Jibda l-ġuri ta' Yorgen Fenech

Kważi disa' snin wara l-assassinju li ħasad lil Malta, illum jibda l-ġuri ta' Yorgen Fenech, li qed jiffaċċja akkużi ta' kompliċità fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. 

Illum jibda l-ġuri ta' Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b'kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, delitt li seħħ fis-16 ta' Ottubru tal-2017 fil-Bidnija.

Fenech qed jaffaċċja żewġ akkużi ewlenin. L-ewwel waħda hija dik ta' kompliċità fl-omiċidju volontarju ta' Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tieni akkuża hija li assoċja ruħu ma' persuni oħra sabiex jitwettaq delitt li għalih hemm piena ta' priġunerija, jiġifieri l-qtil tal-ġurnalista.

Il-każ ħa żvolta importanti f'Novembru tal-2019 meta Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali biex jikxef dak li kien jaf dwar il-qtil. Ftit jiem wara, Fenech ġie arrestat mill-Forzi Armati ta' Malta abbord il-jott tiegħu hekk kif allegatament kien qed jipprova jitlaq minn Malta kmieni filgħodu. Huwa baqa' taħt arrest preventiv għal aktar minn ħames snin, sakemm fl-24 ta' Jannar 2025 il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti. Fost il-kundizzjonijiet imposti kien hemm depożitu ta' €80,000 u garanzija personali ta' €120,000, filwaqt li qariba tiegħu pprovdiet ukoll garanzija finanzjarja permezz ta' ishma fil-Grupp Tumas.  

Matul is-snin li għaddew saru diversi proċeduri preliminari, fosthom il-kumpilazzjoni tal-provi u għadd ta' rikorsi kostituzzjonali mressqa mid-difiża. Fl-2024 il-Qorti Kriminali ddeċidiet li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex Fenech jitqiegħed ġuri.

Dan se jkun wieħed mill-aktar ġurijiet segwiti fl-istorja riċenti ta' Malta, hekk kif għandu jitfa' dawl fuq l-allegat involviment tal-imprenditur fil-qtil li ħasad il-pajjiż u ġibed attenzjoni internazzjonali.

Matul il-ġuri mistennija jixhdu għadd ta' xhieda, fosthom investigaturi, esperti forensiċi, uffiċjali tal-Pulizija u persuni li kellhom rwol ewlieni fl-investigazzjoni. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

More in Qrati u Pulizija