Il-Qorti tiċħad l-appell ta’ kumpanija li riedet tforni l-blinds għall-Mużew ta’ Għawdex

Is-soċjetà Camilleri Paris Mode Limited tilfet l-appell tagħha wara li l-Qorti ddeċidiet li l-kumpanija m’għandhiex raġun tilmenta dwar ir-regoli tat-tender ladarba ma kkontestathomx mill-bidu nett

 

Il-kumpanija Camilleri Paris Mode kienet qed targumenta li r-regoli tekniċi ma kinux jagħmlu sens, iżda l-Qorti kkonfermat li r-regoli tal-akkwist pubbliku jridu jiġu segwiti minn kulħadd b'mod ugwali.

Dan l-appell sar wara li l-kumpanija nstabet li ma kinitx konformi mal-istandard tekniku EN 17037:2018, li kien rekwiżit obbligatorju fit-tender għall-blinds tal-Mużew ta’ Għawdex. 

Il-Qorti saħqet li ladarba l-kumpanija għażlet li tipparteċipa fit-tender mingħajr ma użat ir-rimedji legali biex tattakka l-ispeċifikazzjonijiet qabel ma għalqet is-sejħa, hija kienet obbligata toqgħod għal dawk il-kundizzjonijiet kollha.

Minkejja li l-kumpanija argumentat li l-offerta tagħha kienet orħos u teknikament ekwivalenti, il-Qorti saħqet li r-regoli tal-akkwist pubbliku ma jippermettux li l-kriterji jinbidlu wara li tinħareġ is-sejħa.

Dwar l-ilment li l-ispeċifikazzjonijiet kienu rrilevanti jew impossibbli li jintlaħqu, il-Qorti fakkret li l-liġi tipprovdi rimedju speċifiku taħt ir-Regolament 262 biex dawn jiġu kkontestati qabel ma tagħlaq is-sejħa. 

Il-Qorti kienet ċara fil-pożizzjoni tagħha meta qalet li “mhux leċitu li l-oblatur iħalli l-proċess għaddej, u wara, jekk jitlef il-kuntratt, jallega li kundizzjoni fis-sejħa ma kellhiex tkun hemm għax ‘kompletament irrilevanti’”. 

Peress li Camilleri Paris Mode Limited għażlet li tipparteċipa mingħajr ma użat dan ir-rimedju, hija kienet meqjusa li aċċettat il-kundizzjonijiet kollha tat-tender kif ippubblikati.

Il-Qorti ċaħdet ukoll l-argument li l-awtorità kontraenti kellha tikkunsidra l-offerta tagħhom minħabba li kienet l-irħas waħda. 
Qalet li l-prinċipju tas-self-limitation jorbot lill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni biex jimxi strettament mad-dokument tas-sejħa, u sostniet li “huwa prinċipju assodat li jekk ir-regoli tas-sejħa jitolbu ċertu prodott b’ċertu speċifikazzjonijiet, l-offerenti għandhom joqogħdu għal dawk ir-regoli u joffru prodott skont l-ispeċifikazzjonijiet hemm mitluba”. 

Il-fatt li l-blinds tal-appellanta kienu ntużaw f’mużewijiet oħra ma nstabx li kien biżżejjed biex jipprova l-konformità mal-klawsoli speċifiċi ta’ din is-sejħa partikolari.

Fl-aħħar nett, il-Qorti indirizzat l-allegazzjoni tal-appellanta li l-offerent rebbieħ, De Valier Co Limited, lanqas ma kien konformi mal-istandard rikjest. 
Il-Qorti nnutat li din l-allegazzjoni ma kinitx sostnuta bil-provi u li l-appellanta qatt ma talbet biex tara d-dokumentazzjoni tar-rebbieħ waqt il-proċeduri quddiem il-Bord. 
Għal dawn ir-raġunijiet, l-appell ġie miċħud fl-intier tiegħu bl-ispejjeż kontra l-appellanta.

More in Qrati u Pulizija