Dirett | Keith Arnaud mistenni jixhed illum

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech jidħol f'fażi kruċjali llum hekk kif il-prosekuzzjoni tibda tressaq ix-xhieda tagħha

🔴 DIRETT
10:25

 TNT, SMS u żewġ mobiles mitfija: Kif bdiet tieħu forma l-investigazzjoni​

Keith Arnaud jispjega li, hekk kif l-investigazzjoni bdiet tieħu direzzjoni aktar ċara, il-Pulizija għaddiet għall-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni miġbura miċ-cell towers li jkopru ż-żona tal-Bidnija.

Qabel dan, qal, l-investigaturi kienu diġà ġabru u ppreservaw filmati minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi kollha tax-xena tad-delitt.

Arnaud jgħid li l-investigazzjoni kienet għadha fl-istadji inizjali u li dak iż-żmien kien għad hemm ħafna mistoqsijiet mingħajr tweġiba. "Konna qed nibnu l-istampa biċċa biċċa," jispjega.

Huwa jikkonferma wkoll li l-esperti forensiċi identifikaw l-isplussiv użat fl-attakk bħala TNT, splussiv militari qawwi li jintuża bħala punt ta' riferiment biex titkejjel il-qawwa ta' splużjonijiet oħra.

Arnaud jgħid li, wara li ġew eżaminati eluf ta' numri tat-telefown li kienu konnessi maċ-cell towers fiż-żona, wieħed minnhom beda jispikka bħala ta' interess għall-investigazzjoni.

Skont ix-xhud, il-mobile ta' Daphne Caruana Galizia rċieva messaġġ ftit qabel it-3.00pm u waqaf jaħdem fil-ħin li fih seħħet l-isplużjoni.

Fl-istess ħin, jgħid Arnaud, numru ieħor tat-telefown — 99683752 — ukoll waqaf jopera. Mill-analiżi li saret irriżulta li dan il-mobile ma kienx jintuża biex jaċċessa l-internet, iżda kważi esklussivament għal telefonati u SMS.

L-investigazzjoni sabet ukoll li, ftit qabel ma dan il-mobile intefa, kien irċieva messaġġ minn numru ieħor, 99684366.

Arnaud jgħid li dawn iċ-ċirkostanzi wasslu lill-investigaturi biex jikkunsidraw iż-żewġ numri bħala fost l-ewwel linji ta' investigazzjoni li kellhom jiġu eżaminati fid-dettall.

Jaelle Borg
10:15

Karozza bajda bin-numru "QZ" issir punt ewlieni fl-investigazzjoni  ​

Keith Arnaud jgħid li wara l-ewwel eżamijiet fuq ix-xena tad-delitt, l-investigaturi bdew janalizzaw minn liema post seta' kien qed josserva lill-vittma min allegatament kien qed isegwi l-movimenti tagħha.

Huwa jgħid li, wara spezzjoni taż-żona, ġew identifikati żewġ punti li setgħu joffru veduta ċara tar-residenza ta' Daphne Caruana Galizia mingħajr ma min kien qed josserva jkun faċilment innutat. Wieħed minn dawn kien fiż-żona tal-Victoria Lines, filwaqt li l-ieħor kien ġnien magħruf bħala L-Għarusa tal-Mosta, ħdejn il-kampus tal-MCAST, li wkoll jagħti veduta tal-inħawi tal-Bidnija.

Skont Arnaud, l-investigaturi qiesu li wieħed minn dawn il-postijiet seta' ntuża biex jiġu osservati l-movimenti tal-vittma qabel seħħet l-isplużjoni.

L-eks Supretendent jgħid ukoll li xhud kien informa lill-Pulizija li kien ra vettura bajda bin-numru tar-reġistrazzjoni li kien jibda bl-ittri "QZ" ipparkjata fl-inħawi kemm fil-jum tal-qtil kif ukoll fil-jiem ta' qabel. Skont ix-xhud, filgħodu tal-16 ta' Ottubru 2017 il-vettura kienet għadha hemm, iżda wara l-isplużjoni kienet sparixxiet.

Arnaud jgħid li dan wassal biex il-vettura saret punt ta' interess fl-investigazzjoni u ġie stabbilit li kienet mikrija mingħand kumpanija tal-leasing.

L-investigazzjoni ffukat ukoll fuq il-karozza ta' Daphne Caruana Galizia, Peugeot 108 bin-numru tar-reġistrazzjoni QQZ 668. Arnaud jgħid li, peress li l-investigaturi kienu tal-fehma li l-bomba tqiegħdet ġewwa l-vettura, kien importanti jiġi stabbilit kif seta' kiseb aċċess għaliha min allegatament poġġa l-apparat splussiv mingħajr ma l-vittma ndunat.

Huwa jispjega li l-investigaturi kkuntattjaw lill-kumpanija tal-leasing u stabbilixxew li kienu jeżistu żewġ ċwievet tal-vettura: waħda għand il-vittma u oħra għand il-kumpanija. L-ispare key ġiet elevata bħala evidenza u, skont Arnaud, mill-investigazzjonijiet li saru ma rriżultax li kienet intużat jew ġiet manipulata.

Arnaud jgħid ukoll li l-Pulizija ppruvat tidentifika l-vetturi bojod kollha bin-numru tar-reġistrazzjoni li kien jibda bl-ittri "QZ", iżda n-numru tagħhom kien sostanzjali. Għalhekk, ġew ikkuntattjati diversi kumpaniji tal-leasing sabiex jgħinu fl-identifikazzjoni tal-vettura li kienet ġiet deskritta mix-xhud.

Fl-istess ħin, il-Pulizija bdiet tiġbor kull filmat disponibbli minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi tal-Bidnija. Arnaud jgħid li l-investigaturi eżaminaw kull triq li tagħti aċċess għaż-żona u niżżlu l-filmati kollha disponibbli sabiex tiġi ppreservata kull evidenza possibbli dwar il-vetturi u l-persuni li daħlu jew ħarġu mill-Bidnija dakinhar.

"Dak il-ħin konna fil-għama," jgħid Arnaud, filwaqt li jżid li l-għan kien li tiġi ppreservata kull biċċa evidenza mill-bidu nett tal-investigazzjoni, sabiex setgħu jerġgħu jirreferu għaliha hekk kif l-investigazzjoni bdiet tiżviluppa.

Jaelle Borg
10:00

Arnaud jispjega kif l-investigaturi bdew jibnu l-kronoloġija tal-aħħar minuti tal-vittma 

Arnaud jgħid li Matthew Caruana Galizia kien wieħed mill-aktar sorsi importanti ta' informazzjoni fl-ewwel sigħat tal-investigazzjoni.

Skont Arnaud, Matthew ikkonferma mal-investigaturi li ommu kienet waħedha fil-vettura meta seħħet l-isplużjoni u li kienet sejra l-bank.

Arnaud jgħid li mill-informazzjoni miġbura u mix-xena tad-delitt, l-investigaturi setgħu jistabbilixxu li l-isplużjoni seħħet hekk kif il-vettura kienet qed tinżel lejn il-parti magħrufa bħala l-Benniena.

Huwa jispjega wkoll li fuq il-post instabet toqba żgħira fl-art, li, skont l-investigazzjoni, indikat il-punt eżatt fejn seħħet l-isplużjoni.

Arnaud jgħid li diversi persuni li kienu fil-viċinanzi jew li waslu fuq il-post ftit wara l-isplużjoni ġew intervistati bħala parti mill-ewwel stadji tal-investigazzjoni.

Huwa jżid li minnufih infetħet inkjesta maġisterjali, li permezz tagħha nħatru diversi esperti sabiex jassistu fl-eżamijiet forensiċi u fl-analiżi tal-evidenza miġbura mix-xena tad-delitt.

Fir-rigward tal-aħħar movimenti ta' Daphne Caruana Galizia, Arnaud jgħid li Matthew informa lill-investigaturi li ommu kienet id-dar taħdem fuq il-laptop tagħha qabel ħarġet u rikbet fil-karozza. Madankollu, hija reġgħet daħlet fid-dar biex tieħu ċ-checkbook tagħha, qabel telqet mill-ġdid bil-vettura tagħha. Ftit minuti wara seħħet l-isplużjoni.

Jaelle Borg
09:49

Keith Arnaud jixhed dwar l-ewwel sigħat tal-investigazzjoni

L-eks Supretendent Keith Arnaud jibda x-xhieda tiegħu billi jispjega kif hu u l-Ispettur Kurt Zahra ġew imsejħa fil-Bidnija wara l-isplużjoni li qatlet lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fis-16 ta' Ottubru 2017.

Arnaud jgħid li, malli waslu fuq il-post, l-ewwel prijorità kienet li tiġi ppreservata x-xena tad-delitt sabiex ma tintilifx evidenza importanti.

Huwa jispjega li ftit wara ġie kkonfermat li l-vittma kienet Daphne Caruana Galizia u li, minnufih, l-investigaturi bdew jidentifikaw il-ħtiġijiet ewlenin tal-investigazzjoni.

Arnaud jgħid li dak ma kienx l-ewwel każ f'Malta li kien jinvolvi bomba mqiegħda f'vettura u għalhekk l-investigaturi diġà kellhom esperjenza dwar kif għandhom jiġu investigati dawn it-tip ta' delitti. Madankollu, qal li mill-ewwel kien ċar li kienet se tkun investigazzjoni kumplessa li kienet tirrikjedi ġbir metikoluż ta' evidenza minn fost it-tifrik biex jiġi stabbilit x'kien relatat mal-apparat splussiv u kif dan kien ġie attivat.

Huwa jgħid li, minn dak li seta' jiġi osservat prima facie fuq il-post, l-investigaturi kienu tal-fehma li l-bomba kienet tqiegħdet ġewwa l-vettura.

Arnaud jispjega li x-xena tad-delitt kienet tinsab fit-triq prinċipali tal-Bidnija, ftit metri biss 'il bogħod mir-residenza tal-vittma. Wara li tkellmu ma' binha, Matthew Caruana Galizia, irriżulta li Daphne kienet telqet mid-dar biss ftit minuti qabel seħħet l-isplużjoni.

Huwa jgħid li waħda mill-ewwel mistoqsijiet li kellhom iwieġbu kienet kif ġiet attivata l-bomba. Għalhekk, l-investigazzjoni fittxet l-assistenza tal-FBI, li, skont Arnaud, għandha esperti speċjalizzati fl-analiżi tad-data tat-telekomunikazzjoni u tal-attività fuq iċ-cell towers.

L-investigaturi ġabru d-data mingħand il-fornituri kollha tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni li kienu jkopru ż-żona tax-xena tad-delitt sabiex janalizzaw l-attività kollha fuq iċ-cell towers u jiddeterminaw jekk l-apparat splussiv kienx ġie attivat permezz ta' mobile phone.

Arnaud jgħid ukoll li, fl-ewwel jum tal-investigazzjoni, ittieħdet id-deċiżjoni li ma jitmexxa jew jitneħħa xejn mix-xena tad-delitt sakemm jaslu l-esperti barranin, sabiex il-post jinżamm ippreservat fl-istat li nstab.

Jaelle Borg
09:30

Il-ġurnalisti jidħlu fl-awla

L-għodwa t-tajba u merħba għal-live blog tagħna mit-tielet jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech. Il-ġurnalisti jidħlu fl-awla tal-Qorti u jieħdu posthom hekk kif il-proċeduri mistennija jibdew dalwaqt. Illum il-prosekuzzjoni mistennija tibda tressaq il-każ tagħha quddiem il-ġurati, bl-ewwel xhud mistenni jixhed matul is-seduta

 

Jaelle Borg

L-eks investigatur ewlieni tal-Pulizija, Keith Arnaud, mistenni jixhed fil-ġuri ta' Yorgen Fenech hekk kif il-prosekuzzjoni tibda tressaq il-provi tagħha fil-każ dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Arnaud, li kien imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia, huwa mistenni jagħti x-xhieda tiegħu dwar il-ħidma investigattiva li wasslet għall-iżviluppi ewlenin fil-każ, li ilu għaddej għal diversi snin.

Yorgen Fenech qed iwieġeb mhux ħati għal żewġ akkużi. L-ewwel waħda hija dik ta' kompliċità fl-omiċidju volontarju ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tieni hija li assoċja ruħu ma' persuna jew persuni oħra sabiex jitwettaq delitt li għalih hemm piena ta' priġunerija, jiġifieri l-qtil tal-ġurnalista.

Matul it-tieni jum tal-ġuri, il-Ħamis, il-prosekuzzjoni fetħet ir-rekwiżitorja tagħha quddiem il-ġurati, fejn spjegat il-każ li biħsiebha tipprova matul il-proċeduri.

L-Avukat tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella qal lill-ġurati li l-Istat mhux fil-Qorti biex "bilfors isib lill-akkużat ħati", iżda biex jiżgura proċess ġust. Huwa spjega wkoll ir-rwol tal-prosekuzzjoni, il-mod kif se jimxi l-ġuri u l-prinċipji legali li l-ġurati se jkollhom japplikaw meta jaslu biex jiddeliberaw.

Fir-rekwiżitorja tiegħu, Vella qal li wieħed mill-punti ċentrali tal-każ huwa jekk il-prosekuzzjoni tkunx irnexxielha tipprova li Yorgen Fenech allegatament aġixxa b'intenzjoni meta ġie ordnat il-qtil ta' Caruana Galizia.

Huwa spjega lill-ġurati li sabiex persuna tinstab ħatja ta' omiċidju volontarju, il-prosekuzzjoni trid tipprova kemm il-mens rea – l-intenzjoni kriminali – kif ukoll l-actus reus, jiġifieri l-att li jwassal għat-twettiq tar-reat.

Vella ta wkoll ħarsa lejn il-verżjoni tal-prosekuzzjoni dwar kif allegatament ġie ppjanat il-qtil, billi spjega r-rwol li, skont il-każ tal-Istat, kellu Melvin Theuma bħala intermedjarju bejn Yorgen Fenech u l-allegati eżekuturi.

Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li matul il-ġuri l-ġurati se jisimgħu sigħat ta' recordings sigrieti magħmula minn Theuma, li aktar tard ingħata maħfra presidenzjali u sar xhud tal-Istat. Skont Vella, dawn ir-recordings jinkludu konversazzjonijiet li, skont il-prosekuzzjoni, jirreferu għall-allegat pjan tal-qtil, il-ħlasijiet allegati u d-diskussjonijiet bejn Theuma u Fenech.

Matul ir-rekwiżitorja, Vella sostna wkoll li, skont il-każ tal-prosekuzzjoni, ir-rwol allegat ta' Fenech kien wieħed ċentrali. Huwa qal lill-ġurati li l-Istat se jipprova li, minkejja li Fenech ma kienx preżenti fuq il-post tad-delitt, allegatament kien il-persuna li nediet il-pjan, ikkoordinatu u ffinanzjatu.

Lejn tmiem l-indirizz tiegħu, il-prosekutur ippreżenta lill-ġurati dak li sejjaħ "checklist", fejn qal li meta jasal iż-żmien tad-deliberazzjonijiet għandhom jivvalutaw jekk il-prosekuzzjoni ppruvatx l-elementi kollha meħtieġa mil-liġi biex tintlaħaq kundanna.

Il-proċeduri issa jkomplu bix-xhieda tal-prosekuzzjoni, bil-Qorti mistennija tisma' fost l-ewwel xhieda lil Keith Arnaud, li mexxa waħda mill-aktar investigazzjonijiet kriminali kumplessi fl-istorja riċenti ta' Malta.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

🔴 DIRETT
Ibqgħu Magħna!

Dan il-live blog għadu ma bediex.

Erġgħu lura dalwaqt għal aġġornamenti diretti.

More in Qrati u Pulizija