Id-difiża fil-każ VGH tgħid li l-Istat għandu jabbanduna r-rapport ta’ Harbinson
L-avukat Stefano Filletti jitlob lill-Qorti tiddikjara lill-espert bħala “mhux lest jew mhux kapaċi jixhed” wara li naqas milli jidher għall-kontra-eżami
minn Jaelle Borg
Id-difiża fil-proċeduri relatati mal-każ tal-Vitals Global Healthcare sostniet li l-Istat għandu jikkunsidra li jabbanduna kompletament ir-rapport tal-espert Jeremy Harbinson, u saħansitra jevalwa jekk hemmx lok għal passi legali biex jirkupra madwar €11-il miljun li allegatament tħallsu b’rabta ma’ dan ir-rapport.
Dan intqal mill-avukat Stefano Filletti waqt seduta fil-Qorti fejn qed jinstemgħu l-proċeduri kontra l-eks segretarji permanenti Alfred Camilleri, Joseph Rapa u Ronald Mizzi.
Is-sottomissjonijiet saru wara talba formali ppreżentata mid-difiża sabiex il-Qorti tiddikjara lil Harbinson bħala persuna li jew mhijiex lesta tixhed jew inkella ma tistax tixhed fil-proċeduri.
Is-seduta saret wara li, fis-seduta preċedenti, il-Qorti stiednet lid-difiża biex tippreżenta applikazzjoni bil-miktub dwar din il-kwistjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi kif għandha timxi ’l quddiem.
Permezz tal-applikazzjoni, id-difiża qed titlob lill-Qorti tagħmel dikjarazzjoni formali dwar l-istatus ta’ Harbinson, li skont l-avukati tista’ twassal għal konsegwenzi legali fil-kawża.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Ġenerali oġġezzjona għal din it-talba u sostna li l-Qorti ma tistax sempliċement tassumi li l-espert mhux lest jew mhux kapaċi jixhed.
Madankollu, id-difiża fakkret li diġà f’Frar tal-2025 Harbinson kien ippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata fejn qal li ma kellu l-ebda intenzjoni jivvjaġġa lejn Malta jew jixhed fil-każ. F’dik id-dikjarazzjoni kien allegatament sostna wkoll li ma kienx qed jitħallas biex jixhed u li ma baqax iħossu involut fil-proċeduri.
Skont id-difiża, Harbinson kien ukoll ħatar avukat li informa lir-reġistru tal-Qorti li kull komunikazzjoni għandha ssir permezz tiegħu u mhux direttament mal-espert.
Filletti qal lill-Qorti li minn dak iż-żmien ’l hawn il-post fejn jinsab Harbinson għadu mhux magħruf, u l-partijiet fil-kawża ma jafux fejn qed jgħix bħalissa. Żied jgħid li l-espert kien indika wkoll li ma setax jixhed wara li ċeda l-warrant tiegħu bħala accountant u beda proċess biex jagħlaq il-kumpanija li kienet ipproduċiet ir-rapport.
Id-difiża sostniet li din is-sitwazzjoni mhux biss affettwat il-proċeduri iżda wkoll poġġiet lill-ġudikatura f’sitwazzjoni imbarazzanti, peress li ħadd minn dawk li ħatruh bħala espert tal-Qorti ma seta’ jantiċipa dan l-iżvilupp.
Filletti spjega li l-awtoritajiet Maltin ħadu diversi passi biex jippruvaw isibu lil Harbinson. Fost oħrajn, il-Qorti kienet ordnat lill-Kummissarju tal
Pulizija biex titnieda investigazzjoni internazzjonali sabiex jiġi determinat fejn jinsab. Il-Pulizija, permezz tal-Interpol, ħarġu wkoll Blue Notice madwar id-dinja, iżda dawn l-isforzi ma wasslux għal riżultat.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, qal Filletti, mhuwiex raġonevoli li l-Avukat Ġenerali jargumenta li l-Qorti ma tistax tasal għall-konklużjoni li l-espert mhux se jixhed jew li ma jistax jinstab.
Huwa enfasizza wkoll li kull imputat għandu d-dritt għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli. Skontu, il-każ ilu effettivament wieqaf għal aktar minn sena u nofs waqt li l-partijiet qed jistennew lil Harbinson, sitwazzjoni li tqajjem tħassib serju dwar possibbli ksur tad-drittijiet fundamentali.
Filletti sostna li issa huwa f’idejn il-Qorti li tieħu pożizzjoni ċara u tiddeċiedi jekk l-espert maħtur mill-Qorti huwiex verament mhux lest jixhed jew inkella ma jistax jiġi lokalizzat.
