Tnejn liberati minn akkużi ta’ serq aggravat u riċetazzjoni marbuta ma' Lidl San Ġwann

Il-Qorti tal-Maġistrati, ippreseduta mill-Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo, iliberat lil Andrea Buzza u lil Sandro Vella minn kull ħtija u piena wara li kkonkludiet li l-akkużi miġjuba kontrihom ma ġewx ippruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-każ kien jirrigwarda allegat serq aggravat ta’ prodotti mill-istabbiliment ta’ Lidl Malta Ltd f’San Ġwann matul is-sena 2012, b’valur allegat ta’ madwar €143,412. 

Andrea Buzza kien akkużat li wettaq is-serq aggravat, filwaqt li Sandro Vella kien akkużat li kien kompliċi billi pprovda armi, għodda jew mezzi għall-egħmil tad-delitt, kif ukoll li xjentement laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa jew akkwistati b’reat.

Mis-sentenza jirriżulta li l-investigazzjoni bdiet wara li fil-Lidl ta’ San Ġwann instabu diskrepanzi fl-inventarju tal-prodotti. Xhieda fil-kawża qalu li dawn id-diskrepanzi tqajmu waqt verifiki interni dwar oġġetti neqsin. Il-Prosekuzzjoni ressqet diversi xhieda, fosthom uffiċjali tal-Pulizija, impjegati u persuni marbuta mal-investigazzjoni.

Fost ix-xhieda, ingħad li waqt l-investigazzjoni nġabru diversi oġġetti minn diversi ħwienet u postijiet oħra, u li wħud minn dawn allegatament kienu jappartjenu lil Lidl. 

Madankollu, il-Qorti nnutat li għalkemm saret referenza għal dokumenti ta’ inventarju u għal prodotti allegatament irkuprati, dawn ma ġewx esebiti formalment bħala provi fil-proċeduri. Lanqas ma nħatar espert biex jeżamina l-oġġetti elevati u jistabbilixxi jekk kinux effettivament tal-kumpanija.

Punt ċentrali fis-sentenza kien il-valur probatorju tal-istqarrijiet li ż-żewġ imputati kienu taw lill-Pulizija fl-2012. Il-Qorti osservat li, għalkemm dak iż-żmien il-liġi Maltija kienet tagħti d-dritt ta’ konsultazzjoni ma’ avukat qabel l-interrogazzjoni, id-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogatorju daħal fis-seħħ biss fit-28 ta’ Novembru 2016 permezz tal-Avviż Legali 401 tal-2016.

Skont is-sentenza, Sandro Vella kien ikkonsulta ma’ avukat tal-fiduċja tiegħu qabel l-interrogazzjoni, filwaqt li Andrea Buzza kien irrinunzja għal dak id-dritt. It-tnejn li huma kienu mwissija li setgħu ma jweġbux għad-domandi u li kull ma jgħidu seta’ jintuża kontrihom. 

Minkejja dan, il-Qorti ddeċidiet li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata u peress li l-istqarrijiet kienu jinkludu dikjarazzjonijiet inkriminanti li setgħu jippreġudikaw serjament il-pożizzjoni tagħhom, dawn kellhom jiġu ddikjarati inammissibbli.

Il-Qorti enfasizzat li, barra l-istqarrijiet tal-imputati, ma kienx hemm provi oħra indipendenti jew korroborattivi biżżejjed biex jorbtu lil Buzza u Vella mar-reati allegati. Fis-sentenza jingħad li minkejja n-numru ta’ xhieda mressqa, ma ħarġet ebda prova ċara u diretta li tqiegħed lill-imputati bħala responsabbli għas-serq jew għar-riċetazzjoni.

Il-Qorti fakkret ukoll fil-prinċipju fundamentali tad-dritt kriminali li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Prosekuzzjoni, li trid tipprova l-ħtija tal-imputat lil hinn minn kull dubju raġonevoli. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ provi diretti jew korroborattivi, il-Qorti qalet li ma setgħetx tasal għal ċertezza morali dwar l-involviment tal-imputati.

Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li ma ssibx lil Andrea Buzza u lil Sandro Vella ħatja tal-imputazzjonijiet dedotti kontrihom u lliberathom minn kull ħtija u piena.

More in Qrati u Pulizija