Raġel kkundannat għal sena ħabs sospiża għal sentejn wara li saq bla liċenzja

Raġel ta’ 47 sena ġie mressaq il-Qorti akkużat li saq vettura minkejja li ma kellux liċenzja valida u mingħajr assigurazzjoni.

Fil-Qorti tal-Maġistrati, il-Pulizija mmexxija mill-Ispettur Nathan Bugeja akkużat lil Hamoud Elewi, residenti Ħal Tarxien, b’diversi reati relatati mas-sewqan. 

L-Ispettur spjega li fit-2 ta’ Marzu surġent tal-Pulizija kien qed jagħmel traffic management viċin l-skola primarja f’Raħal Ġdid meta nnota lill-akkużat jipparkja f’post riservat għal persuni b’diżabilità. Meta l-uffiċjal kellem lill-akkużat, dan allegatament ammetta li l-liċenzja tiegħu kienet ġiet revokata u li ma setax isuq.

Madankollu, madwar ġimagħtejn wara, ilbieraħ, waqt road check fil-bypass tal-Mellieħa, il-Pulizija nnotat vettura riesqa b’veloċità eċċessiva. Meta l-istess surġent ipprova jwaqqaf il-vettura, din naqset milli tieqaf u kompliet sejra bil-mod. Il-Pulizija segwietha b’muturi u rnexxielhom iwaqqfuha ftit aktar ’il fuq.

Is-surġent allegatament għaraf lis-sewwieq bħala l-istess persuna li kien diġà kellem qabel u reġa’ nfurmah li ma setax isuq.
Fil-vettura kien hemm ukoll żewġ passiġġieri oħra. Iż-żewġ passiġieri ma kellomx dokumenti ta’ identifikazzjoni  u ttieħdu l-uffiċju tal-migrazzjoni.

Elewi ġie arrestat, filwaqt li ġie kkonfermat li l-liċenzja tiegħu kienet ġiet revokata wara li akkumulat 57 punt. L-aħħar darba li kellu liċenzja valida kienet fl-2023. Il-vettura kienet irreġistrata fuq martu.

L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih. 

Il-qorti fid-deċiżjoni tagħha sabet lill-akkużat ħati kontra l-akkużi miġjuba kontrih, u tikkundannah għal sena ħabs sospiża għal sentejn filwaqt li l-liċenzja ġiet sospiża għal sentejn. 

L-akkużat qed jiġi rrapreżentat mill-avukat Jason Grima filwaqt li l-prosekuzzjoni ġiet mmexxija mill-ispettur Nathan Bugeja.

More in Qrati u Pulizija