Il-Qorti tal-Maġistrati preseduta mill-Maġistrat Dr Astrid May Grima illiberat lil Floyd Cardona mill-akkużi li kien qed jiffaċċja dwar allegat attakk li kien seħħ fil-bidu ta’ Ġunju tal-2020. Is-sentenza ngħatat fis-16 ta’ Marzu 2026 fil-kawża Il-Pulizija kontra Floyd Cardona, imressqa mill-Ispettur Colin Sheldon.
Cardona, ta’ 29 sena minn Birkirkara, kien akkużat li bejn il-1 u t-2 ta’ Ġunju 2020, f’diversi lokalitajiet fosthom Tas-Sliema, il-Gżira u Raħal Ġdid, ikkaġuna ġrieħi gravi lil vittma. L-akkużi kienu bbażati fuq diversi artikoli tal-Kodiċi Kriminali relatati ma’ ġrieħi gravi, vjolenza u theddid.
Mill-provi ppreżentati fil-Qorti rriżulta li fil-lejl tal-inċident il-vittma kienet instabet f’kundizzjoni ta’ paniku f’Raħal Ġdid u kienet qed titlob l-għajnuna. Fuq il-post kienu marru uffiċjali tal-Pulizija u ta’ Transport Malta, li aktar tard sejħu ambulanza biex tingħata assistenza medika.
Ix-xhieda medika ppreżentata fil-proċeduri, inkluż dik tat-tabiba Dr Elaine Buttigieg, indikat li kienet sofriet diversi ġrieħi fil-ġisem, fosthom ksur fit-tieni sinna tax-xellug u ġrieħi oħra li ġew iċċertifikati bħala ta’ natura gravi.
Matul il-kumpilazzjoni u l-proċess instemgħu diversi xhieda, fosthom uffiċjali tal-Pulizija, uffiċjali ta’ Transport Malta, professjonisti mediċi u persuni oħra li kienu fuq il-post jew involuti fl-investigazzjoni. Il-Qorti semgħet ukoll dwar il-kuntest tar-relazzjoni bejn Cardona ul-vittma, li kienet ilha għaddejja għal diversi snin qabel l-inċident.
Fil-proċeduri ħareġ ukoll li l-parti ċivili kienet iddikjarat li kienet qed tirrinunzja milli tkompli bl-azzjoni tagħha fil-kawża.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qieset il-provi kollha li tressqu fil-proċess u osservat ukoll l-inkonsistenzi li dehru f’diversi stadji tal-proċeduri. Il-Qorti nnutat ukoll li l-verżjonijiet mogħtija matul il-proċess ma kinux dejjem konsistenti u li kien hemm dubji dwar kif seħħew l-avvenimenti.
Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li l-akkuża ma kinitx ġiet ippruvata sal-grad rikjest mil-liġi u ddeċidiet li Floyd Cardona ma jinstabx ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u għaldaqstant ġie lliberat minnhom.
L-akkużat kien qed jiġi rrapreżentat mill-avukat Ezekiel Psaila