Jibda ġuri ta' raġel akkużat li pprova joqtol lil martu b'martell waqt li kienet rieqda
Il-prosekuzzjoni allegat li l-akkużat attakka lil martu fid-dar tagħhom fil-Mellieħa wara argument dwar flus, u kkawżalha ġrieħi serji li kienu ta' periklu għal ħajjitha
minn Jaelle Borg / Ħaley Xuereb
Emanuel Borg, ta’ 68 sena, jinsab mixli li prova joqtol u li kkawża ġrieħi gravi lil martu f’Novembru tal-2019 fir-razzett tagħhom fil-Mellieħa.
Borg wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fl-ewwel jum tal-ġuri, il-ġurati semgħu kif kien Borg stess li ċempel għall-ambulanza u allegatament informa lill-pulizija li kien “ta xebgħa” lil martu. Ftit wara, mar ħdejn karozza tal-pulizija u baqa’ jinsisti mal-uffiċjali biex jarrestawh.
Is-Surġent tal-Pulizija Joseph Attard, wieħed mill-ewwel uffiċjali li waslu fuq il-post, xehed li sab lil Borg miexi lejhom fix-xita, viżibilment inkwetat. Huwa beda jitlob b’mod ripetut biex jinżamm taħt arrest.
Attard qal li s-servizzi tal-emerġenza kellhom diffikultà biex isibu r-razzett minħabba l-ammont ta’ toroq sekondarji fiż-żona.
Minħabba l-kundizzjoni kritika tal-vittma, il-pulizija u l-ekwipaġġ tal-ambulanza nqasmu biex jippruvaw jaslu minn toroq differenti. L-ewwel li waslu kienu l-paramediċi.
Meta Attard wasal fuq il-post, l-ekwipaġġ tal-ambulanza kien diġà qed jipprepara biex jieħu lill-mara lejn l-isptar.
"Qalulna li kienet f’kundizzjoni kritika," xehed is-surġent, filwaqt li qal li lemaħ lill-vittma b’rasha mdemmija qabel telqet l-ambulanza.
Waqt il-kontro-eżami mill-avukat difensur Lennox Vella, Attard ikkonferma li qatt ma daħal fir-razzett, hekk kif surġent ieħor kien ordnalu jieħu lil Borg direttament fl-Għassa tal-Mellieħa.
Xehed ukoll l-Ispettur Benjamin Portelli, li kien qed isuq il-vettura tal-pulizija. Huwa kkonferma li Borg resaq lejn il-karozza u baqa’ jitlob lill-uffiċjali biex jarrestawh.
Bintu naddfet id-demm qabel waslu l-investigaturi
Esperti maħtura mill-qorti qalu li bint il-koppja kienet naddfet id-demm mill-art tal-kċina qabel waslu l-investigaturi, sabiex uliedha ma jarawx dak li l-pulizija ddeskriviet bħala "ammont kbir" ta’ demm.
L-esperti Michelle Camilleri u Mario Azzopardi qalu li ġew infurmati b’dan meta waslu biex jeżaminaw ix-xena.
Ritratti esebiti fil-qorti wrew tbajja’ tad-demm fuq sufan b’lewn ċar u fuq investi bojod fis-salott. Il-pulizija sabu wkoll tiċpis ta’ demm ma’ ħajt, qtar ta’ demm ġewwa żarbuna bajda u tbajja’ fuq investi oħra.
L-esperti qalu li mir-razzett elevaw żewġ imrietel: wieħed mill-kċina u ieħor b’manku tal-metall li nstab fil-qiegħ tal-pixxina.
Ħdejn il-pixxina nstabu wkoll stikka tal-golf u turnavit.
Min-naħa l-oħra, fil-kamra tas-sodda, fejn allegatament seħħ l-attakk, ftit li xejn instabet evidenza forensika.
Camilleri qalet li mal-art tal-kamra tas-sodda instabet biss qatra waħda demm.
"Waħda biss?" staqsa Vella waqt il-kontro-eżami.
"Iva, waħda biss," wieġbet Camilleri.
Mistoqsija jekk l-investigaturi kinux jafu min tefa’ l-martell fil-pixxina, hija wieġbet fin-negattiv.
Il-ġuri jkompli għada, l-Erbgħa fid-9.00am.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta u Justine Brincat, filwaqt li lil Borg qed jiddefenduh l-avukati Arthur Azzopardi u Lennox Vella.
