DIRETT | Jibda t-tmien jum tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Il-proċeduri fl-Awla 22 mistennija jerġgħu jibdew dalgħodu, wara ġurnata li rat it-tmiem tax-xhieda ta' Keith Arnaud u l-bidu ta' sensiela ta' xhieda minn esperti forensiċi.

🔴 DIRETT
10:32

Fil-kontro-eżami, l-avukat Gianella De Marco ffukat fuq l-analiżi li saret tad-data estratta mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

L-espert ikkonferma li ma kienx hu li għamel il-klonazzjoni tal-mobile, iżda li kien ingħata d-data li kienet diġà ġiet estratta, inkluż il-kontenut mis-cloud. Mistoqsi jekk qattx intalab janalizza d-data bil-Malti, wieġeb fin-negattiv.

De Marco mbagħad daret fuq is-seba' xenarji investigattivi li, skont ir-rapport, Caruana Galizia kienet qed taħdem fuqhom meta nqatlet. Hija semmiet diversi każijiet, fosthom il-Panama Papers, l-allegati kickbacks marbuta mal-iskema tal-passaporti u allegati skandli oħra.

L-espert, iżda, insista li r-rwol tiegħu ma kienx li jidentifika persuni bħala possibbli mandanti tal-qtil.

"Ma identifikajt jew semmejt lil ħadd bħala instigatur possibbli abbażi ta' dawk ix-xenarji," qal lill-Qorti.

L-avukat tad-difiża rrimarkat ukoll li l-eks ministru Chris Cardona jissemma fir-rapport b'rabta mal-iskema tal-passaporti u mal-allegat "brothel scandal", u l-espert ikkonferma dan.

Meta mistoqsi jekk Yorgen Fenech kienx jissemma f'xi wieħed mix-xenarji analizzati, ix-xhud wieġeb: "Le."

B'hekk intemmet ukoll ix-xhieda tiegħu.

Jaelle Borg
10:18

Van der Meer qal lill-Qorti li, mill-analiżi tal-kuntatti u l-komunikazzjonijiet li nstabu fuq il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia, irriżulta li fil-mument tal-qtil tagħha kienet qed taħdem fuq seba' xenarji investigattivi differenti.

Huwa spjega li l-analiżi kienet estensiva minħabba l-ammont kbir ta' informazzjoni li kien hemm fuq l-apparat.

"Kienet ġurnalista attiva ħafna," qal ix-xhud.

Van der Meer enfasizza, madankollu, li r-rwol tiegħu kien limitat għall-analiżi forensika tad-data u mhux biex jidentifika jew jindika suspettati fil-każ.

Huwa żied li r-rapport finali tiegħu tlesta fit-22 ta' Mejju 2018.

Jaelle Borg
10:14

Jixhed ukoll l-espert Olandiż Van der Meer, li spjega li fl-1 ta' Marzu 2018 inħatar mill-maġistrat inkwirenti biex janalizza d-data estratta mill-mobile u mis-SIM card ta' Daphne Caruana Galizia.

Huwa qal li eżamina kemm id-data maħżuna fuq il-hard drive tal-apparat kif ukoll dik maħżuna fis-cloud. Skont ix-xhud, fost il-materjal irkuprat kien hemm emails, filmati, dokumenti u komunikazzjonijiet permezz ta' WhatsApp.

Jaelle Borg
09:53

Il-Qorti issa qed tisma' x-xhieda tal-espert tal-IT Martin Bajada, li qed jippreżenta rapport dwar l-estrazzjoni tad-data mill-mobile ta' Daphne Caruana Galizia.

Ir-rapport, iżda, ġie ppreżentat b'partijiet minnu mħassra (redacted), sabiex tiġi protetta l-identità tas-sorsi ġurnalistiċi ta' Caruana Galizia.

 

 

Jaelle Borg
09:52

L-avukat tal-Avukat Ġenerali, Godwin Cini, talab lill-esperti jgħaddu pass pass mir-rapporti forensiċi li ħejjew dwar ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija. Dawn kienu jinkludu analiżi tal-evidenza relatata ma' apparat elettroniku kif ukoll mal-fdalijiet umani elevati mill-post.

F'ħin minnhom, l-Imħallef staqsiet dwar il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia. Wieħed mill-esperti spjega li l-apparat ġie analizzat fil-laboratorji tagħhom qabel ma ntbagħat lura lill-Korp tal-Pulizija ta' Malta.

Id-difiża ma għamlitx kontro-eżami lit-tliet esperti, u b'hekk intemmet ix-xhieda tagħhom quddiem il-ġurija.

Jaelle Borg
09:46

Ix-xhieda tat-tliet esperti mill-Netherlands Forensic Institute s’issa kienet tikkonsisti l-aktar f’konferma tal-firem tagħhom fuq rapporti forensiċi marbuta max-xena tal-isplużjoni f’Bidnija u mar-rikostruzzjoni ta’ dak li nstab fuq il-post.

L-esperti ġew murija wkoll rapport ieħor, imħejji minn kollega tagħhom, li jiffoka fuq l-isplussivi użati fil-karozza bomba.

Jaelle Borg
09:29

Is-seduta tal-lum fetħet bix-xhieda ta' tliet esperti minn Netherlands Forensic Institute (NFI), li qed jixhdu flimkien permezz ta' video call.

L-esperti mistennija jispjegaw ir-rapport forensiku mħejji minn Marcel van Beest, li kien xehed quddiem il-ġurija fis-seduta tal-bieraħ dwar ir-rikostruzzjoni tax-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija.

 

 

Jaelle Borg
09:20

Bonġu

Lura fl-Awla. Mistennijin jibdew l-ewwel xhieda minn hawn u ftit ieħor

 

 

Jaelle Borg

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech ikompli llum fl-Awla 22, wara li l-bieraħ ingħalqet l-ewwel ġimgħa tal-proċeduri b'żewġ żviluppi ewlenin: it-tmiem tax-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-bidu tax-xhieda minn diversi esperti forensiċi.

Qabel Arnaud temm ir-raba’ jum tiegħu fuq il-bank tax-xhieda, il-ġurati għamlu sensiela ta' mistoqsijiet li ffukaw l-aktar fuq Keith Schembri, fosthom dwar il-kuntatti tiegħu ma' Melvin Theuma, l-impjieg li ngħata lil Theuma u l-użu tal-mobile tiegħu.

Wara, il-Qorti semgħet xhieda minn uffiċjali tal-Pulizija li kienu fost l-ewwel li waslu fuq ix-xena tal-isplużjoni fil-Bidnija, kif ukoll minn esperti forensiċi li spjegaw lill-ġurati kif ġiet eżaminata x-xena tar-reat.

Fost l-oħrajn, l-espert Olandiż Van Beest ikkonkluda li l-apparat splussiv kien tqiegħed taħt is-seat tax-xufier tal-vettura ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li l-eks Brigadier tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi ta spjegazzjoni teknika dwar ix-xebh bejn din l-isplużjoni u każijiet oħra ta' karozzi bomba f'Malta.

Illum il-prosekuzzjoni mistennija tkompli tressaq aktar xhieda quddiem il-ġurija, hekk kif il-każ jidħol aktar fil-fażi tal-evidenza teknika u forensika.

Segwu magħna għal aktar aġġornamenti diretti mill-Awla 22 matul il-ġurnata.

More in Qrati u Pulizija