AĠĠORNATA FIS-6:00PM
Wara li l-ġurati daħlu fl-awla, inqara l-Att ta' Akkuża quddiemhom. Minnufih wara, l-Imħallef Edwina Grima indirizzat lill-ġurati għall-ewwel darba, fejn spjegatilhom ir-rwol tagħhom tul il-ġuri u r-responsabbiltà li għandhom fit-teħid tal-verdett.
L-Imħallef spjegatilhom li l-Qorti hija magħmula mill-Imħallef, il-ġurati u l-avukati tal-partijiet kollha, filwaqt li enfasizzat li huma huma "l-imħallfin tal-fatti". Qalet li għalkemm il-Qorti tapplika r-regoli tal-liġi, huma għandhom jiddeċiedu biss il-fatti tal-każ fuq il-bażi tal-provi li jisimgħu waqt il-ġuri.
Hija fakkrithom li d-deċiżjoni tagħhom trid tkun ibbażata biss fuq ix-xhieda u l-provi li jitressqu fil-Qorti u mhux fuq informazzjoni minn barra. Għalhekk talbithom iwarrbu kull tagħrif li setgħu kisbu dwar il-każ matul is-snin, inkluż dak li nqara fil-gazzetti, fuq il-mezzi tax-xandir jew fid-diskussjonijiet pubbliċi.
"Xejn minn barra din il-Qorti mhuwa prova," qalet l-Imħallef, filwaqt li enfasizzat li kull preġudizzju għandu jitħalla barra mill-awla u li l-ġurati għandhom jiddeċiedu biss fuq l-akkużi u l-provi li jitressqu quddiemhom.
L-Imħallef wissiethom ukoll li ma jistgħux jiddiskutu l-każ ma' ħadd, lanqas mal-familjari tagħhom, u li kull diskussjoni dwar il-każ tista' ssir biss bejn il-ġurati waqt id-deliberazzjonijiet.
Hija spjegat ukoll ir-rwol tal-ġurati supplenti, u qalet li għalkemm dawn ma jipparteċipawx fid-deliberazzjonijiet sakemm ma jkunx hemm il-ħtieġa li jissostitwixxu lil xi ġurat, xorta jridu jsegwu l-proċeduri kollha sabiex ikunu jistgħu jidħlu fil-ġuri jekk ikun meħtieġ.
L-Imħallef tat ukoll istruzzjonijiet dwar l-użu ta' apparat elettroniku. Spjegat li wara t-tmiem tas-seduta tal-lum il-ġurati se jingħataw il-permess imorru d-dar jiġbru l-affarijiet personali tagħhom, iżda ma jistgħux iġibu magħhom apparat ta' komunikazzjoni. "Dawn huma tieqa miftuħa għad-dinja ta' barra u bħalissa dik it-tieqa rridu magħluqa," qaltilhom.
Hija spjegat ukoll kif se jimxu l-proċeduri tal-ġuri. Qalet li wara l-indirizz tagħha se tibda r-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, li matulha se tispjega l-fatti tal-każ u l-provi li biħsiebha tressaq, qabel jibdew jixhdu x-xhieda tagħha.
Meta tagħlaq il-każ tagħha l-prosekuzzjoni, l-akkużat ikollu d-dritt jixhed, għalkemm għandu wkoll id-dritt li jagħżel li ma jixhidx. Wara jkun imiss lid-difiża tippreżenta l-każ tagħha u, jekk tagħżel, tressaq ix-xhieda tagħha. Sussegwentement isiru s-sottomissjonijiet finali tal-prosekuzzjoni u tad-difiża, qabel l-Imħallef tagħti l-aħħar indirizz tagħha lill-ġurati u tibgħathom jiddeliberaw dwar il-verdett.
L-Imħallef għalqet l-indirizz tagħha billi reġgħet fakkret lill-ġurati li għandhom jiftakru fil-ġurament li ħadu u li l-verdett tagħhom irid ikun ibbażat biss fuq il-provi u x-xhieda li jisimgħu fil-Qorti. Wara dan, il-proċeduri jkomplu bir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni. Il-ġuri jkompli għada fid-9.00 ta' filgħodu.