Estinti l-proċeduri kontra raġel li hedded li jisfigura wiċċ is-sieħba tiegħu
Il-maġistrat fakkret lill-mara li r-risk assessment indika “periklu għoli ħafna”
More in Qrati u Pulizija
Il-maġistrat fakkret lill-mara li r-risk assessment indika “periklu għoli ħafna”
Raġel li hedded li jisfigura wiċċ is-sieħba tiegħu nħeles mill-proċeduri kontrih wara li l-mara rtirat ir-rapport ta’ vjolenza domestika li kienet għamlet ftit sigħat qabel.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Nadia Helena Vella, laqgħet it-talba biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra raġel akkużat b’vjolenza domestika wara li s-sieħba tiegħu għażlet li tirtira r-rapport, ftit sigħat biss wara li kienet fittxet l-għajnuna tal-pulizija. Il-mara reġgħet lura fl-għassa akkumpanjata mill-akkużat stess u talbet li dan ma jiġix arrestat.
Il-każ beda t-Tlieta għall-ħabta tas-1:00 am meta l-mara marret fl-għassa tas-Siġġiewi fejn allegat li s-sieħeb tagħha kien qed ikisser l-affarijiet fid-dar tagħhom. Hija kienet qalet lill-uffiċjali li kienet qed tibża' tmur lura d-dar u għalhekk għamlet ir-rapport inizjali.
Madankollu, ftit sigħat wara, hija reġgħet lura fl-għassa u infurmat lill-pulizija li ma xtaqitx tkompli bil-każ.
L-akkużat, raġel ta’ 29 sena li ma jaħdimx, ġie mixli li kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq is-sieħba tiegħu, li assaltaha, u li għamilha theddid u insulti. Huwa kien akkużat ukoll li wettaq reat waqt il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża.
Fil-Qorti nstema' kif l-akkużat allegatament isofri minn problemi ta’ abbuż ta’ sustanzi u kien sar paranojku, b’theddid lejn il-mara li kien jinkludi l-kliem “se nifqgħalek wiċċek” u “se nisfiguralek wiċċek”.
Fix-xhieda tagħha, il-mara insistiet li l-inċident kien wieħed iżolat u ddikjarat li l-koppja, li ilha f’relazzjoni għal aktar minn sentejn, kienet diġà solviet il-problemi tagħha.
Hija kkontestat il-verżjoni tal-pulizija u qalet li l-ispettur ma kienx qed jgħid il-verità, filwaqt li sostniet li hija kienet qalet biss li s-sieħeb tagħha kien qed iċaqlaq l-affarijiet u mhux ikissirhom.
L-Ispettur Omar Zammit intervjena u sostna li l-mara kienet qed tbiddel il-verżjoni tagħha. Huwa żied li l-filmati mill-body camera tal-pulizija jistgħu jikkonfermaw b'mod ċar il-verżjoni tal-uffiċjali.
Il-Maġistrat Nadia Helena Vella fakkret lill-mara li r-risk assessment li sar mill-awtoritajiet rriżulta f’punteġġ ta’ 19, li jindika livell ta’ periklu “għoli ħafna”.
Minkejja li l-Qorti staqsietha jekk kinitx ċerta mid-deċiżjoni tagħha li tirtira l-każ, il-mara kkonfermat id-deċiżjoni tagħha. Għalhekk, il-Qorti laqgħet it-talba biex il-proċeduri jitwaqqfu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit, filwaqt li l-avukati René Darmanin u Ishmael Vella dehru għall-akkużat.