Raġel jinħeles mill-arrest wara li allegatament sawwat lis-sieħba tiegħu quddiem żewġ minorenni

Raġel ta’ 46 sena minn Ħaż-Żabbar, li huwa impjegat ma’ Festivals Malta u huwa DJ, ingħata ħelsien mill-arrest nħar l-Erbgħa wara li deher quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo fuq akkużi talli attakka u fastidja lis-sieħba tiegħu

Il-qorti semgħet kif nhar it-Tnejn, mara għamlet rapport kontra s-sieħeb tagħha. L-inċident allegatament seħħ madwar is-1pm waqt li l-koppja kienet fil-vettura akkumpanjata mit-tfal minuri tal-mara. 

Waqt argument li seħħ fil-karozza, ir-raġel allegatament sawwat lill-mara f’wiċċha, fejn laqgħat għajnejha u gidmilha l-polz. Meta l-vittma provat iċċempel lill-pulizija, hu allegatament ħataf il-mobile u sabtu diversi dravi mal-bieba tal-vettura, fejn hu prova jgarah barra mit-tieqa. 

Skont il-prosekuzzjoni, wieħed mit-tfal talab lill-akkużat biex jieqaf isawwat lil ommu. Hekk kif kienu qed isuqu minn ħdejn l-MCAST, l-akkużat allegatament qal lill-vittmi, “Irrid inweġġagħkom”, hekk kif beda jsuq b’mod perikoluż. 

Il-vittma rnexxielha taħrab mill-karozza fejn ġiet assistita minn uffiċjala ġewwa l-għassa ta’ Bormla. 

Stqarrijiet meħuda miż-żewġ minorenni wrew xejra ta’ theddid, bl-akkużat allegatament jgħid lill-vittma, “Nibża’ minn ħaġa waħda dwari nnifsi, li nista’ nispiċċa noqtlok”, u sfidaha tiġbidlu filmat.

Il-qorti ġiet infurmata li l-laqgħa fil-jum tal-inċident seħħet wara li r-raġel kien ikkuntattja lill-vittma, fejn allega li kien se jweġġa’ lilu nnifsu. Dan wara argument li seħħ il-ġurnata ta’ qabel, ippannikkjata mit-theddida, hija qablet li tiltaqa’ miegħu.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Filwaqt li l-arrest tqies validu, il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Audrey Micallef, oġġezzjonat għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni semmiet in-natura tar-reati u t-tħassib dwar l-intimidazzjoni ta’ xhieda ċivili.

L-avukati tad-difiża Franco Debono u Adreana Zammit argumentaw favur il-ħelsien mill-arrest u indikaw li l-akkużat għandu fedina penali netta u impjieg stabbli. Innotaw ukoll li r-raġel jgħix f’Ħaż-Żabbar filwaqt li l-vittma tirrisjedi f’raħal ieħor, u dan inaqqas ir-riskju ta’ kuntatt aċċidentali.

Omm u iben l-akkużat kienu preżenti wkoll fl-awla biex jappoġġjaw l-istqarrija tad-difiża dwar ir-rabtiet familjari qawwija tiegħu.

Wara li l-qorti kkunsidrat il-punteġġ tal-valutazzjoni tar-riskju u l-kondotta nadifa tal-akkużat, il-Maġistrat Farrugia Frendo tat il-ħelsien mill-arrest.

Il-kundizzjonijiet jinkludu ordni ta’ protezzjoni li tkopri lill-mara u lil uliedha, rekwiżit li l-akkużat jiffirma il-ktieb tal-ħelsien mill-arrest tliet darbiet fil-ġimgħa, u projbizzjoni milli jidhol fil-lokalità tal-vittma sakemm ma jkunx akkumpanjat mill-pulizija.

Il-ħelsien mill-arrest ġie stabbilit fuq depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €10,000.

L-avukat Nicholas Mifsud deher parte civile għall-vittma.

More in Qrati u Pulizija