Qorti Kostituzzjonali ssib li Luke John Milton sofra ksur tad-dritt għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli

Il-Qorti ordnat li l-prosekuzzjoni għandha sitt xhur biex tippreżenta d-data mill-mobile, inkella trid tagħlaq il-provi tagħha

Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li Luke John Milton sofra ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli, wara li l-proċeduri kriminali kontrih damu snin sospiżi minħabba diffikultajiet biex jinfetaħ il-mobile tiegħu.

Milton qed jaffaċċja diversi akkużi serji, fosthom frodi li taqbeż il-€5,000, ħasil ta’ flus, misapproprjazzjoni, serq ta’ cryptocurrency aggravata bil-valur, pussess ta’ oġġetti użati għall-frodi, kif ukoll reżistenza vjolenti għall-arrest. Il-vittma allegatament tilef cryptocurrency stmata għal madwar €700,000.

Il-proċeduri kriminali jmorru lura għal Ġunju tal-2021, meta Milton tressaq il-Qorti taħt arrest u l-Pulizija kkonfiskat il-mobile tiegħu. Huwa ġie mitlub jiftaħ it-telefon jew jipprovdi l-password, iżda rrifjuta.

Fit-28 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti ħatret lill-espert tal-IT Keith Cutajar sabiex jieħu l-passi meħtieġa biex jinfetaħ it-telefon u tiġi estratta d-data li kien fih. Madankollu, l-espert aktar tard informa lill-Qorti li ma kellux it-tagħmir teknoloġiku meħtieġ biex jagħmel dan u għalhekk talab l-awtorizzazzjoni biex ifittex assistenza minn barra.

Il-Qorti awtorizzat li jsir kuntatt ma’ laboratorju tal-Homeland Security Investigations fl-Istati Uniti sabiex jipprovdi għajnuna teknika.
Matul is-seduti li segwew, l-espert spjega li l-investigaturi kienu qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar biex jinfetaħ il-mobile. Huwa qal li l-proċess kien jinvolvi żewġ fażijiet u li waħda minnhom kienet teħtieġ teknoloġija li dak iż-żmien lanqas biss kienet għadha teżisti.

Meta mistoqsi kemm jista’ jdum jiġi żviluppat tali mezz teknoloġiku, l-espert qal li seta’ jieħu sena, ħames snin jew saħansitra għaxar snin. Sadanittant, Milton baqa’ taħt arrest preventiv u diversi talbiet għall-ħelsien mill-arrest ġew miċħuda mill-Qorti tal-Maġistrati u mill-Qorti Kriminali minħabba tħassib dwar possibbiltà ta’ tfixkil fl-evidenza.

Sentejn wara, il-mobile kien għadu ma nfetaħx. F’Ġunju tal-2023 il-każ ġie aġġornat sine die, jiġifieri mingħajr data ġdida, peress li l-investigaturi ma setgħux jaċċessaw id-data fil-mobile.

F’Applikazzjoni Kostituzzjonali ppreżentata fil-11 ta’ Awwissu 2023, Milton sostna li d-dewmien fil-proċeduri kien jikser id-dritt tiegħu għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli. Huwa qal li l-libertà tiegħu kienet ristretta, l-assi tiegħu ġew iffriżati u ħajtu effettivament tpoġġiet fuq pawż minħabba li l-prosekuzzjoni ma setgħetx taċċessa l-evidenza fil-mobile.

Minn naħa tagħhom, l-Avukat tal-Istat, l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija argumentaw li l-proċeduri kienu għadhom pendenti u li l-mobile kien fih evidenza kruċjali. Huma sostnew li l-prosekuzzjoni għamlet kull sforz biex tiftaħ il-mobile, inkluż billi fittxet assistenza minn esperti fl-Istati Uniti. Argumentaw ukoll li d-dewmien seta’ jiġi evitat kieku Milton ipprovda l-password tal-mobile tiegħu.

Madankollu, il-Qorti Kostituzzjonali osservat li mill-2021 ’l hawn il-każ kien effettivament waqaf minħabba d-diffikultà biex tiġi estratta d-data mill-mobile. Għalkemm aktar tard intqal li setgħet teżisti teknoloġija ġdida li tippermetti li jinfetaħ it-telefon, xorta ma kien hemm l-ebda ċertezza li dan jirnexxi.

Il-Qorti rrikonoxxiet li Milton irrifjuta li jipprovdi l-password jew juża r-rikonoxximent tal-wiċċ biex jinfetaħ it-telefon. Madankollu enfasizzat li l-obbligu li tinġabar l-evidenza jaqa’ fuq il-prosekuzzjoni u mhux fuq l-imputat, u li l-proċeduri xorta jridu jsiru fi żmien raġonevoli.
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li d-dewmien fil-proċeduri kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ ġust fi żmien raġonevoli.

Bħala rimedju, il-Qorti ordnat li jekk id-data estratta mill-mobile ma tiġix ippreżentata fil-proċeduri kriminali fi żmien sitt xhur minn meta s-sentenza ssir definittiva, il-maġistrat irid jiddikjara immedjatament li l-prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha.

Il-Qorti ddeċidiet li f’dan l-istadju ma jingħatawx danni, filwaqt li l-ispejjeż tal-kawża kostituzzjonali għandhom jitħallsu mir-rispondenti b’mod konġunt u solidali.

Milton kien irrappreżentat mill-avukati Stefano Filletti u Nicole Galea, filwaqt li s-sentenza ngħatat mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey.

Milton kien ukoll akkużat separatament b’rabta mal-ħtif ta’ Carlos Schembri.

More in Qrati u Pulizija