kinietx hemmek.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lil Reuben Balzan, li fl-2017 kien Surġent tal-Pulizija.
Balzan qal li għall-ħabta tat-3.00pm tas-16 ta' Ottubru 2017, waqt li kien xogħol fl-għassa flimkien ma' spettur, irċieva komunikazzjoni fuq ir-radju dwar vettura taqbad fil-Bidnija.
Huwa spjega li inizjalment ġew infurmati b'karozza taqbad, iżda aktar tard sar magħruf li l-każ kien jinvolvi splużjoni. Malli waslu fuq il-post sabu membri tal-Protezzjoni Ċivili diġà qed jintervjenu.
Ix-xhud qal li resqu lejn il-vettura, ħadu ritratti tax-xena sabiex tiġi ppreservata l-evidenza u wara beda jassisti fl-investigazzjoni skont l-istruzzjonijiet tal-ispettur inkarigat.
Mistoqsi kemm dam fuq il-post, Balzan qal li, sa fejn jiftakar, baqa' hemm madwar siegħa u nofs, għalkemm ma setax jiftakar il-ħin eżatt.
Ix-xhud li jmiss kienet is-Surġent Suzanne Mifsud, li dakinhar tal-qtil kienet xogħol fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta.
Hija rrakkontat li għall-ħabta tat-3.10pm irċeviet telefonata mingħand kollega tagħha li infurmaha b'karozza taqbad f'Bidnija. Ftit wara ttieħdet fuq il-post minn xufier tal-Pulizija u waslet għall-ħabta tat-3.20pm.
Mifsud qalet li hekk kif waslet ħdejn iċ-ċinta tas-sigurtà, rat il-vettura taqbad f'għalqa fuq in-naħa tax-xellug tat-triq. Hija nnutat li s-saqaf tal-karozza kien inqala' 'l fuq, u minnufih issuspettat li l-isplużjoni kienet ikkawżata minn bomba. Madwar il-vettura kien hemm membri tal-Protezzjoni Ċivili.
Hekk kif kompliet timxi matul it-triq, qalet li rat partijiet mill-ġisem tal-vittma mifruxa fuq il-post.
Ix-xhud spjegat ukoll li tkellmet ma' wieħed mix-xhieda li kien għaddej minn Bidnija bil-vettura tiegħu fil-ħin tal-isplużjoni. Skont dak li qalilha, huwa kien għaddej biex jaqdi xi qadi meta lemaħ il-karozza taqbad. F'dak il-mument, Matthew Caruana Galizia ħareġ jiġri mid-dar u, fl-istat ta' xokk li kien fih, kissirlu l-mobile.
Mifsud żiedet li l-għada tal-qtil kienet inkarigata torganizza punti ta' għassa fissi tal-Pulizija kemm ħdejn ir-residenza tal-familja Caruana Galizia kif ukoll fiż-żona fejn seħħet l-isplużjoni.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad sejħet lill-Kuntistabbli Mario Farrugia, li fl-2017 kien stazzjonat mar-Rapid Intervention Unit tal-Korp tal-Pulizija.
Ix-xhud irrakkonta li għall-ħabta tat-3.00pm irċevew rapport dwar vettura taqbad f'għalqa fil-Bidnija u marru immedjatament fuq il-post.
Meta waslu, sabu membri tal-Protezzjoni Ċivili diġà qed jitfu n-nirien. Farrugia qal li seta' jara l-fdalijiet tal-vettura fin-nofs tat-triq, iżda ma setax jersaq viċin aktar minħabba s-sitwazzjoni fuq il-post.
Huwa żied li ftit aktar 'il fuq fit-triq lemaħ żewġ persuni jargumentaw bejniethom, iżda qal li s-sitwazzjoni kkalmat fi ftit ħin.
Farrugia rrakkonta wkoll li, qabel ma ġiet stabbilita l-parametru tas-sigurtà madwar ix-xena, pickup truck għadda mit-triq. Huwa waqqaf il-vettura u għamel tfittxija fiha, iżda s-sewwieq spjega li kien sejjer lejn għalqa tiegħu fil-viċinanzi. Skont ix-xhud, ma nstab xejn illegali jew suspettuż fil-vettura.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Gianella De Marco ffukat fuq l-analiżi li saret tad-data estratta mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.
L-espert ikkonferma li ma kienx hu li għamel il-klonazzjoni tal-mobile, iżda li kien ingħata d-data li kienet diġà ġiet estratta, inkluż il-kontenut mis-cloud. Mistoqsi jekk qattx intalab janalizza d-data bil-Malti, wieġeb fin-negattiv.
De Marco mbagħad daret fuq is-seba' xenarji investigattivi li, skont ir-rapport, Caruana Galizia kienet qed taħdem fuqhom meta nqatlet. Hija semmiet diversi każijiet, fosthom il-Panama Papers, l-allegati kickbacks marbuta mal-iskema tal-passaporti u allegati skandli oħra.
L-espert, iżda, insista li r-rwol tiegħu ma kienx li jidentifika persuni bħala possibbli mandanti tal-qtil.
"Ma identifikajt jew semmejt lil ħadd bħala instigatur possibbli abbażi ta' dawk ix-xenarji," qal lill-Qorti.
L-avukat tad-difiża rrimarkat ukoll li l-eks ministru Chris Cardona jissemma fir-rapport b'rabta mal-iskema tal-passaporti u mal-allegat "brothel scandal", u l-espert ikkonferma dan.
Meta mistoqsi jekk Yorgen Fenech kienx jissemma f'xi wieħed mix-xenarji analizzati, ix-xhud wieġeb: "Le."
B'hekk intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu.
Van der Meer qal lill-Qorti li, mill-analiżi tal-kuntatti u l-komunikazzjonijiet li nstabu fuq il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia, irriżulta li fil-mument tal-qtil tagħha kienet qed taħdem fuq seba' xenarji investigattivi differenti.
Huwa spjega li l-analiżi kienet estensiva minħabba l-ammont kbir ta' informazzjoni li kien hemm fuq l-apparat.
"Kienet ġurnalista attiva ħafna," qal ix-xhud.
Van der Meer enfasizza, madankollu, li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika tad-data u mhux biex jidentifika jew jindika suspettati fil-każ.
Huwa żied li r-rapport finali tiegħu tlesta fit-22 ta' Mejju 2018.
Jixhed ukoll l-espert Olandiż Van der Meer, li spjega li fl-1 ta' Marzu 2018 inħatar mill-maġistrat inkwirenti biex janalizza d-data estratta mill-mobile u mis-SIM card ta' Daphne Caruana Galizia.
Huwa qal li eżamina kemm id-data maħżuna fuq il-hard drive tal-apparat kif ukoll dik maħżuna fis-cloud. Skont ix-xhud, fost il-materjal irkuprat kien hemm emails, filmati, dokumenti u komunikazzjonijiet permezz ta' WhatsApp.
Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda tal-espert tal-IT Martin Bajada, li qed jippreżenta rapport dwar l-estrazzjoni tad-data mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.
Ir-rapport, iżda, ġie ppreżentat b'partijiet minnu mħassra (redacted), sabiex tiġi protetta l-identità tas-sorsi ġurnalistiċi ta' Caruana Galizia.
L-avukat tal-Avukat Ġenerali, Godwin Cini, talab lill-esperti jgħaddu pass pass mir-rapporti forensiċi li ħejjew dwar ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija. Dawn kienu jinkludu analiżi tal-evidenza relatata ma' apparat elettroniku kif ukoll mal-fdalijiet umani elevati mill-post.
F'ħin minnhom, l-Imħallef staqsiet dwar il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia. Wieħed mill-esperti spjega li l-apparat ġie analizzat fil-laboratorji tagħhom qabel ma ntbagħat lura lill-Korp tal-Pulizija ta' Malta.
Id-difiża ma għamlitx kontro-eżami lit-tliet esperti, u b'hekk intemmet ix-xhieda tagħhom quddiem il-ġurija.
Ix-xhieda tat-tliet esperti mill-Netherlands Forensic Institute s’issa kienet tikkonsisti l-aktar f’konferma tal-firem tagħhom fuq rapporti forensiċi marbuta max-xena tal-isplużjoni f’Bidnija u mar-rikostruzzjoni ta’ dak li nstab fuq il-post.
L-esperti ġew murija wkoll rapport ieħor, imħejji minn kollega tagħhom, li jiffoka fuq l-isplussivi użati fil-karozza bomba.
Is-seduta tal-lum fetħet bix-xhieda ta' tliet esperti minn Netherlands Forensic Institute (NFI), li qed jixhdu flimkien permezz ta' video call.
L-esperti mistennija jispjegaw ir-rapport forensiku mħejji minn Marcel van Beest, li kien xehed quddiem il-ġurija fis-seduta tal-bieraħ dwar ir-rikostruzzjoni tax-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija.
Bonġu
Lura fl-Awla. Mistennijin jibdew l-ewwel xhieda minn hawn u ftit ieħor