Żewġ irġiel mixlija b’attakk b’sikkina fuq raġel f’Ħal Qormi ġew miċħuda l-ħelsien mill-arrest

Raġel allegatament ingħata daqqa ta’ sikkina waqt argument f’appartament f’Ħal Qormi. Żewġ irġiel Indjani tressqu l-qorti u wieġbu mhux ħatja, filwaqt li l-qorti ordnat ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma

Żewġ irġiel ta’ nazzjonalità Indjana tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużati b’rabta ma’ allegat attakk b’sikkina fuq raġel ieħor li seħħ f’appartament f’Ħal Qormi.

L-imputati huma Sharath Nalla, ta’ 21 sena, u Chinna Bhojanna Padigela, ta’ 51 sena. It-tnejn jinsabu akkużati b’reati relatati ma’ attakk fuq il-vittma waqt inċident li allegatament seħħ fis-7 ta’ Marzu 2026 filgħodu.

Skont l-akkużi, wieħed mill-imputati allegatament ta daqqa ta’ sikkina lill-vittma waqt argument, filwaqt li l-ieħor huwa akkużat li kien kompliċi fl-attakk. Il-prosekuzzjoni sostniet li l-vittma ġarrbet ġrieħi ħfief. 

Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi relatati ma’ ġrieħi fuq il-persuna tal-vittma, kif ukoll akkużi ta’ theddid u insulti.

Mill-informazzjoni ppreżentata fil-qorti rriżulta li l-pulizija rċevew rapport li persuna kienet ġiet attakkata b’sikkina ġewwa appartament u li s-suspettat kien telaq minn fuq il-post.

Meta l-pulizija tkellmu mal-vittma, dan allegatament spjega li waqt l-argument, il-persuna li kienet ma ġenbu żammu filwaqt li r-raġel l-ieħor allegatament tah daqqa ta’ sikkina.

Fl-iżvilupp waqt li uffiċjali tal-pulizija kienu qed jinfurmaw lill-ispettur dwar il-każ mill-post tal-inċident, persuna marret fl-għassa tal-pulizija biex tirrapporta argument. L-ispettur talbu joqgħod jistenna, iżda meta staqsieh għal ismu rriżulta li kien jaqbel mal-isem tas-suspettat li kien għadu kif ġie rrappurtat lill-pulizija.

Iż-żewġ imputati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Id-difiża talbet għal-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-akkużati jgħixu flimkien. Id-difiża sostniet li għanda xhud li lest jixhed li se jżomm liż-żewġ irġiel miegħu. Ix-xhud tela’ jixhed u kkonferma dan. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest. 

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur James Mallia flimkien mal-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Martina Muscat, talbet lill-qorti biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, talba li ġiet milqugħa mill-qorti. 

L-imputati kienu difiżi mill-avukati Alex Scerri Herrera u Noel Bianco.

More in Qrati u Pulizija