“It-tifla ħudha miegħak, it-tifel fis-sema” – raġel akkużat li prova joqtol liż-żewġ uliedu
Il-Qorti tal-Maġistrati semgħet kif tifla ta’ 10 snin sabet mingħand mara fi Triq il-Kosta u ttieħdet fl-Għassa ta’ San Ġiljan wara li allegat li missierha prova jifgaha u qatel lil ħuha
minn Jaelle Borg / Kaylyn Linwood
Raġel ta’ 49 sena, imwieled Catania u impjegat u residenti Malta, tressaq il-Qorti mixli b’reati serji relatati ma’ attentat ta’ qtil fil-konfront tat-tfal tiegħu. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-każ seħħ fis-7 ta’ Marzu għall-ħabta tal-10:15 ta’ filgħaxija meta l-Pulizija ġew infurmati li fl-Għassa ta’ San Ġiljan daħlet mara flimkien ma’ tifla ta’ madwar 10 snin. Il-mara qalet li kienet sabet lit-tifla titlob għall-għajnuna fi Triq il-Kosta u għalhekk ħaditha fl-għassa. It-tifla allegat li missierha kien ipprova jifgaha u li kien qatel lil ħuha, u li hi rnexxielha taħrab.
Wara din l-informazzjoni, il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post fejn allegatament seħħ l-inċident u bdiet tfittxija għat tifel. Ġewwa kamra fl-inħawi ta’ White Rocks instab tifel b’diversi daqqiet f’rasu, ammont kbir ta’ demm u kważi mitluf minn sensih. Fuq il-post ġew imsejħa t-tobba u t-tifel ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt.
Matul l-investigazzjoni ħareġ ukoll li l-omm irċeviet telefonata mingħand ir-raġel fejn bit-Taljan qalilha li t-tifla setgħat teħoda magħha filwaqt li qal li t-tifel “qiegħed fis-sema”. Huwa ċempel ukoll lil raġel ieħor li aktar tard irriżulta li kien flatmate tiegħu. Dan il-flatmate għamel rapport ta’ persuna nieqsa u spjega li kien irċieva telefonata mingħand l-akkużat li qallu biex il-flus li kellu fil-flat jużahom għall-funeral tiegħu stess.
Kemm il-flatmate kif ukoll il-mara qalu lill-Pulizija li waqt it-telefonata setgħu jinstemgħu ħsejjes tal-baħar fl-isfond.
Il-Pulizija wettqu mobile location analysis li indikat li l-mobile tal-akkużat kien qed jimmarka fiċ-cell towers tal-inħawi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Għalhekk kompliet it-tfittxija f’dawk l-inħawi.
Il-Ħadd wara nofsinhar il-mobile instab qrib il-baħar fl-inħawi ta’ White Rocks, viċin iż-żona tal-caravans, u minn hemm irriżulta li l-persuna mfittxija kienet għadha f’dawk l-inħawi, ħajja jew mejta.
It-Tlieta għall-ħabta tas-18:40 ta’ filgħaxija l-persuna ġiet osservata f’dawk l-inħawi. Surġent tal-Pulizija avviċinah u staqsieh jekk kienx Malti, u huwa wieġeb le. Meta staqsieh jekk kienx jismu Salvatore, huwa wieġeb iva u dak il-ħin sar l-arrest.
Ir-raġel deher li kellu diversi feriti u kien qed izappap. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie eżaminat. Mill-eżami mediku rriżulta li l-ġrieħi kienu kompatibbli ma’ waqgħa. Ġie spjegat ukoll li l-persuna kienet ippruvat tgħallaq lilha nnifisha iżda ma rnexxiliex, u sussegwentement ippruvat taqbeż fuq il-blat. Skont l-informazzjoni ppreżentata, hu waqa’ fil-baħar u nstabat mal-blat.
Fil-11 ta’ Marzu r-raġel ġie rrilaxxat mill-Isptar Mater Dei.
Huwa spjega li kien qiegħed joqgħod f’caravan li sab mitluq. Qal ukoll li kien kiteb nota. Meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu notebook u affarijiet personali tiegħu. Fin-nota kien hemm miktub rendikont ta’ dak li kien ġara fejn spjega li darba kellu familja kuntenta iżda li aktar tard kien hemm separazzjoni.
L-avukat tad-difiża staqsiet lill-ispettur dwar x’kien irriżulta minn diskussjonijiet ma’ persuni oħra dwar ir-relazzjoni tal-akkużat mat-tfal tiegħu. L-ispettur qal li minn dak li qalulu n-nies, ir-raġel kellu relazzjoni tajba mat-tfal.
Meta mistoqsi wkoll dwar ir-relazzjoni bejn l-akkużat u l-mara, l-ispettur qal li minn dak li qal l-akkużat u minn dak li kien hemm miktub fin-notebook jidher li r-relazzjoni kienet mimlija tensjoni.
Sar magħruf ukoll li ftit jiem qabel l-allegat każ, il-Qorti tal-Familja kienet diġà ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara u ż-żewġ uliedhom. L-ordni, maħruġa fid-9 ta’ Marzu 2026, tipprojbixxi lill-imputat milli javviċina, isegwi jew jikkuntattja lill-vittmi u tesiġi li jżomm distanza ta’ mill-inqas ħames metri minnhom. Il-ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal multa li tista’ tilħaq is-€7,000 u piena ta’ ħabs
Matul il-proċeduri, il-parte civile talbet sabiex is-seduta tkompli tinstema bil-magħluq. Id-difiża ma oġġezzjonatx għal din it-talba u lanqas il-prosekuzzjoni. Madankollu, il-Qorti ma laqgħetx it-talba u ddeċidiet li s-smigħ ikompli b’mod pubbliku.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Etienne Savona, Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Christian Xuereb. L-avukati Conrad Borg Manche, Gianella de Marco u Charles Mercieca qed jirrappreżentaw lill-akkużat.
Il-proċeduri fil-Qorti għadhom għaddejjin.
