DIRETT | "Ħa tkunu lbistu ż-żarbun ta' ġudikant" – Tibda r-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni
Wara li fl-ewwel seduta nqara l-Att ta' Akkuża u l-imħallef għamlet l-indirizz tagħha, illum il-ġuri jkompli bir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, li mistennija tispjega lill-ġurati l-każ tagħha qabel jibdew jixhdu l-ewwel xhieda
minn Jaelle Borg
L-Avukat tal-Avukat Ġenerali Anthony Vella beda r-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni billi spjega lill-ġurati r-rwol tal-Istat fi proċeduri kriminali u l-prinċipji li għandhom jiggwidawhom matul il-ġuri.
Vella enfasizza li l-prosekuzzjoni mhijiex fil-Qorti biex "bilfors issib lill-akkużat ħati", iżda biex tiżgura li l-proċess ikun wieħed ġust. Huwa qabbel lill-partijiet kollha involuti fil-ġuri ma' "gerijiet ta' sistema", fejn kull wieħed għandu funzjoni differenti sabiex il-ġustizzja ssir skont il-liġi.
Huwa spjega wkoll li, peress li l-każ jikkonċerna allegat omiċidju volontarju, il-proċeduri qed jitmexxew mill-Istat kontra Yorgen Fenech.
L-avukat kompla jispjega li qabel każ jasal quddiem ġurija jkun għadda minn proċess twil ta' investigazzjoni u ġbir ta' provi. Żied jgħid li l-prosekuturi m'għandhom l-ebda interess personali jew finanzjarju fl-eżitu tal-każ, u rrimarka li "jsir jew ma jsirx il-ġuri, il-paga tagħna xorta tidħol fl-aħħar tax-xahar."
Meta dar lejn il-ġurati, Vella qal li għalkemm xi wħud jistgħu jħossuhom sfortunati li ntgħażlu biex iservu f'dan il-ġuri, sa tmiem il-proċeduri x'aktarx iħossuhom privileġġati li kienu parti minn wieħed mill-aktar każijiet importanti fl-istorja riċenti tal-pajjiż. "Tkunu lbistu ż-żarbun ta' ġudikant," qalilhom.
Vella kompla jispjega kif kull xhud se jgħaddi minn eżami u kontroeżami. Qal li waqt l-eżami, il-parti li tkun ressqet ix-xhud trid tagħmel mistoqsijiet miftuħa u mhux mistoqsijiet diretti jew suġġestivi. Min-naħa l-oħra, waqt il-kontroeżami dawn it-tip ta' mistoqsijiet huma permessi.
Huwa reġa' fakkar lill-ġurati li l-akkużat għandu dritt fundamentali li ma jixhidx, u li jekk jagħżel li jibqa' sieket dan ma jista' qatt jitqies bħala indikazzjoni ta' ħtija jew ta' nuqqas ta' verità. "Qed jeżerċita d-dritt li tagħtih il-liġi," qal.
Vella spjega wkoll li wara li jintemmu l-provi, il-prosekuzzjoni tagħmel is-sottomissjonijiet finali tagħha, segwita mir-risposta tad-difiża. Wara dan, il-liġi ma tippermettix lill-prosekuzzjoni terġa' tindirizza lill-ġurati. Ikun imiss lill-Imħallef tagħti l-aħħar istruzzjonijiet tagħha qabel il-ġurati jirtiraw biex jiddeliberaw, deċiżjoni li, enfasizza, trid tkun ibbażata biss fuq il-provi li jkunu nstemgħu fil-Qorti.
Huwa ta wkoll spjegazzjoni dwar kif tinbena prosekuzzjoni kriminali, fejn qal li l-provi miġbura mix-xena tad-delitt jgħaddu għand il-maġistrat inkwerenti, li mbagħad jgħaddi l-inkjesta lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Hemmhekk jiġi deċiż jekk hemmx biżżejjed provi biex jinħarġu l-akkużi jew jekk ikunx hemm bżonn aktar investigazzjonijiet. Waqt li kien qed jitkellem, ipponta lejn madwar għaxar kaxxi fil-Qorti u qal li dawn jirrappreżentaw il-manifestazzjoni fiżika tal-każ tal-prosekuzzjoni.
Iż-żewġ akkużi
Vella mbagħad dar fuq iż-żewġ akkużi li qed jiffaċċja Yorgen Fenech. Spjega li minkejja li l-każ jikkonċerna omiċidju wieħed, il-ġurati se jkollhom jikkunsidraw żewġ reati distinti li għandhom jiġu evalwati b'mod kompletament indipendenti minn xulxin.
L-ewwel akkuża hija dik ta' kompliċità fl-omiċidju volontarju ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tieni hija li Fenech allegatament assoċja ruħu ma' persuna jew persuni oħra sabiex jitwettaq il-qtil tal-ġurnalista.
Huwa ħeġġeġ ukoll lill-ġurati jieħdu noti matul il-proċeduri, filwaqt li qal li dawn jistgħu jkunu ta' għajnuna meta jasal iż-żmien tad-deliberazzjonijiet.
Il-verżjoni tal-prosekuzzjoni
Meta beda jispjega l-fatti li l-prosekuzzjoni se tipprova matul il-ġuri, Vella qal li, skont il-każ tal-Istat, Melvin Theuma kien żviluppa relazzjoni mill-qrib mal-familja Fenech. Skont il-prosekuzzjoni, Theuma kien sar jaf lill-familja permezz ta' Ray Fenech u maż-żmien kien jiltaqa' ta' spiss ma' Yorgen Fenech, kien isuq lilu u lill-familja tiegħu lejn u mill-ajruport, u kien anke mistieden għal ikliet u attivitajiet mal-familja.
Il-prosekutur qal li l-Istat se jipprova li f'April tal-2017 Yorgen Fenech allegatament talab lil Theuma jsib persuna lesta twettaq il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Skont il-prosekuzzjoni, Theuma mbagħad għamel kuntatt ma' Alfred Degiorgio, li allegatament beda jiddiskuti t-termini tal-qtil.
Il-prosekuzzjoni tgħid li ntlaħaq ftehim għal ħlas ta' €150,000, li minnhom €30,000 kellhom jitħallsu minn qabel bħala depożitu u l-bqija wara li jitwettaq il-qtil.
Vella qal ukoll li, skont il-każ tal-Istat, il-pjan twaqqaf temporanjament meta tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, iżda reġa' beda wara li għaddiet l-elezzjoni. Huwa qal li l-prosekuzzjoni se tipprova li Fenech allegatament kompla jagħmel pressjoni fuq Theuma sabiex iħaffef il-pjan minħabba li kien jibża' li Daphne Caruana Galizia kienet se tippubblika informazzjoni dwaru.
Skont il-prosekuzzjoni, l-allegati eżekuturi ddeċidew li jużaw bomba bħala l-mezz biex jitwettaq il-qtil.
"Il-ħajja hija prezzjuża"
F'parti emozzjonanti tar-rekwiżitorja tiegħu, Vella qal lill-ġurati li "l-ħajja hija prezzjuża", u fakkar li Daphne Caruana Galizia kienet mara, omm, oħt u membru ta' familja li tilfet lil persuna għażiża.
Huwa qal li matul il-ġuri l-ġurati se jisimgħu x-xhieda ta' Matthew Caruana Galizia, li kien id-dar meta seħħet l-isplużjoni u li, skont il-prosekuzzjoni, ġera lejn il-vettura ta' ommu wara li sema' splużjoni qawwija. Vella qal li l-ġurati mistennija jisimgħu wkoll dwar ix-xena li sab quddiemu u d-dettalji traġiċi tal-aħħar mumenti tal-vittma.
Il-prosekutur sostna wkoll li l-mod kif kien allegatament tħejja l-apparat splussiv juri d-determinazzjoni li l-qtil jitwettaq, filwaqt li qal li, skont il-prosekuzzjoni, mal-bomba ntuża wkoll il-petrol biex tiżdied il-qawwa tal-isplużjoni.
Il-prinċipji legali
Lejn tmiem din il-parti tar-rekwiżitorja tiegħu, Vella spjega lill-ġurati l-elementi legali li jridu jkunu ppruvati sabiex persuna tinstab ħatja ta' omiċidju volontarju.
Huwa qal li l-liġi titlob li jkunu preżenti żewġ elementi essenzjali: il-mens rea, jiġifieri l-intenzjoni kriminali jew il-"guilty mind", u l-actus reus, jiġifieri l-att fiżiku li jwassal għat-twettiq tar-reat.
Vella enfasizza li dawn iż-żewġ elementi jridu jkunu preżenti flimkien sabiex persuna tkun tista' tinstab ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha.
