DIRETT | It-tieni jum tal-ġuri: Mistennija tibda r-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni

Wara li fl-ewwel seduta nqara l-Att ta' Akkuża u l-imħallef għamlet l-indirizz tagħha, illum il-ġuri jkompli bir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, li mistennija tispjega lill-ġurati l-każ tagħha qabel jibdew jixhdu l-ewwel xhieda

 

 

Il-ġuri ta' Yorgen Fenech dwar il-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia jkompli llum fil-Qorti Kriminali, fejn il-prosekuzzjoni mistennija tibda r-rekwiżitorja tagħha għall-ħabta tad-9.00 ta' filgħodu.

Matul l-ewwel seduta tal-bieraħ, il-ġurati daħlu fl-awla u nqara l-Att ta' Akkuża. Fl-ewwel waħda huwa akkużat b'kompliċità fl-omiċidju volontarju ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li fit-tieni huwa akkużat li assoċja ruħu ma' persuna jew persuni oħra sabiex jitwettaq il-qtil tal-ġurnalista.

Qabel inqara l-Att ta' Akkuża, id-difiża qajmet tħassib dwar il-live blog tal-ġuri, fejn argumentat li xhieda li għadhom iridu jixhdu jistgħu jsegwu dak li jkun qed jiġi rrappurtat u b'hekk ikunu influwenzati. Għalhekk talbet li ċerti xhieda jinstemgħu bil-bibien magħluqa. Min-naħa tagħha, l-Imħallef irrimarka li, sa fejn ikun possibbli, il-Qorti tipprova tevita li l-proċeduri jsiru bil-bibien magħluqa.

Wara, l-Imħallef Edwina Grima indirizzat lill-ġurati għall-ewwel darba, fejn spjegatilhom ir-rwol tagħhom bħala "l-imħallfin tal-fatti". Hija enfasizzat li l-verdett tagħhom irid ikun ibbażat biss fuq il-provi u x-xhieda li jitressqu fil-Qorti u mhux fuq dak li nqara, instema' jew ġie diskuss pubblikament dwar il-każ matul is-snin.

L-Imħallef wissiethom ukoll biex ma jiddiskutux il-każ ma' ħadd, inkluż mal-familjari tagħhom, spjegatilhom ir-rwol tal-ġurati supplenti u fakkrithom li mhux se jkunu jistgħu jużaw apparat elettroniku matul il-ġuri, sabiex jiġi evitat kull kuntatt ma' informazzjoni minn barra l-awla.

Fl-aħħar tal-indirizz tagħha, l-Imħallef tat spjegazzjoni dwar kif se jimxu l-proċeduri tal-ġuri, li se jibdew bir-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, segwita mix-xhieda tagħha. Aktar tard fil-ġuri jkun imiss lid-difiża tippreżenta l-każ tagħha, qabel is-sottomissjonijiet finali u d-deliberazzjoni tal-ġurati.

Il-ġurnalisti huma mistennija jidħlu fl-awla għall-ħabta tad-9.00 ta' filgħodu, meta mistennija tibda r-rekwiżitorja tal-prosekuzzjoni, li fiha se tispjega lill-ġurati l-fatti tal-każ u tagħti ħarsa ġenerali lejn il-provi li biħsiebha tressaq matul il-ġuri.

More in Qrati u Pulizija