Raġel ta’ 26 sena ta’ nazzjonalità Somala tressaq il-Qorti akkużat b’serqa vjolenti fuq anzjan li allegatament seħħet fil-Ħamrun.
Farhan Adan Mohamed, li huwa bla xogħol u mingħajr residenza fissa f’Malta, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih meta deher quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.
Il-każ seħħ fis-27 ta’ Frar bejn is-2pm u t-3pm fi Triq San Ġużepp, Ħamrun, meta allegatament insterqet kartiera b’ammont ta’ €1000 minn anzjan.
Mill-informazzjoni li tressqet fil-Qorti jirriżulta li l-vittma kien qed jitkellem ma’ raġel meta ħassu skomdu u pprova jitlaq minn fuq il-post. F’dak il-ħin l-aggressur allegatament imbuttah u seraqlu l-kartiera li fiha kien hemm madwar €1,000 fi flus kontanti.
Il-Pulizija qalet li minn filmati tas-CCTV l-imputat deher jaħrab lejn il-Pietà u mbagħad lejn il-Marsa, fejn allegatament ġie identifikat minn wiċċu u mill-ħwejjeġ li kien liebes.
Minbarra s-serqa, Mohamed qed jiffaċċja wkoll akkużi li kkawża sofferenza fiżika jew mentali lil persuna anzjana, li kkaġuna ġrieħi ħfief, kif ukoll li għex ħajja ta’ vagabondaġġ.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Keith Rizzo u Kathleen Zerafa flimkien mal-avukata Miryea Mifsud mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukata Rachel Tua dehret għall-imputat.
Talba għall-ħelsien mill-arrest ma saritx f’dan l-istadju.