Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell ta’ Satoshi Okamura, ċittadin Ġappuniż ta’ 31 sena, u kkonfermat is-sentenza ta’ sentejn ħabs effettiv, multa ta’ €15,000 u projbizzjoni ta’ 40 sena milli jżomm annimali.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet li l-ideoloġija tal-akkużat kienet "perikoluża ħafna", filwaqt li rrimarkat li l-fehmiet tiegħu dwar in-nisa u l-moħqrija fuq l-annimali kienu jiffurmaw "ir-riċetta perfetta għall-aktar reati faħxija".
Il-Qorti tat importanza partikolari għal stqarrijiet li Okamura ta lill-Pulizija, fejn qal li kien jittratta qattus b’mod vjolenti jekk ma japprezzax il-ġentilezza tiegħu, u qabbel il-qtates man-nisa, fejn sostna li dawn japprezzaw lill-irġiel biss jekk ikollhom il-flus.
Il-każ imur lura għal Ġunju tas-sena li għaddiet meta diversi qtates inqatlu f’Tas-Sliema. Okamura kien ġie arrestat f’Awwissu wara rapporti minn residenti, u meta nqabad il-Pulizija sabitu b’ingwanti tal-latex u ikel tal-qtates li allegatament kien juża biex iħajjarhom. Fost il-provi kien hemm ukoll filmati tas-CCTV li juruh jattakka qattus waqt li kien rieqed.
Waqt l-arrest, Okamura kien irreżista lill-Pulizija u aggredixxa żewġ uffiċjali, li sofrew ġrieħi ħfief.
Id-difiża kienet talbet biex is-sentenza ta’ ħabs tinbidel f’waħda sospiża, filwaqt li argumentat li t-trawma tat-tfulija tiegħu u n-nuqqas ta’ kundanni preċedenti kellhom jitqiesu. Talbet ukoll biex il-projbizzjoni milli jżomm annimali titnaqqas minn 40 għal 20 sena.
Madankollu, il-Qorti tal-Appell ċaħdet dawn l-argumenti u sostniet li l-Qorti tal-Maġistrati kienet laħqet bilanċ xieraq bejn il-piena u r-riabilitazzjoni. Ikkonfermat ukoll ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur iż-żewġ Pulizija u ordni ta’ trattament psikoloġiku għal 18-il xahar.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna Briffa u Elliot Magro, filwaqt li Okamura kien rappreżentat mill-avukati Adreana Zammit u Marion Camilleri.